Code of Ethics of Ministers, Parliamentary Secretaries and Parliamentary Assistants


KODIĊI TA’ ETIKA GĦALL-MINISTRI

MALTA

FRAR 2015

WERREJ

Daħla

1. Preambolu
2. Skop ta' dan il-Kodiċi
3. Infurzar tal-Kodici
4. Prinċipji Ġenerali
5. Standards għal Ministri bħala Persuni li Jokkupaw Kariga Pubblika
6. Responsabbiltà Kollettiva - il-Ministri u l-Gvern
7. Dmirijiet Ministerjali
8. Interessi Privati tal-Ministri u Kunflitti ta’ Interess
9. Il-Ministri u l-Parlament
10. Il-Ministri, Relazzjonijiet Pubbliċi u l-Istampa 

DAĦLA

Id-dokument ta’ Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari kien ippubblikat għall-ewwel darba 20 sena ilu. B’hekk inħass il-bżonn li jiġi aġġornat, biex b’hekk dan il-Kodiċi ta’ Etika jirrifletti r-realtajiet tad-dinja moderna li qed ngħixu fiha.

Il-prinċipju jibqa’ wieħed ċar ta’ trasparenza u l-ogħla livelli ta’ governanza.

Fuq kollox, l-applikazzjoni tal-ogħla livell ta’ etika fl-imġieba pubblika li tgħodd, u mhux il-karta li fuqha jkun miktub dan il-kodiċi. Fl-applikazzjoni ta’ dan il-Kodiċi ta' Etika għandu jkun hemm livell ta’ sens komun iggwidat mill-ġid komuni u r-rettezza f’kull deċiżjoni li tittieħed.

Il-Gvern permezz tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu għandu jibqa’ viċin in-nies, li jisma’ u jħares dejjem il-ħtiġijiet tal-poplu, qabel l-interessi individwali ta’ kull membru tiegħu.

L-obbligu u r-responsabbiltà ta’ mġieba korretta u serja f’kull livell tal-ħajja jibqa’ fuq il-persuni li jokkupaw kariga eżekuttiva fi ħdan il-Gvern.

B’hekk inżidu l-livell ta’ fiduċja tal-pubbliku fil-politiċi u b’mod partikolari fil-Gvern li jkun ingħata mandat mill-poplu Malti u Għawdxi.

Frar 2015

 

KODIĊI TA’ ETIKA GĦALL-MINISTRI

F’dan il-kodiċi, riferenza għal Ministru tinkludi fiha riferenza għal Segretarju Parlamentari. Il-kelma Ministru għandha tittieħed li tapplika kemm għall-maskil u kemm għall-femminil.

1. PREAMBOLU

Il-Ministri jingħażlu mill-Prim Ministru, jibqgħu fil-kariga sakemm idumu jgawdu l-fiduċja tal-Prim Ministru u huma responsabbli lejn u jagħtu kont ta’ għemilhom lill-Prim Ministru, lill-Parlament u lill-pubbliku inġenerali, eventwalment lill-elettorat fl-elezzjoni ġenerali.

Huma jgawdu minn pożizzjoni ta’ fiduċja mogħtija lilhom mill-poplu u li toħroġ mill-kariga mogħtija mill-Prim Ministru, u jgawdu l-poter li jeżerċitaw diskrezzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet wiesgħa li jistgħu jaffettwaw individwi, gruppi ta’ individwi, jew il-komunità inġenerali.

Għaldaqstant il-Ministri għandhom jaġixxu u jġibu ruħhom skont standards tal-ogħla livell kemm fuq bażi personali kemm fil-qadi tad-doveri kostituzzjonali tagħhom.

Ras il-Paġna

2. SKOP TA’ DAN IL-KODIĊI

Filwaqt illi l-Ministri huma personalment responsabbli għad-deċiżjonijiet dwar kif jaġixxu u jġibu ruħhom u personalment responsabbli sabiex jagħtu kont ta’ għemilhom u jiġġustifikaw l-azzjonijiet u l-imġieba tagħhom lill-Prim Ministru, lill-Parlament kif ukoll lill-poplu inġenerali, l-iskop ta’ dan il-Kodiċi ta’ Etika huwa sabiex jipprovdi gwida tal- livelli għolja mistennija mill-Ministri fl-imġieba tagħhom sabiex jiġu rispettati l-aqwa standards ta’ integrità, onestà, trasparenza , kontabilità u sens ta’ ġustizzja, u sabiex jipprovdi gwida bil-għan li jiġu evitati konflitti ta’ interess.

Ras il-Paġna

3. INFURZAR TA’ DAN IL-KODIĊI

Jekk jirriżulta li Ministru jkun ġab ruħu jew aġixxa b’mod li prima facie jikkostitwixxi ksur ta’ dan il-Kodiċi, il-Prim Ministru juża d-diskrezzjoni tiegħu sabiex jiddeċiedi x’passi għandhom jittieħdu. 

Il-Prim Ministru għandu dritt jirreferi lil jew jikkonsulta dwar il-materja ma’ xi organu diġà stabbilit b’liġi jew li għad ikun stabbilit, pero’ fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni finali dwar jekk jeżistix ksur u l-konsegwenza applikabbli, tibqa’ dejjem kompetenza esklussiva tal-Prim Ministru.

Ras il-Paġna

4. PRINĊIPJI ĠENERALI

Barra mill-prinċipju ġenerali tal-osservanza tal-liġi, huwa mistenni mill-Ministri r-rispett lejn il-prinċipji li ġejjin:

4.1   Il-prinċipju ta’ responsabbiltà kollettiva, fis-sens illi bħala Gvern huwa responsabbli kollettivament lejn u għandu d-dover li jwieġeb għat-tmexxija tiegħu lill-Parlament;

4.2   Individwalment il-Ministri huma responsabbli lejn il-Parlament għad-deċiżjonijiet, policies u azzjonijiet tagħhom u tad-dipartimenti u l-aġenziji li jaqgħu fid-dekasteri tagħhom;

4.3   Konsegwentement il-Ministri għandhom jagħtu informazzjoni korretta lill-Parlament u għandhom jikkoreġu mal- ewwel opportunità possibbli xi żbalji jew ineżattezzi li jkunu saru b’nuqqas ta’ ħsieb;

4.4   Il-Ministri għandhom bl-aktar mod possibbli jkunu miftuħa fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament u lill-pubbliku inġenerali;

4.5   Il-Ministri għandhom jaraw li d-dipartimenti governattivi u l-entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tagħhom jitmexxew tajjeb u b’għaqal; 

4.6   Il-Ministri għandhom jeżiġu mill-uffiċjali pubbliċi li jaqgħu fid-dekasteri tagħhom, illi jagħtu l-aktar informazzjoni sħiħa u korretta meta mitluba mill-Kumitati Parlamentari; 

4.7   Il-Ministri għandhom jassiguraw illi ma jkun hemm l-ebda konflitt ta’ interess bejn d-doveri pubbliċi tagħhom u l- interessi personali; 

4.8   Il-Ministri m’għandhom jaċċettaw ebda rigali jew benefiċċji, salv kif provdut f’dan il-Kodiċi, li jistgħu jew jistgħu raġonevolment joħolqu impressjoni li qed jikkompromettu l-ġudizzju tagħhom jew li jpoġġuhom taħt xi obbligazzjoni mhux xierqa;

4.9   Il-Ministri għandhom iżommu separati l-irwoli tagħhom bħala ministri u bħala deputati, kif ukoll ir-rwol tagħhom bħala membru ta' partit politiku; 

4.10 Il-Ministri għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-imparzjalità politika tas-servizz pubbliku.

 Ras il-Paġna

5. STANDARDS GĦAL MINISTRI BĦALA PERSUNI LI JOKKUPAW KARIGA PUBBLIKA

Għal dan il-għan il-Ministri bħala uffiċjali pubbliċi għandhom ikunu ispirati u fl-imġieba, azzjonijiet u deċiżjonijiet tagħhom iggwidati minn dawn il-valuri: 

5.1   Sens ta’ servizz - il-ġid suprem huwa l-ġid komuni u Ministru m’għandux ikun motivat minn sens ta’ gwadann personali, familjari, ta’ ħbiebu jew persuni qrib tiegħu, iżda biss minn sens ta’ servizz lejn il-komunità inġenerali u l-ġid komuni, għax fuq kollox hu qed jamministra beni pubbliċi f’isem il-pubbliku inġenerali;

5.2   Integrità - il-Ministri m’għandhomx ipoġġu lilhom infushom f’pożizzjoni li jinfluwenzaw ruħhom minn xi obbligazzjoni finanzjarja jew mod ieħor ta’ persuni jew għaqdiet li jippruvaw jagħmlu dan, jew li jagħmlu użu mhux xieraq ta’ informazzjoni li tiġi għandhom minħabba fil-kariga tagħhom sabiex jagħtu xi vantaġġ mhux xieraq lil xi ħadd filwaqt li jiżvantaġġjaw oħrajn;

5.3   Diliġenza – ladarba l-Ministri jamministraw beni pubbliċi, f’isem il-pubbliku inġenerali, għandhom jeżerċitaw l-ogħla livell ta’ diliġenza inkluż fl-infiq ta’ fondi pubbliċi, kif ukoll għandhom jaħdmu b’għaqal u bżulija fit-twettiq tad-doveri tagħhom;

5.4   Oġġettività – fil-qadi tad-doveri pubbliċi, inkluż fil-ħatriet għall-karigi, l-għoti ta’ kuntratti, jew fil-kuntest ta’ kull għoti ta’ benefiċċji; 

5.5   Kontabilità – il-Ministri jamministraw beni pubbliċi u għandhom ikunu trasparenti fl-operat tagħhom u miftuħa għall-iskrutinju neċessarju;

5.6   Trasparenza - il-Ministri għandhom kemm jista’ jkun jaqdu d-doveri tagħhom b’mod miftuħ u trasparenti, u għalhekk jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħhom;

5.7   Onestà - il-Ministri għandhom jevitaw li jidħlu f’konflitti ta’ interess bejn l-interess pubbliku u dak privat tagħhom u għandhom jagħtu informazzjoni sħiħa u korretta lill-Parlament, lill-Kabinett u lill-pubbliku inġenerali;

5.8   Ġustizzja u rispett - fl-imġieba tagħhom u deċiżjonijiet li jieħdu, il-Ministri għandhom juru rispett lejn l- istituzzjonijiet u għandhom jirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż. Għandhom juru sens ta’ bilanċ u qies billi jkunu sensittivi inġenerali lejn is-setturi kollha tas-soċjetà, kif ukoll b’mod partikolari lejn id-drittijiet u l-aspirazzjonijiet tal-persuni kkonċernati, sabiex b’hekk jimxu b’sens ta’ ġustizzja;

5.9   Tmexxija - il-Ministri għandhom iħaddnu u jkunu ispirati minn dawn il-valuri biex b’hekk imexxu bl-eżempju.

Ras il-Paġna

6. RESPONSABBILTÀ KOLLETTIVA – IL-MINISTRI U L-GVERN

6.1   Il-Ministri għandhom ikunu familjari sew mas-setgħat u l-obbligi fdati lilhom, mal-iStanding Orders u r-regoli li fuqhom jimxi l-Parlament kif ukoll mar-regoli u l-proċeduri li jirregolaw il-ħidma tagħhom.

6.2   Peress illi l-prinċipju ta’ responsabbiltà ministerjali kollettiva huwa ċentrali fil-Kostituzzjoni, filwaqt illi d- diskussjonijiet fi ħdan il-Kabinett għandhom ikunu kemm jista’ jkun ħielsa u miftuħa u għandhom jinstemgħu l- fehmiet ta’ kull membru fi ħdan il-Kabinett, fl-istess waqt l-istess diskussjonijiet u deliberazzjonijiet huma klassifikati bħala kunfidenzjali. Il-Ministri għaldaqstant m’għandomx jikkomunikaw jew jikkummentaw dwar dak li jkun ġie diskuss fil-Kabinett ‘l barra minnu.

6.3   Id-deċiżjonijiet tal-Kabinett jiġu komunikati lill-Ministri konċernati mis-Segretarju tal-Kabinett u dan għandu jara li d-deċiżjonijiet jiġu mwettqa.

6.4   Il-laqgħat tal-Kabinett għandhom jieħdu preċedenza fuq kull attività oħra ministerjali barra f’każ ta’ safar fuq xogħol uffiċjali, u l-Ministri huma parti mid-deċiżjonijiet meħuda mill-Kabinett, sew jekk kienu preżenti sew jekk ma kienux, meta l-Kabinett ikun wasal għad-deċiżjoni partikolari.

Ras il-Paġna

7. DMIRIJIET MINISTERJALI

7.1   Il-kariga ministerjali hija waħda li tokkupa l-ġurnata tax-xogħol kollha tal-istess Ministru. Ebda Ministru ma jista’ jaċċetta l-ebda ħlas barrani talli ssir xi ħaġa in konnessjoni max-xogħol tiegħu ta’ Ministru.

7.2   Malli jinħatar, Ministru hu mistenni li ma jkomplix bix-xogħol privat tiegħu u għandu jiddedika l-ħin kollu tiegħu għal xogħol tal-Gvern. Dan sakemm il-Kabinett ma jiddeċidiex mod ieħor f’każi eċċezzjonali fejn l-interess nazzjonali jkun jinħtieġ hekk.

7.3   Hekk kif Ministru jingħata l-kariga, għandu minnufih jagħti rendikont tal-assi u l-interessi tiegħu lis-Segretarju tal-Kabinett fuq il-formola relattiva. Għandu jiġi indikat ukoll lis-Segretarju tal-Kabinett kull interess illi jista’ b’xi mod jagħti lok għal perċezzjoni ta’ konflitt ta’ interess jew konflitt ta’ interess reali. Dan ir-rendikont għandu jingħata kull sena bil-mod indikat minn żmien għal żmien. 

7.4   Il-Ministri għandhom jirrispettaw l-imparzjalità tas-servizz pubbliku u jaraw illi l-influwenza tagħhom fuq is- servizz pubbliku ma tkunx abbużata. Il-Ministri għandhom id-dover li qabel jaslu għal xi deċiżjoni huma jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lill-firxa kemm jista’ jkun wiesgħa ta’ pariri, inkluż billi jagħtu piż lil parir infurmat u imparzjali tal-uffiċjali jew impjegati pubbliċi.

7.5   Id-deċiżjonijiet meħuda għandhom, kemm jista’ jkun, jinżammu rrekordjati f’files governattivi, anke jekk għandha tittieħed inkonsiderazzjoni wkoll il-prattiċità u r-realtà tal-komunikazzjoni elettronika fiz-żminijiet tal- lum.

7.6   Il-Ministri għandhom jassiguraw li bħala employers jitrattaw mal-istaff tagħhom b’mod ġust u ekwu.

7.7   Il-Ministri għandhom ikunu ispirati mill-mertu u kapaċitajiet fil-ħatriet u karigi li jagħmlu u għandhom jikkonsultaw mal-Prim Ministru dwar ħatriet ta’ chairpersons u membri ta’ bordijiet.

7.8   Il-Ministri għandhom jaraw illi anki dwar safar, huma jagħmlu l-iktar arranġamenti effiċjenti u huma responsabbli għad-daqs tad-delegazzjonijiet.

7.9   Meta Ministru jtemm il-ħatra tiegħu, dan għandu jirritorna lura lis-Segretarju tal-Kabinett id-dokumenti, materjal u riżorsi kollha illi kienu ġew mogħtija u fdati lilu sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu. Bħala konswetudni, hu fid- diskrezzjoni tal-Prim Ministru li jippermetti lil eks-Ministri aċċess raġonevoli għal dokumenti u materjal li jikkonċernaw il-perjodu meta huma kienu fil-kariga ministerjali.

7.10 Il-Ministri m’għandhomx jiżvelaw tagħrif jew informazzjoni kunfidenzjali lanqas wara li tintemm il-kariga ministerjali.

Ras il-Paġna 

8. INTERESSI PRIVATI TAL-MINISTRI U KUNFLITTI TA’ INTERESS

8.1   Il-Ministri għandhom jassiguraw li ma jkun hemm l-ebda konflitt bejn id-doveri pubbliċi u l-interessi privati tagħhom, finanzjarji jew ta’ xorta oħra, u hija r-responsabbiltà personali ta’ kull Ministru individwalment li jiddeċiedi jekk u x’għandu jsir biex ma jkunx hemm dan it-tip ta’ konflitt ta’ interess. B’dan illi f’każ li tkun meħtieġa direzzjoni mill-Prim Ministru dwar l-eżistenza ta’ konflitt ta’ interess, dik id-deċiżjoni tkun finali. Il-prinċipju ġenerali huwa illi jew Ministru jiddisponi minn dan l-interess jew jieħu miżuri alternattivi biex jipprevjenih.

8.2   Kull persuna li tiġi avviċinata sabiex tiġi offruta l-kariga ministerjali, għandha, kemm-il darba jkun jeżisti dubju dwar xi possibbiltà ta’ konflitt ta’ interess, qabel taċċetta l-istess kariga, tinforma b’dan il-fatt u ċirkostanzi oħra rilevanti lill-Prim Ministru. B’dan illi jekk fil-kors tal-leġislatura jkun hemm tibdil fiċ-ċirkustanzi personali tal- Ministru li jistgħu jagħtu lok għall-konflitt ta’ interess, il-Ministru għandu l-obbligu jgħarraf b’dan lil Prim Ministru immedjatament.

8.3   Bl-istess mod, kull persuna li tiġi avviċinata minn Ministru sabiex tiġi offruta kariga fis-segretarjat, għandha, kemm-il darba jkun jeżisti dubju dwar xi possibbiltà ta’ konflitt ta’ interess, qabel taċċetta l-istess kariga, tinforma b’dan il-fatt u ċirkostanzi oħra rilevanti lill-Ministru konċernat.

8.4   Ebda Ministru m’għandu jaċċetta rigali, donazzjonijiet, ospitalità jew servizzi mingħand xi ħadd, li jistgħu jpoġġuh taħt obbligazzjoni lejn dik il-persuna jew persuni u dan għandu wkoll japplika għall-membri tal-familja immedjata tal-Ministru. F’każ ta’ dubju għandu jiġi kkonsultat il-Prim Ministru.

8.5   Il-Ministri m’għandhomx normalment jaċċettaw dekorazzjonijiet minn pajjiżi barranin, ħlief bil-permess tal-Prim Ministru.

8.6   Ebda Ministru m’għandu jieħu sehem fit-teħid ta’ deċizjonijiet li jolqtu membri tal-familja tiegħu, persuni oħra qrib tiegħu, u ebda Ministru m’għandu jiġi kkundizzjonat b’mod mhux xieraq fid-deċiżjonijiet tiegħu minn konflitt ta’ interess finanzjarju jew mod ieħor, tiegħu jew ta’ persuni qrib tiegħu, jew jagħmel użu mhux xieraq minn informazzjoni li tiġi għandu minħabba l-kariga tiegħu u waqt il-qadi ta’ dmirijietu, b’mod partikolari jekk dan isir sabiex jivvantaġġja inġustament lil xi persuna jew persuni għad-detriment ta’ oħrajn.

8.7   Meta Ministru jkun involut fi proċeduri legali fil-vesti privati, dawn jistgħu jkollhom implikazzjonijiet fuq ir-rwol ministerjali. Is-Segretarju tal-Kabinett għandu jkun infurmat b’dawn il-proċeduri u, f’każ li l-proċeduri jkunu istitwiti mill-Ministru, is-Segretarju tal-Kabinett għandu jkun infurmat qabel jiġu istitwiti.

 Ras il-Paġna

9. IL-MINISTRI U L-PARLAMENT

9.1   Meta jkun qed jiltaqa’ l-Parlament, huwa d-dmir tal-Ministri li jattendu s-seduti parlamentari u jipparteċipaw attivament fid-diskussjonijiet li jkunu għaddejjin fl-istadji varji li fih jirrisolvi ruħu l-Parlament kif ukoll fil-Kumitati magħżula tal-Parlament. Meta Ministru jkun imsiefer jew ma jkunx jista’ jattendi seduti parlamentari minħabba mard, l-iSpeaker tal-Kamra għandu jigi mgħarraf.

9.2   Meta jkun jiltaqa’ l-Parlament, il-Ministri għandhom jaraw li l-aktar dikjarazzjonijiet u stqarrijiet importanti dwar policies jew deċiżjonijiet jiġu mħabbra fil-Parlament bħala l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. 

9.3   Il-Ministri għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jagħtu l-iktar informazzjoni preċiża u korretta possibbli u kull korrezzjoni illi tista’ tkun meħtieġa għandha ssir mal-ewwel opportunità.

9.4   L-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti għandu f’kull każ ikun infurmat minn qabel dwar stqarrijiet ministerjali fil-Parlament u b’mod ġenerali anki l-Oppożizzjoni tiġi mgħarrfa bil-kontenut ftit tal-ħin qabel ma ssir l-istqarrija.

9.5   Il-Ministri għandhom juru rispett lejn is-Sedja kif ukoll lejn id-deputati parlamentari kollha.

 Ras il-Paġna

10. IL-MINISTRI, RELAZZJONIJIET PUBBLIĊI U L-ISTAMPA

10.1 Il-Ministri għandhom jgħarrfu lill-pubbliku u lill-media bl-attivitajiet ministerjali fuq bażi regolari u b’mod organizzat.

10.2 Għal dan il-għan u għall-kordinament effettiv, stqarrijiet, intervisti u attivitajiet ministerjali għandhom l-ewwel jiksbu l-approvazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru qabel jinħarġu jew iseħħu.

10.3 Kemm–il darba tiġi mgħoddija informazzjoni mhux korretta, din għandha tiġi korretta minnufih.

10.4 Fl-interess pubbliku, il-Ministri għandhom jaraw li jkollhom komunikazzjoni miftuħa mal-imsieħba soċjali, għaqdiet mhux governattivi, għaqdiet professjonali, mezzi tax-xandir u pubbliku inġenerali.

 Ras il-Paġna