| Contact Us |
| Search
Date 06.08.2013
Stqarrija għall-Istampa wara l-Pubblikazzjoni tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra tad-Deputati kif emendati sal-10 ta’ Lulju 2013
L-aħħar pubblikazzjoni tal-Ordnijiet Permanenti kienet ħarġet fl-1995 meta b’Riżoluzzjoni Parlamentari 198 tal-istess sena kienu ġew stabbiliti għall-ewwel darba l-Kumitati Permanenti tal-Kamra u meta b’Riżoluzzjoni Parlamentari 231 tal-1995 kien ġie maqbul li s-seduti tal-Kamra tad-Deputati għandhom jixxandru sħaħ u diretti bir-radju mill-Public Broadcasting Services.
Sussegwentement, l-Ordnijiet Permanenti ġew emendati b’numru ta’ riżoluzzjonijiet u atti parlamentari:
Att dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (Att Nru XVI tal-1997)
Fl-Ordnijiet Permanenti din kienet ġiet riflessa f’bidla fin-nomenklatura tal-Awditur Ġenerali u tal-Uffiċċju tiegħu (qabel kien Direttur tal-Verifika).
Riżoluzzjoni Parlamentari 67 tal 2003
Bi preparazzjoni għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Barranin sar jismu l-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u dan wara żdiditlu r-responsabbiltà ta’ skrutinju f’dan il-qasam. Din il-mozzjoni ġiet ippreżentata mill-Viċi Prim Ministru, l-Onor. Lawrence Gonzi.
Riżoluzzjoni Parlamentari 235 tal 2006
Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi żdiditlu r-responsabbiltà li jiddiskuti l-politika monetarja ta’ Malta u li jirċievi rapporti fuq hekk mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Din il-mozzjoni ġiet ippreżentata mill-Viċi Prim Ministru, l-Onor. Tonio Borg.
Att dwar l Adozzjoni tal Euro (A.L. 407 tal 2007)
Ir-referenza għat-tnaqqis ta’ Lm1 f’każ ta’ assenza ta’ Membru, inbidlet f’dik ta’ €2.33
Riżoluzzjoni Parlamentari 234 tal 2011
B’din ir-riżoluzzjoni ġie mwaqqaf il-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet tal-Familja u dan wara li l-Kamra adottat Riżoluzzjoni 213 tal-istess sena li kienet ġiet ippreżentata mill-Onor. Carmelo Abela, l-Onor. Marie Louise Coleiro Preca u l-Onor. Justyne Caruana.
Riżoluzzjoni Parlamentari 24 tal 2013
B’din ir-riżoluzzjoni ġie mwaqqaf il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, liema mozzjoni kienet ġiet ippreżentata mid-Deputat Prim Ministru, l-Onor. Louis Grech.
Riżoluzzjoni Parlamentari 49 tal 2013
Din il-pubblikazzjoni tal-Ordnijiet Permanenti qiegħda, fl-aħħar nett tinkludi wkoll numru ta’ emendi li ġew adottati mill-Kamra f’Seduta 49 tal-10 ta’ Lulju 2013. Dawn huma kollha emendi konsegwenzjali biex ċerti provvedimenti li qabel kienu japplikaw biss għall-Kumitati Magħżula, issa jibdew japplikaw ukoll għall-Kumitati Permanenti wara l-introduzzjoni ta’ dawn l-istess Kumitati fl-1995. Din il-mozzjoni ġiet ippreżentata mid-Deputat Prim Ministru, l-Onor. Louis Grech.
Dan l-eżerċizzju sar ukoll biex dan id-dokument iservi ta’ bażi għall-emendi oħra li d-diskussjoni dwarhom għadha għaddejja.