| Contact Us |
| Search
Date 30.09.2013
L-iSpeaker dalgħodu rċieva delegazzjoni mill-Assocjazzjoni A.N.P.P.I.A, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali ta’ dawk il-persuni li ġew ippersegwitati minħabba t-twemmin tagħhom kontra l-faxxiżmu, u li għandha l-Uffiċċju ewlieni tagħha ġewwa Sirakuża. Il-laqgħa fil-Parlament Malti nżammet biex jitfakkru s-70sena mill-iffirmar tal-armistizzju li kien ġie ffirmat f’Cassibile, Sirakuża nhar it-3 ta’ Settembru tal-1943.
L-iSpeaker, l-Onorevoli Anglu Farrugia, irringrazzja lid-delegazzjoni mill-awtoritajiet Sqallin taż-żjara li kienu qed jagħmlulu għaliex b’hekk kienet qed tkompli tissaħħaħ l-għaqda bejn il-Parlament Malti u dak reġjonali ta’ Sqallija wara li l-Parlament Malti kien ġie uffiċjalment mistieden mill-Provinċja ta’ Enna kif ukoll dik ta’ Palazzolo f’Sirakuża. L-iSpeaker irrefera wkoll għall-Maltin, fosthom l-ex Prim Ministru Nerik Mizzi, li kienu ġew internati fi żmien il-gwerra, u li għaldaqstant sofrew bħal dawk l-Isqallin li ġew mitfugħa l-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll uffiċjali mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Kunsilli Lokali.