| Contact Us |
| Search
Date 05.12.2017
L-Ispeaker Anġlu Farrugia inawgura Wirja Fotografika tas-Sur Sebio Aquilina, Il-Festi Maltin minn ġol-Lenti, fl-Għeluq is-Sebgħin Anniversarju mit-Twaqqif tal-Għaqda Każini tal-Banda fl-1947.
Fid-diskors tal-okkażjoni, l-Ispeaker fakkar kemm kienet f’waqtha l-idea tas-Sur Mikiel Anġ Delia, l-ewwel President tal-Għaqda Każini tal-Banda jew Malta Band Clubs Association, kif kienet magħrufa dak iż-żmien, sabiex il-każini tal-banda f’Malta u Għawdex jingħaqdu flimkien bħala assoċjazzjoni sabiex jippromwovu s-sehem tagħhom fis-soċjetà tagħna.
Hu ddeskriva l-Każin tal-Banda bħala skola tal-mużika, fejn permezz tat-tagħlim tal-mużika tissawwar aktar il-personalità tal-persuna umana. Spjega kif il-mużika għandha titqies bħala lingwa internazzjonali li tgħaqqad il-ġnus kollha.
Il-Każin tal-Banda jiġbor flimkien kemm is-soċji u l-familjarji tagħhom, u l-ħbieb tagħhom, kif ukoll, oħrajn. B’hekk jistgħu jitqiesu bħala ċentri soċjali fil-bliet u rħula Maltin u Għawdxin. L-Ispeaker saħaq l-imsieħba fil-Każini huma marbuta flimkien fit-twemmin reliġjuż Nisrani, u fid-devozzjoni lejn Omm Alla u l-Qaddisin, anke jekk il-pika, li tista’ tinbet bejn Każin u ieħor fl-istess belt u raħal, ma tistax titqies bħala mnebħa minn virtujiet Insara.
Kull Każin tal-Banda huwa marbut ma’ festa reliġjuża. Il-Festa li tiġbor flimkien in-nies kollha ta’ kull belt u raħal f’Malta u Għawdex għandha diversi aspetti, iżda l-aktar li jispikkaw huma dak reliġjż u spiritwali u dak soċjali. It-tnejn huma tajbin, għax filwaqt l-aspett reliġjuż għandu jwassalna sabiex nissaħħu fil-valuri għonja meħtieġa f’ħajjitna, dak soċjali jgħinna nikbru bħala familja u fejn fil-prattika nagħtu xhieda awtentika ta’ dak li hu qaddis għalina.
L-Ispeaker tenna l-importanza li lkoll għandna nikbru fl-imħabba lejn il-proxxmu u li nwettqu tassew, b’mod prattiku, is-solidarjetà soċjali, jiġifieri, li ngħinu liż-żgħar fis-soċjetà u lil dawk, qrib u ’l bogħod minna, li tant jeħtieġu affarijiet.
Huwa feraħ lill-Avukat Noel Camilleri, President tal-Għaqda Każini tal-Banda fl-għeluq is-sebgħin sena mit-twaqqif tal-Għaqda Każini tal-Banda.
Il-pubbliku jista’ jżur il-Wirja Fotografika ta’ Sebio Aquilina, Il-Festi Maltin minn ġol-Lenti, fl-intrata tal-Parlament sal-Ħadd, 10 ta’ Diċembru 2017. Ħinijiet tal-ftuħ, matul il-ġimgħa bejn 09.00 ta’ filgħodu u l-17.00 ta’ wara nofsinhar, Sibtijiet u Ħdud bejn 09.00 ta’ filgħodu u nofsinhar.
Photos: SPK
