Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

PR172769 - Students in Parliament against Domestic Violence

Date 01.12.2017

Id-Deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati, Claudette Buttigieg, mexxiet laqgħa bl-isem, “L-Istudenti fil-Parlament kontra l-Vjolenza Domestika”, li kienet organizzata mil-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika b’kollaborazzjoni mal-Parlament ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Din l-attività saret fis-Sala tal-Parlament u matulha ħadu sehem studenti minn numru ta’ skejjel sekondarji kif ukoll Membri Parlamentari.

Matul din il-laqgħa, dawk preżenti ddiskutew u approvaw b’mod unanimu ħames mozzjonijiet li kienu jittrattaw:

Pieni aktar ħorox għal dawk li jinstabu ħatja ta’ vjolenza domestika kif ukoll l-introduzzjoni ta’ miżuri preventivi, kura u programm ta’ riabilitazzjoni għall-aggressur;
Proposta sabiex dating violence jibda jiġi meqjus bħala reat daqs dak ta’ vjolenza domestika u programm ta’ għarfien sabiex il-vittmi jsibu kull għajnuna biex jirrapportaw din it-tip ta’ vjolenza mingħajr xkiel;
Il-ħtieġa lill-membri tal-Ġudikatura, il-Pulizija, l-edukaturi u professjonisti oħra, bħal psikoloġi, counsellors u social workers jingħataw taħriġ regolari biex ikunu kapaċi jaħdmu bis-sħiħ kontra l-vjolenza domestika u d-dating violence;
Kampanji kontinwi ta’ sensibilizzazzjoni li jwasslu għal bidla fil-mentalità biex tinbena soċjetà verament bi drittijiet indaqs; u
Liġi li telimina d-differenza fil-pagi bejn is-sessi u biex tinkoraġġixxi lis-subien u l-bniet jidħlu għall-korsijiet li tradizzjonalment huma assoċjati ma’ ġeneru.

Wara li l-istudenti ngħataw kull opportunità li jitkellmu, il-parti konklużiva tal-attività kienet indirizzata minn numru ta’ Deputati li indirizzaw fil-qosor numru ta’ punti mqajma. F’din il-parti ħadu sehem il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, u l-Membri Parlamentari Ivan Bartolo, Byron Camilleri u Robert Cutajar.

Din l-attività kienet ukoll indirizzata mill-Kummissarju dwar il-Vjolenza Domestika, is-Sur Joe Gerada, u mill-Kummissarju għat-Tfal, is-Sinjura Pauline Miceli.

Ritratti: SPK


thumbnail

(I)  (II)  (III)  (IV)  (V) 

Press Release

Audio

Download

Video

Video