Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

PR180109 - Family-friendly measures in Parliament

Date 19.01.2018

L-Uffiċċju tal-Ispeaker, bi pjaċir ħa nota li bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, nhar l-Erbgħa 17 ta’ Jannar 2018 fil-Parlament ittieħdet miżura sabiex din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż tħaddan bżonn reali fis-soċjetà tal-lum: l-importanza tat-tisħiħ tal-familja. Kull nhar ta’ Erbgħa l-Parlament se jibda jiltaqa’ sagħtejn qabel jiġifieri bejn l-4.00pm u s-7.30pm sabiex il-membri Parlamentari u l-ħaddiema tal-Parlament, tal-Ministeri u tal-gruppi Parlamentari jkunu jistgħu jinġabru lura d-dar mal-familji tagħhom f’ħin diċenti. Dan il-pass ’il quddiem jikkumplimenta l-miżura l-oħra li għandha titwettaq matul din is-sena flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol sabiex jitwaqqaf childcare centre.

Dawn il-miżuri għandhom itaffu l-isfidi li jridu jaffrontaw ta’ kuljum dawk il-membri u l-ħaddiema li għadhom qed irabbu familja u li minħabba s-sigħat twal u fit-tard li fihom jiltaqa’ l-Parlament kien qed ikollhom jissagrifikaw jew lill-familja jew lill-karriera. Din il-miżura se tagħmilha possibbli li għallinqas f’ġurnata minn tlieta, ġenitur jiltaqa’ ma’ uliedu u mhux imur id-dar isibhom diġà reqdin. Fir-realtà, din iċ-ċaqliqa fil-ħin se tgħin mhux biss lill-ġenituri iżda lil kull min jagħti kontribut f’din l-ogħla istituzzjoni importanti għad-demokrazija fil-pajjiż, sabiex iqattgħu ftit aktar ħin ta’ kwalità mal-familjari tagħhom; xi ħaġa li għalkemm tidher żgħira, tant hemm bżonn li tingħata aktar attenzjoni fil-ħajja mgħaġġla tal-lum.

Hu ttamat li ladarba dawn il-ħinijiet jiġu applikati għall-ġranet kollha tal-Parlament, ladarba jibda jingħata s-servizz ta’ childcare u forsi anke nibdew naraw deputati full-time, tiżdied ir-rappreżentanza femminili fil-Parlament sabiex jiżdied il-leħen tal-mara fl-istrutturi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet u jgħaddu l-liġijiet. 

Hemm miżuri oħrajn li wieħed jista’ jħares lejhom biex il-Parlament tagħna jsir aktar family-friendly, liema miżuri ġew, jew qed jiġu kkunsidrati minn parlamenti nazzjonali barranin. Dawn jinkludu kmamar fejn omm tkun tista’ tredda u tbiddel lit-tarbija tagħha, ftehim dwar ġranet fissi li fihom jittieħdu l-voti u t-tibdil ulterjuri fil-ħinijet tal-Parlament fejn, pereżempju jkollok seduti itwal li jibdew aktar kmieni iżda bi frekwenza inqas fil-ġimgħa. Hu tajjeb li dejjem inħajru aktar lil dawk in-nies li jagħtu valur lill-ħajja familjari u li jħaddnu valuri sodi sabiex jipparteċipaw aktar fil-ħajja politika. B’hekk dawn ikunu f’pożizzjoni aħjar li jinfluwenzaw u jitrasferixxu l-valuri tagħhom lill-proċess leġiżlattiv u b’konsegwenza ta’ hekk jikkontribwixxu għat-tisħiħ tad-demokrazija parlamentari rappreżentattiva f’pajjiżna.

Press Release