Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

PR180079 - The Speaker inaugurates exhibition on the Triton Fountain and Triton Square

Date 15.01.2018

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia inawgura l-wirja dwar il-Funtana tat-Tritoni u Pjazza Tritoni li qed tittella’ fil-Parlament, bħala parti mill-attivitajiet sabiex jinfurmaw lill-pubbliku bix-xogħlijiet li twettqu b’rabta mar-restawr tal-Funtana tat-Tritoni u t-tisbiħ ta’ Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta.

L-Ispeaker kellu kliem ta’ tifħir lejn il-ħaddiema tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, u tal-Ministeru għat-Turiżmu tas-sehem tagħhom fit-twettiq tal-proġetti msemmija.

Huwa tenna li wara żmien twil ta’ nuqqasijiet, il-Funtana tat-Tritoni għaddiet minn ħsarat u interventi mhux f’waqthom u tiswijiet oħra. Fl-2015 ittieħdet id-deċiżjoni sabiex tkun restawrata din il-funtana, li titqies bħala ikona tal-arti kontemporanja ta’ Malta u opra interessanti mil-lat arkitettoniku u tal-inġinerija. Kieku ma sarx dan ir-restawr, aħna konna nitilfu din l-opra li sebħet it-Terminus ta’ Bieb il-Belt fl-imgħoddi glorjuż tagħha.

L-Ispeaker appella lill-awtoritajiet konċernati dwar il-ħtieġa li nieħdu ħsieb aktar lill-pajjiżna f’dak li jikkonċerna l-manteniment ta’ opri pubbliċi li huma ikoni u ta’ valur artistiku għoli, kif ukoll l-indafa pubblika. Hu appella lill-pubbliku sabiex juża sew dawn il-postijiet u opri pubbliċi oħra. Il-wirt Malti huwa parti essenzjali mill-wirt dinji tal-umanità, u li jeħtieġ li nieħdu ħsiebu sabiex jitgawda minna, minn uliedna u oħrajn.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Christopher Cutajar, fisser kif ir-restawr tal-Funtana tat-Tritoni sar f’anqas minn 300 jum, proprju fi stadju li kien ilu ma jsir intervent fuqha għal 30 sena sħaħ. Huwa fisser kif il-funtana kienet il-frott ta’ kompetizzjoni li kienet tnediet mill-Ministeru tax-Xogħlijiet u r-Rikostruzzjoni fis-sena 1952, bil-ħsieb li tagħti dehra sabiħa lil dik li kienet msejħa bħala Kingsway Roundabout. Cutajar qal li “llum il-pubbliku mhux ser jibqa’ jgawdi dan il-monument artistiku bħala roundabout, iżda għandu l-opportunità li jgawdi din il-funtana fi spazju pubbliku ġdid li jista’ jiġi apprezzat mill-Maltin u minn dawk kollha li jżuru din il-Kapitali tal-Kultura Ewropea.”


thumbnail

(I)  (II)  (III)  (IV) 

Press Release