Tifkira ta’ Rokku Abdilla fil-Kamra tad-Deputati Parlament ta’ Malta
8 ta’ Novembru 1932 – 22 ta’ Jannar 2017
Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn it-22 ta’ Frar 1962 u t-13 ta’ Awwissu 1976
L-EWWEL DISKORS TA’ ROKKU ABDILLA FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI, PARLAMENT TA’ MALTA FIS-SEDUTA NUMRU 6 TAS-16 TA’ MEJJU 1962 L-EWWEL LEĠIŻLATURA L-EWWEL SESSJONI
AĠĠORNAMENT TAĦT IR-REGOLAMENT PERMANENTI 13
ĦATRA TA’ OSSERVATUR MALTI FL-INKJESTA
TAD-DOCKYARD TA’ BAILEY
ONOR. ROKKU ABDILLA: Sur President, Onorevoli Membri. Jiena bħal sieħbi l-Onor. Sur Sant, ħaddiem tal-boilersuit ġod-dockyard u nista’ ngħid kemm ilna niġu ppersegwitati u kemm ilhom isiru attakki kontra tagħna kemm min-naħa u kemm minn oħra. X’inhuma dawn l-attakki? X’inhija din il-mibgħeda kollha? Niftakar meta kont għadni żgħir kont nisma’ xi nies jgħidu kontra n-nies tad-dockyard illi għandhom il-mibgħeda tal-klassi imma llum sirna nafu li l-mibgħeda tal-klassi mhux mill-ħaddiema qiegħda imma min-naħa tas-sinjur.
MR SPEAKER: Nattira l-attenzjoni tal-Onor. Membru li ma jingħadx diskors li ma għandux jingħad.
ONOR. DR G. FELICE: Mr Speaker, jiena niddeplora li jingħad diskors bħal dan.
ONOR. D. MINTOFF: L-Onor. Membri tan-naħa l-oħra jekk ma jaqblux mal-Onor. Rokku Abdilla jistgħu jirrispondu wara, però naħseb li lkoll naqblu li ma hemm xejn minn dak li qal li huwa unparliamentary.
ONOR. ROKKU ABDILLA: Jien semmejt il-mibgħeda lejn il-ħaddiema min-naħa tal-klassi privileġġata għar-raġuni li kull meta kien hemm xi problema ġewwa d-dockyard qalb il-ħaddiema industrijali dejjem kienu jikkunslawh billi jgħidulu: “ħadd ma miet bil-ġuħ, ħadd ma miet bid-debbulizza, u billi wieħed ma jaħdimx ta’ spiss mhux se jmut bil ġuħ!”.
ONOR. DR GIORGIO BORG OLIVIER: Imma dan min, fejn?!
ONOR. DR C. CARUANA: Quote!
ONOR. ROKKU ABDILLA: Aħna tad-dockyard u ta’ ħafna postijiet industrjali bħalna, meta naraw s-sitwazzjoni mwiegħra li qiegħda taqa’ fuqna l-ewwel, bilfors li nkunu aħna l-ewwel ma nħossu u allura ngħidu “ajma”. Ilna narawha ġejja din il-biċċa xogħol. Ilna narawha mill-kriżi tas-Suez, mill-1956 meta kienu diġà bdew id- downgradings ġewwa d-dockyard. In-nies tad-dockyard kulħadd qalbu mtqaqta, kulħadd jgħid “min jaf kemm ser indumu naħdmu hawnhekk u min jaf x’ser isir minna!” Allura dawn bilfors qalbhom ittaqtaq. Nerġa’ ngħid li fil-kriżi tas-Suez, fl-1956, kienet diġà bdiet il-ġlieda tad-dockyard u fuq in-naħa tal-Gvern jafu wkoll li fl-1957 kienet għaddiet riżoluzzjoni hawnhekk, li magħha kienu qablu dawk li llum qegħdin fuq in-naħa tal-Gvern imma li f’dak iż-żmien kienu fl-Oppożizzjoni, li fuq il-kwestjoni tad-dockyard anke huma kienu lesti biex jiksru kull relazzjoni li għandhom mal-Gvern Ingliż.
Irrid inżid ngħid li l-kriżi tad-dockyard hija daqqa ta’ ħarta għall-ekonomija tal-pajjiż tant li meta jinstema’ xi nuqqas ta’ xogħol fid-dockyard, jissemmew xi sensji u xi downgradings, tara n-nies tal-business u lil kulħadd jistaqsu fuq dan in-nuqqas ta’ xogħol, fuq l-inċertezza tax-xogħol u kulħadd tarah jitħasseb. Diġà bdejna naraw ħafna ħwienet kemm naqsilhom il-business, dak il-bejgħ ta’ kull filgħaxija. Il-ħwienet tal-ħwejjeġ ħassewha wkoll għax fejn is-soltu żgħażagħ tagħna kienu pereżempju jaqtgħu libsa kull sena, illum iridu jaħsbuha jekk libsa jagħmluhiex kull sentejn. Bl-istess mod iħossu l-ħwienet il-kbar l-oħra li magħhom isir il-kummerċ li jagħmlu n-nies tad-dockyard, u dawn huma ħafna.
Illum id-dockyard kulħadd jaf f’liema pożizzjoni waslet. Bħalma għadu kif semma l-ħabib tiegħi l-Onor. Sant, illum waslu biex jagħmlu taparsi inkjesta lil Bailey sabiex juruna kemm qegħdin ħsiebhom fina. Imma jien dan ma narahx ħlief komplott mill-Gvern Ingliż. Dan kollox maħdum. Il-Gvern Ingliż diġà jaf x’ser isir hawnhekk. Issa minna jiddependi nindunawx x’ser isir. Bid-differenza li hemm bejn il-Gvern Ingliż u Bailey, bħalma dejjem sar, inbatu aħna għaliex kull meta tingħata daqqa ta’ mannara dejjem l-iċken wieħed jaqlagħha.
Sal-lum l-ekonomija tagħna kienet ibbażata fuq id-dockyard, però għad ma hemm ebda ħsieb fuqiex ser tinbena l-ekonomika tal-pajjiż. Smajt diversi Onor. Membri f’din il-Kamra jsemmu l-industriji, però jien ma nistax nara kif iridu jirranġaw ma’ pajjiżi oħra fuq l-industriji meta aħna nafu li l-Gvern Ingliż li għadu jikkontrollana u li kien waqqaf il-Commonwealth għall-iskopijiet tiegħu biss, illum ġie rinfaċċat bil-Common Market Ewropew li minħabba l-progress ekonomiku tiegħu tal-għaġeb fi żmien tliet snin il-Commonwealth u t-trade link tiegħu mal-Gvern Ingliż qed jitmermer u jispiċċa għal kollox. Jien ma nafx kif qed isemmu li jridu jibnu l-industriji. Il-Gvern Ingliż, kif qatt jista’ jagħti lill-Gvern Malti ċ-chance li jibni l-industriji speċjalment meta minħabba l-progress ekonomiku tal-common market kontinentali naqas tant business mill-Ingilterra li xi fabbriki Ingliżi kellhom jagħlqu għax spiċċalhom il-business? Għalhekk jien ma nafx kif jippruvaw jgħidu dan id-diskors hawnhekk. Jien inħossha li jkunu qegħdin jidħku bil-poplu biex taparsi jgħidu xi ħaġa. Jiena mill-fatti li naf, ngħidilhom li ma jistgħux jibnu industriji hawnhekk għaliex il-Gvern Ingliż, li l-ekonomija tiegħu qiegħda tindebolixxi ruħha, ma jistax ħlief jaħseb l-ewwel fih innifsu.
Dan qed ngħidu biex infakkar lill-Kamra kemm hija ta’ importanza kbira l-kwestjoni tad-dockyard, għax hija l-unika industrija ġewwa Malta. Però llum fl-1962 nistgħu ngħidu li d-dockyard ma fadallhiex aktar minn sentejn oħra għaliex qegħdin narawh bil-qasma li għamel il-Gvern Ingliż, bin-negozju li għamel bid-dockyard meta taha lil Messrs Bailey. Meta sar it-transfer kien hemm 12-il elf ruħ ġewwa d-dockyard, u wara t-transfer Bailey ħa 6,000 hu u 6,000 ħa l-Ammirall. Fit-tliet snin li ilu li sar dan it-transfer nista’ ngħid hawnhekk bħala delegat tal- Union u li jien interessat fl-affarijiet tal-ħaddiema, li ma baqax iktar minn 9,000 minn dak it-12,000 li kien hemm fl-1959, u aktar ’il quddiem, minn din l-inkjesta li fi ħsiebu jagħmel il-Gvern Ingliż lil Bailey, ser ikun hemm mass discharges. Għax tgħiduli intom, “taħseb hekk, li ser ikun hemm mass discharges?” Aħna li kontinwament niġru qalb il-ħaddiema u niġru ’l hawn u ’l hemm nafu li ħafna uffiċjali jgħajruna – u hawn jiddispjaċini ngħid li anke ġewwa Malta xi ġimgħat ilu ntqal minn xi nies b’riferenza għall-ħaddiema tad-dockyard u tal-Gvern, l-istess ħaġa li dawn il-ħaddiema huma għażżenin u ma jagħmlu xejn. Din tefgħuha bħala lixka biex fis-sensji li ġejjin ’il quddiem il-poplu li ma jkunx jaf biżżejjed fuq il-ħaddiema industrijali jgħid: “dawk għażżenin, dawk ma jridu jagħmlu xejn; sewwa jagħmlu jagħtuhom is-sensja u jkeċċuhom!” Imma ngħidilhom lil dawn in-nies jiġu daqsxejn id-dockyard, iduru dawra mal-ħwienet u jaraw l-inċertezza li hemm fost il-ħaddiema. Kapijiet ta’ familji li għandhom tmint itfal, għaxra u mhux tnejn, iridu jgħixu lill-familja bi tmien liri fil-ġimgħa – għax din l-aktar paga għolja li tista’ tkun. Jekk wieħed idur dawra mad-dockyard jara n-nuqqas ta’ xogħol li hemm. Hemm biċċtejn laqx kulħadd idur fuqhom, kulħadd ma jafx x’sejjer jagħmel. Filgħodu mmorru għand l-imgħallem tagħna ngħidulu x’sejrin nagħmlu u jgħidilna komplu fejn kontu. U kemm sejrin indumu nkomplu fejn konna. Kemm ser iddum fuq dik il-biċċa pipe. Kif jista’ jkun ma tippreokkupax ruħek, ma taqtax qalbek, meta tara dik l-inċertezza kollha. Lanqas l-uffiċjali tagħna ma jafu x’sejrin jagħmlu. Għalhekk issa li l-Gvern Ingliż wasal biex jagħmel din l-inkjesta lil Bailey, biex taparsi sejjer jagħtiha xi punishment, aħna ngħidulu lill-Gvern Ingliż li l-punishment mhux lil Bailey ikun ser jagħtih imma lill-ħaddiema industrijali tiegħu. Bħalma għidt qabel, jekk tispiċċa d-dockyard li hija l-backbone tal-ekonomija tagħna, isir diżastru kbir fil-pajjiż. Għalhekk nixtieq nappella lill-Onor. Prim Ministru biex din il-kwestjoni jeħodha bis-serjetà u jibda minn issa jaħseb biex jara x’hemm f’din l-inkjesta, u mhux meta tispiċċa l-inkjesta rridu nieħdu ħsieb, anzi diġà huwa tard; imma aħjar tard milli qatt. Għalhekk, Sur President, nagħlaq id-diskors tiegħi billi nappella lill-Membri tal-Gvern biex jagħmlu ħilithom u jaraw din il-kwistjoni serja tad-dockyard kif sejrin jirriżolvuha.
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 478 tat-Tnax-il Parlament tat-Tnejn 6 ta' Frar 2017
KONDOLJANZI
MR SPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Infakkar il-mewt tal-eks Membru Parlamentari Rokku Abdilla li ġrat nhar it-22 ta’ Jannar, 2017. Is-Sur Abdilla miet fl-età sabiħa ta’ 85 sena. Kif inhi l-konswetudni f’dan il-Parlament, aħna ħriġna ktejjeb għal din l-okkażjoni u se nqassmu kopja lill-Membri Parlamentari u lill-familjari tiegħu li jinsabu preżenti.
Insejjaħ lill-Onor. Joe Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Sur President, insellem lill-familja tal-eks kollega tagħna Rokku Abdilla. Is-Sur Abdilla kien wieħed mis-suldati tal-azzar li kellu l-Partit Laburista fis-snin sittin. Dak iż-żmien ħadd ma kien ried jikkontesta l-elezzjoni mal-Partit Laburista minħabba l-kwestjoni tad-dnub il-mejjet u l-kundanni li kellu l-istess partit. Dakinhar il-Partit Laburista kellu kollox kontra tiegħu!
Is-Sur Abdilla kien wieħed mis-16-il deputat li rnexxielu jtella’ l-Partit Laburista fil-Parlament wara l-elezzjoni ta’ Frar l-Iswed! Dik kienet l-ewwel tebgħa sewda wara l-Kostituzzjoni tal-1962 fejn kellek membru parlamentari li nqatgħetlu sentenza għal tlett ijiem ħabs qabel ma ħa l-ġurament. Qed ngħid hekk għax is-Sur Abdilla kien intalab mill-eks Kap tal-Partit Laburista Dom Mintoff biex jieħu l-ġurament iżda l-Gvern Ingliż, bil-wiċċ tost kollu, ma kienx ħallih. Fil-fatt, il-ġurament ma kienx ħadu ma’ sħabu
Jien lil Rokku niftakru żagħżugħ u bħala bniedem li jaħdem għall-ħaddiem mingħajr interessi. Rokku ta saħħtu għall-ħaddiema fi żmenijiet meta l-affarijiet ma kinux sbieħ kif inhuma llum u kemm meta kien fil-gvern, kif ukoll meta kien fl-oppożizzjoni, ħadem u stinka biex il-ħaddiem imur ʼil quddiem u jieħu dak li ħaqqu. Rokku kien wieħed mill-aktar nies sinċiera li kellu l-moviment tal-ħaddiema.
Mill-faqar tiegħi nsellem lil sieħbi Rokku Abdilla. Jien u hu ħdimna flimkien fl-eżekuttiv tal-Partit u fl-għaqda taż-żgħażagħ soċjalisti ta’ dak iż-żmien. Rokku kien ukoll attiv fil-General Workers’ Union ma’ sħabu tad-drydocks. Rokku ħadem ħafna għall-familja u għalkemm bata, baqa’ jżomm il-prinċipji tiegħu sal-aħħar.
Sur President, f’isem il-Partit Laburista nagħti l-kondoljanzi lill-familja tiegħu. Il-Bambin jagħtihom is-sabar u lil seħibna Rokku jagħtih il-glorja tal-ġenna. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, hija ħaġa tajba li meta nagħmlu kommemorazzjoni ta’ kollega li jkun ħalliena nippubblikaw ukoll l-ewwel diskors li jkun għamel għax mill-ewwel diskors ta’ deputat joħroġ il-ħsieb u l-karattru tiegħu.
Jekk wieħed jara d-diskors li kien għamel is-Sur Abdilla fis-16 ta’ Mejju tal-1962 mill-ewwel jinduna bl-imħabba tiegħu għall-valuri tal-ħaddiema, karatteristika li baqa’ jħaddan tul ħajtu kollha. Is-Sur Abdilla kien ried li l-partit tiegħu jkun il-partit li jissalvagwardja l-interessi tal-ħaddiema. Qed ngħid dan għaliex l-ewwel diskors tiegħu huwa riflessjoni mill-bidu sal-aħħar dwar x’jista’ wieħed jagħmel biex jipproteġi lill-ħaddiema fit-tarzna fejn Rokku ħadem għal snin twal.
Rokku kien ġie elett għall-ewwel darba fl-1962, sussegwentement fl-1966 u mbagħad fl-1971 u f’kull elezzjoni żied l-appoġġ tiegħu għaliex żied il-voti. Sfortunatament però fl-elezzjoni tal-1976 ma kienx ma ġiex elett. Dan ma jfissirx li tilef l-interessi tiegħu għall-klassi tal-ħaddiema, anzi, kompla jimmilita u jaħdem favur il-valuri tagħhom.
Tajjeb ngħid li s-Sur Abdilla ma kienx baqa’ daqshekk viċin il-Partit Laburista, mhux għax kisirha minn miegħu jew hekk imma għax deherlu li l-Partit Nazzjonalista kien beda jirrappreżenta b’mod aħjar u b’mod aktar ġenwin l-interessi tal-ħaddiem. Kien hemm ukoll il-kwestjoni tal-elezzjoni tal-1981 meta l-Partit Nazzjonalista kien ġab il-maġġoranza assoluta tal-voti iżda mhux il-maġġoranza assoluta tal-membri. Dik kienet xi ħaġa li Rokku Abdilla, bit-twemmin tiegħu fid-demokrazija u fl-interessi tal-ħaddiema, ħass li ma kellux joqgħod lura milli jitkellem fuqha u saħansitra kien tkellem f’mass meeting tal-Partit Nazzjonalista.
L-involviment tiegħu ma waqafx hemmhekk. Rokku ħa wkoll sehem f’attivitajiet organizzati mill-Partit Nazzjonalista b’rabta mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dak iż-żmien il-messaġġ tiegħu kien li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienet importanti għaliex permezz tagħha pajjiżna seta’ jivvalorizza l-interessi tal-ħaddiem, inkluż tal-ħaddiema tat-Tarzna. Dan kollu juri li Rokku Abdilla qatt ma beża’ jesprimi l-ħsieb tiegħu biex jipproteġi l-interessi tal-ħaddiem.
L-Onor. Joe Debono Grech spjega kif Rokku kien ġie kkundannat il-ħabs minħabba dak li kien kiteb fuq il-faċċata tal-każin tal-Partit Laburista taż-Żurrieq fuq il-liġi tal-vilifikazzjoni, liema liġi kumbinazzjoni neħħejnieha reċentement però l-punt tiegħi huwa dwar l-importanza tal-libertà tal-espressjoni għal Rokku. Dan norbtu mal-kwestjoni tal-alternanza. Rokku qatt m’emmen fil-politika tat-tribujiet. Għalih mhux il-partit kien jiġi l-ewwel u qabel kollox imma l-interessi tal-ħaddiem. Essenzjalment għalih kienu aktar importanti il-ħaddiema milli jgħid jekk hux ta’ partit jew ta’ ieħor.
Sur President, kemm huwa importanti li jkollna aktar nies bħal Rokku Abdilla biex il-politika ma tiġix polarizzata. Il-politika rridu neħduha bħala xi ħaġa li qiegħda hemmhekk biex tmexxi ʼl pajjiżna ʼl quddiem. Għaldaqstant naħseb li lkoll kemm aħna rridu nagħmlu iżjed sforz biex fid-diskussjonijiet tagħna kemm jista’ jkun innaqqsu l-polarizzazzjoni ta’ bejnietna. Fl-aħħar mill-aħħar naħseb li l-partiti li jmexxu dan il-Parlament, inkluż il-partit li tirrappreżenta l-Onor. Marlene Farrugia, għalkemm ħafna drabi jkollna fehmiet differenti essenzjalment qegħdin hawnhekk għaliex irridu li dan l-imbierek pajjiż jimxi ʼl quddiem!
Rokku Abdilla kellu mħabba mhux biss għall-impenn nazzjonali iżda anke għall-impenn lokali u tant kien iħobb iż-Żurrieq! Fil-fatt kien ikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali bħala membru indipendenti tal-1999.
Sur President, għal Rokku Abdilla l-familja u t-Tarza kienu importanti ħafna. Huwa kien politiku fuq kull naħa tad-dibattitu u kien politiku Malti ġenwin li ħaddem prinċipji ċari favur il-ħaddiema u l-valur tal-libertà tal-espressjoni. F’isem il-Partit Nazzjonalista nagħti l-kondoljanzi lill-familja tiegħu. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Marlene Farrugia.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Sur President, nibda billi nsellem lill-familjari ta’ Rokku tal-Muġura miż-Żurrieq. Rokku kien l-ewwel kuntatt tiegħi dirett ma’ politiku għaliex ommi u missieri kienu canvassers tiegħu. Huma kienu miegħu u hu kien magħhom f’kull ġlieda li għamel il-ħaddiem fi ħdan il-Partit Laburista.
Kemm ommi u missieri kif ukoll Rokku Abdilla għallmuni biex dejjem inġib lill-pajjiż qabel il-partit, kif wara kollox kien jagħmel hu. Il-prinċipji tiegħu qatt ma nbidlu. Huwa dejjem kellu lealtà assoluta lejn pajjiżna, lejn il-familji tagħna u lejn il-ħaddiema tagħna. Għalhekk, apparti milli nsellem il-memorja tiegħu nixtieq nirringrazzjah għax mill-ftit kuntatt li kelli miegħu tani dan l-eżempju. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Jien ukoll nixtieq ngħid xi ħaġa fuq Rokku Abdilla għaliex kont ħdimt miegħu fil-bidu tas-snin sebgħin meta kont attiv fil-Freedom Press jew kif kienet magħrufa dak iż-żmien, il-Labour League of Youth.
Rokku Abdilla kellu valuri xellugin sodi u kien bniedem moderat u ta’ prinċipju. Fil-fatt, kemm l-Onor. Joe Debono Grech kif ukoll l-Onor. Mario de Marco tkellmu fuq il-valuri kbar li kellu. Jien niftakar li meta missieri kien president jew segretarju tal-każin tal-Partit Laburista tal-Mosta, Rokku kien president tal-każin tal-Partit Laburista taż-Żurrieq u għax kien President kien intbagħat xahrejn ħabs iżda mbagħad l-Imħallef Emeritus Hugh W. Harding kien naqqashomlu għal 12-il ġurnata.
Tajjeb infakkar li Rokku Abdilla u Lorry Sant kienu l-uniċi żewġ ħaddiema tat-Tarzna li spiċċaw fil-Parlament, u dan meta l-Perit Mintoff kulma kellu 16-il membru. It-tnejn li huma kellhom valuri kbar u kienu jipproteġu lill-ħaddiema. Fil-fatt, jekk wieħed jara l-ewwel diskors li kien għamel Rokku jsib li tkellem fuq kemm kienu jiġu ppersegwitati għax kienu ġejjin mill-klassi tal-ħaddiema.
Jien niftakar lil Rokku Abdilla anke għaliex missieri kien isemmih minħabba li kellu qarib iffissat fuq il-festa ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq. Qed nirreferi għal Dun Salv Farrugia, Alla jaħfirlu, li naħseb kulħadd jiftakru. Kienu jħobbu jitkellmu fuq dawn l-affarijiet.
Kif qal l-Onor. de Marco, għalkemm Rokku jidher li kien beda jxaqleb lejn partit ieħor, il-valuri tiegħu baqgħu l-istess u dik hija xi ħaġa sabiħa fil-persuna tiegħu. Għaldaqstant ningħaqad mal-partijiet kollha u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi tagħna lill-familjari tiegħu. Grazzi.
Elected on: | 18.02.1962 |
Oath of Allegiance: | 26.04.1962 |
Dissolution of Parliament: | 15.02.1966 |
Elected on: | 31.03.1966 |
Oath of Allegiance: | 25.04.1966 |
Dissolution of Parliament: | 24.04.1971 |
Elected on: | 17.06.1971 |
Oath of Allegiance: | 16.08.1971 |
Dissolution of Parliament: | 13.08.1976 |