Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Notary Sammy Abela

Back to List

Condolences (17 Dec 1977)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 116 tar-Raba' Parlament tad-19 ta' Diċembru 1977

KONDOLJANZI

ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja, Artijiet, Djar u Affarijiet tal-Parlament): Kif jafu l-Onor. Membri, nhar is-Sibt li għadda miet wieħed mill-Membri ta' din il-Kamra, l-Onor. Sammy Abela.

Għalkemm konna ilna nisimgħu illi ma kienx qiegħed igawdi l-aħjar stat ta' saħħa, infatti kien ilu ma jattendi hawnhekk għas-seduti ta' din il-kamra għal diversi ġimgħat, pero' xorta waħda naħseb jien, bħalma ġara lili, ġara lil kulħadd, meta smajna bl-aħbar tal-mewt tiegħu, inħsadna. U peress li nafu li dan kien bniedem li jħobb ħafna l-familja u kellu familja kbira, kellu familja numeruża x'jieħu ħsieb aħna wkoll ħassejna, bħalma żgur li ħasset il-familja tiegħu, it-telfa tiegħu.

Jien lin-Nutar Sammy Abela ili nafu ħafna. Ili nafu mill-1948 u kont nafu bħala student - jiġifieri mhux miegħi, kien għadu student meta kont nafu jien - u kien jidher

bniedem attiv ħafna, bniedem attnet, bniedem illi l-affarijiet jagħmilhom b'ċerta attenzjoni. Dan rajtu, li qiegħed ngħid jien, fi żmien ilu ħafna, u fil-fatt dan deher fih għaliex ħa professjoni u f'din il-professjoni mexa ħafna 'l quddiem, u kelli anke okkażjoni aktar tard bħala avukat illi wkoll nagħmel kuntratti, jiena nidher għal xi waħda mill-partijiet, li nitolbu s-servizzi tiegħu.

F'dan il-Parlament jiena nafu ftit għaliex dan kien fl-1962, meta ma kontx hawn jien u fl-1966, pero' jien naf illi f'dan iż-żmien, kif ukoll fi żmien qasir wara l-aħħar elezzjoni ta' l-1976, l-Onor. Sammy Abela għamel id-dover tiegħu mill-aħjar li seta'; bl-aħjar kapaċita' tiegħu u ma jidhirx almenu - u naħseb jien l-Kamra kollha tista' tgħid dan - illi qatt qal diskors li seta' bih joffendi lil xi ħadd minn sħabu f'din il-Kamra.

Fuq Sammy Abela dan li wieħed jista' jgħid: illi kien bniedem attiv fil-kamp tiegħu kemm professjonali kemm anke politiku, u kien jaħdem ħafna. Jien naf anke l-familja tiegħu, li ġej minn familja pjuttost ta' bdiewa antiki li emigraw għall-Awstralja fejn twieled u anke ħa l-ewwel snin tiegħu, l-ewwel training tiegħu ġo art li tirrikjedi x-xogħol biex inti tkampa. U naħseb dak it-training ta' żgħożitu, ta' tfulitu baqa' jimxi miegħu sakemm kienet tippermettilu saħħtu. Sfortunatament dan messita marda li ma kenitx tippermettilu li juri dik l-enerġija li meta ma kienx milqut biha kien juriha fi kwalunkwe kamp, pero' b'danakollu allavolja ġieli gerger miegħi hawnhekk għal dik li hija nuqqas ta' saħħa tiegħu, kien jiġi jattendi u fejn seta' ħa parti attiva f'debates illi saru f'din il-Kamra.

Jien naħseb li s-Sinjorija Tiegħek u l-Membri kollha ta' din il-Kamra, kemm ta' naħa u kemm ta' oħra, jingħaqdu miegħi biex nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familja tiegħu, lil martu u lil uliedu kollha u lill-ħbieb tiegħu u, kif soltu jsir, kif hija tradizzjoni li jsir, sinjal ta' rispsett ta' din it-telfa ta' wieħed mill-Membri ta' din il-Kamra, nissuġġerixxi li nagħmlu 10 minuti sospensjoni bħala sinjal ta' rispett lejh, sospensjoni ta' din is-seduta.

THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Fenech Adami.

ONOR. EDWARD FENECH ADAMI: Mr Speaker, jiena nassoċja ruħi ma' dak li għadu kif qal l-Onor. Dr cassar u f'isem din in-naħa tal-Kamra, ċertament jiena wkoll nixtieq nibgħat il-kondoljanzi lill-familja tan-Nutar Abela. In-Nutar Abela, naturalment, bħala Deputat tal-Partit Nazzjonalista nafuh ħafna mill-viċin aħna d-Deputati ta' l-Oppożizzjoni. Jiena nista' ngħid li personalment ili nafu mill-kampanja elettorali ta' l-elezzjoni ta' l-1962. Jien fuq Sammy Abela ngħid illi dejjem ammirajt fih l-entużjażmu li kien bih jidħol għax-xogħol illi kellu, għax-xogħol professjonali illi tant kien jiddedika ruħu għalih, tant kien jara nies fil-professjoni tiegħu, mhux biss għall-pubblikazzjoni tal-kuntratti li kien id-dmir tiegħu, ix-xogħol tiegħu ta' kuljum bħala nutar, imma jien naf personalment kemm kienu jmorru nies għandu għall-pariri, problemi li kienu jinqalgħulhom fil-ħajja ta' kuljum.

Bħala Deputat fil-Parlament, jiena naħseb illi kien Deputat eżemplari f'dak li jirrigwarda l-interessi tal-kostitwenti

tiegħu u kulħadd jaf lil Sammy Abela fir-Rabat bħala l-bniedem illi kien il-problemi tal-kostitwenti tiegħu iħosshom u jitħabat biex jara kif jirrisolvihom, partikolarment meta l-partit tiegħu kien fil-gvern, kulħadd jiftakar, ċertament fir-Rabat, l-isforzi kbar li għamel biex jara d-distrett li minnu kien ġie elett jimxi 'l quddiem. Kien jagħti każ personali tal-problemi tal-kostitwenti tiegħu u jiena persważ illi l-kostitwenti tiegħu tilfu fih raġel illi kien verament jistmahom, kien verament iħobbhom u lest illi jaqdihom. Kien, kif qal Dr Cassar, raġel ukoll tal-familja, rabba familja kbira, u waqt il-funeral proprju kien ta' qsim il-qalb tara lill-familja tiegħu hemm, partikolarment ibnu ż-żgħir nett illi kien hemm jassisti wkoll għall-funeral ta' missieru.

Minn din in-naħa, Mr Speaker, għalhekk aħna nassoċjaw ruħna wkoll f'dawn il-kondoljanzi illi din il-Kamra ċertament tibgħat lill-mara tiegħu u lill-familjari tiegħu kollha.

THE DEPUTY SPEAKER: Bla dubbju ta' xejn is-Sedja tingħaqad mal-Leader of the House u mal-Kap ta' l-Oppożizzjoni fis-sentimenti ta' sogħba espressi għat-telfa bil-mewt tal-kollega tagħna, Sammy Abela. Tingħaqad f'dawn is-sentimenti u titlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex jibgħat il-kondoljanzi tal-Kamra kollha lis-Sinjura tiegħu u lill-familja kollha tiegħu.

U issa skond il-qbil tal-Kamra s-seduta hija sospiża għal 10 minuti bħala sinjal ta' qima.

 

Electoral History

Second Legislature (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 31.03.1966
Oath of Allegiance: 25.04.1966
Dissolution of Parliament: 24.04.1971
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 25.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
- 17.12.1977