Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Robert Arrigo

Back to List
Robert Arrigo  

Commemoration Booklet


TIFKIRA TAS-SUR ROBERT ARRIGO
FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI
PARLAMENT TA’ MALTA

 

4 TA’ DIĊEMBRU 1954 - 18 TA’ OTTUBRU 2022

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn
L-14 ta' April 2003 u t-18 ta' Ottubru 2022

 

Robert Arrigo

Ġurament ta' Lealtà

L-EWWEL DISKORS TAS-SUR ROBERT ARRIGO FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI


ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 3 tat-Tlieta, 27 ta’ Mejju 2003

L-GĦAXAR LEĠIŻLATURA

INDIRIZZ B'RISPOSTA GĦAD-DISKORS
TAL-PRESIDENT TA' MALTA - KONTINWAZZJONI

ONOR. ROBERT ARRIGO: Grazzi, Sur President. Illum kburi li qed nitkellem għall-ewwel darba bħala membru elett f’dan il-parlament. Dan huwa parlament li f’dawn il-ħames snin se jkollu sfidi ġodda għal Malta, sfidi b’rabta kbira mal-Ewropa u sfidi li għandhom ikunu mirbuħa b’ħidma kontinwa u b’mentalità ġdida. Ninnota b’sodisfazzjon li ċerti korporazzjonijiet fosthom l-ETC diġà ħadmu biex jibbenefikaw minn fondi mill-Ewropa biex jgħinu fl-istħarriġ dwar nies li qed ifittxu x-xogħol. Dan għandu jkun il-ħsieb ta’ kull wieħed minna kemm jekk jaħdem fiċ-ċivil u kemm jekk jaħdem fil-privat biex minnufih nibdew nieħdu l-benefiċċji.


Irrid ngħid li hemm diversi fondi li Malta tista’ tibbenefika minnhom. Jien rajt b’għajnejja stess x’ġara f’pajjiżi oħra, fosthom il-Portugall. Dawn għamlu proġetti wieħed wara l-ieħor bl-għajnuna ta’ fondi mill-Ewropa kemm fuq pjan lokali kif ukoll fuq pjan nazzjonali. Ħaġa żgura hi li d-dinja tal-lum hija aktar mgħaġġla u titbiddel malajr. Aħna għandna naġġornaw ruħna l-ħin kollu. M’għandniex nibżgħu nidħlu għal sfidi ġodda u għandna nieħdu kull opportunità li tgħaddi għall-ġid ta’ Malta u biex ħadd ma jibqa’ lura. Kull persuna b’responsabilità f’kull settur fil-ħajja Maltija f’kull livell trid tieħu iktar deċiżjonijiet b’iktar ħeffa. Kull persuna għandu jkollha viżjoni aktar wiesgħa mis-soltu. Mil-llum irridu nibdew naħsbu b’moħħ iktar wiesa’ u bil-ħsieb ta’ suq ħafna ikbar. Din hija l-mentalità ġdida li rridu ndaħħlu.

Mr Speaker, jiena żgur li l-Malti huwa poplu bravu u huwa ħaddiem li jista’ jisfrutta dawn l-opportunitajiet. Dan ikun ferm siewi jekk kulħadd jaħdem b’għan wieħed u għandna nibdew din il-ħidma fil-parlament biex nagħtu xhieda konkreta lill-poplu Malti. Flimkien nistgħu ngħaqqdu aħjar lill-poplu li tana l-fiduċja. Forsi għal ftit dan mhux faċli, għax mhuwiex faċli li tibdel mentalità, imma min jagħti servizz ikun x’ikun, kbir jew żgħir irid iżomm f’moħħu li l-pubbliku għandu jkollu ħin stipulat għal dak is-servizz. Irridu nkunu iktar effiċjenti fis-servizz li nagħtu. Anke x-xogħlijiet fit-toroq u x-xogħlijiet infrastrutturali m’għandhomx jibqgħu jieħdu fit-tul. Forsi wieħed għandu jdaħħal il-kunċett li biċċa xogħol importanti tista’ tkompli ssir anke billejl. Din tista’ tkun soluzzjoni, ovvjament bi ftehim mal-kuntrattur, li jkollha inqas inkonvenjent għar-residenti. Jien kelli okkażjoni nagħmilha meta kont sindku u kienet suċċess minn kull lat.

Irrid ngħid ukoll li d-drawwa li kollox jgħaddi wkoll trid tinbidel. Din mhijiex ħaġa faċli, iżda s-suċċess jiġi meta naraw li verament nistgħu ninbidlu, u f’din l-atmosfera aħna nistgħu nagħmlu suċċess. Id-dinja mhux se tistenna lilna nieħdu deċiżjoni. Id-dinja ma tistenna lil ħadd wisq iżjed lilna. Deċiżjonijet tajba jittrasformaw ruħhom f’ġid, impjiegi u xogħol għal kull settur tal-poplu Malti.

Mr Speaker, biex nagħlaq irrid ngħid li l-Għaxar Distrett ukoll għandu l-bżonnijiet tiegħu, bħalma għandhom il-bżonnijiet tagħhom postijiet oħra ta’ Malta. Irrid ngħid li l-President ta’ Malta tana l-programm tax-xogħol kollu li jrid isir f’dawn il-ħames snin li ġejjin. Fosthom hemm il-pjan ta’ xogħol f’Paceville. F’din l-area hemm l-investiment, l-impjiegi u hemm ir-residenti bil-familji tagħhom. Nappella li dan ix-xogħol isir minnufih għax ħasra tara post bħal dak mhux lest. Nappella li l-vuċi tar-residenti tinstema’ u li dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess li għandu jwassal biex kulħadd jgħix aħjar.

Ħadt pjaċir ukoll nisma’ li ż-żoni ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema huma fil-programm ta’ ħidma għall-ħames snin li ġejjin. L-Għaxar Distrett huwa distrett li jiġbor fih il-punti kollha msemmija fid-diskors tal-President. Pereżempju, nista’ ngħid li mingħajr l-ekonomija ma jsir xejn u jieqaf kollox, però ekonomija għandha bżonn ta’ ċerta klima li tiġġenera n-negozju. Iż-żoni ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema u Paceville huma xhieda ħajja ta’ dan. Kull żvilupp, kull pjan għandu jkun maħsub għal dan il-għan ukoll, għalkemm ir-residenti għandhom jiġu dejjem fl-ewwel post. Ir-residenti ta’ dan id-distrett inkunu rridu biss spazju għal-leħen u għas-suġġerimenti tagħna. Dan biex kulħadd jgħix aħjar. Grazzi.

 

 

Condolences (4 Dec 1954 - 18 Oct 2022)

ESTRATTI MIS-SEDUTI PARLAMENTARI TAL-ERBATAX-IL PARLAMENT NRU 34 TAT-TLIETA 18 TA' OTTUBRU 2022 U MIS-SEDUTA PARLAMENTARI NRU 37 TAT-TLIETA, 25 TA’ OTTUBRU 2022

 

TISLIMA LILL-ONOR. ROBERT ARRIGO

 

ESTRATT MIS-SEDUTA PARLAMENTARI TAL-ERBATAX-IL PARLAMENT NRU 34 TAT-TLIETA 18 TA' OTTUBRU 2022

 

L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Nifhem li hawn ftehim biex l-aġenda tas-seduta tal-lum tiġi sospiża b’sinjal ta’ rispett wara t-telfa tal-mibki l-Onor. Robert Arrigo. Dan sabiex il-Kamra wkoll tkun tista’ ssellem il-memorja ta’ kollega tagħna. Insejjaħ lill-Prim Ministru.

ONOR. ROBERT ABELA (Prim Ministru): Sur President, xtaqt nibda billi nagħti l-kondoljanzi tiegħi lill-Onor. David Agius u lill-familja tiegħu għat-telfa tal-għażiż missieru. Naf kemm David kien qrib tal-papà tiegħu. F’dawn l-aħħar ġranet konna wkoll f’kuntatt kontinwu. Minn hawn nesprimi l-kondoljanzi tiegħi f’isem il-grupp parlamentari kollu Laburista ma’ David u mal-familja tiegħu.

Sur President, li nitkellem dwar Robert Arrigo għalija mhuwiex faċli, għaliex qed nitkellem dwar ħabib personali. Il-ħbiberija tagħna twieldet lil hinn mill-politika. Kellna passatemp komuni li konna ngawduh ħafna drabi flimkien. L-argument primarju li kellna f’dawn l-aħħar xhur kien dwar id-data tal-elezzjoni. Kien jgħidli: Ara ma tmurx tagħmel l-elezzjoni fis-sajf għax ma naħfirlek qatt.

Sirna nafu lil xulxin fl-2017 meta dħalt bħala novizz f’din il-Kamra u r-rispett li konsistentement kien juri lilna li konna ġejna eletti għall-ewwel darba kienet xi ħaġa li vera laqtitni. Ftit tax-xhur ilu konna nafu li saħħtu bdiet sejra lura. Niftakarni nitkellmu dwar is-sajf. Qalli li dan is-sajf ifisser chemotherapy. Kont nipprova ninkoraġġih b’dak li kellu jiġri għas-sajf li ġej. Però qatt ma qata’ qalbu. Dejjem kien jgħidli: Dak li għandi, nelgħbu. Bdejna nitkellmu dwar Diċembru. Diċembru kienet tfisser għalih data importanti ħafna, il-50 anniversarju tiegħu fit-turiżmu. Bdejna nitkellmu u qalli li kien se jagħmel attività u xtaq jisteddinni biex nagħmel diskors. Tant kienet importanti din il-ġurnata għalih li ripetutament kien qed iżomm din id-data fil-kalendarju għalih. Jien fhimt ukoll li għalih li jasal sa dik id-data kienet tfisser anke rebħa fuq il-marda li kellu. Sfortunatament dak it-tragward ma wasalx għalih.

Niftakar li fl-ewwel ġranet tal-pandemija l-pjazza ta’ quddiem Kastillja kienet kompletament baħħ, u Robert – forsi hawn min jiftakarha f’din il-Kamra – kellu inċident tat-traffiku. Kien dar bil-karozza tiegħu u kien letteralment se jaqa’ bil-vettura tiegħu għal isfel. Konna morna dak il-ħin. Niftakar li l-kelma li kien qalli kienet: Jien ok, mur kompli b’xogħlok. Dan qed ngħidu biex min ma jafx biżżejjed lil Robert Arrigo jifhem x’tip ta’ ġentlom kien.

Nista’ ngħid ukoll li waqt il-pandemija, fl-iktar mumenti kritiċi fejn il-pressjoni fuq is-settur tat-turiżmu kienet verament bdiet tinħass, kien wieħed mill-iktar persuni li kont insib ta’ konfort meta niġu biex nieħdu d-deċiżjonijiet relatati mat-turiżmu. Qatt ma tana parir wieħed li huwa wieħed li kien motivat politikament. Dejjem tana pariri fl-aqwa interessi tal-industrija u pariri li kienu kompletament distakkati mill-element politiku. Imma imbagħad xi ħaġa li vera laqtitni hija li kemm ili nafu, imma partikolarment f’dawn l-aħħar xhur, konsistament kien ikellimni dwar każijiet soċjali. Waqt il-kampanja elettorali, meta naturalment kulħadd kien ikun qed jagħmel il-home visits, kien jibgħatli numru ta’ każijiet, u l-ewwel ħaġa li kien jibda biha hija li kien jgħidli: Ara ma taħsibx li jien qed nagħmel għall-vot, għax dan mhux votant tagħna imma votant tagħkom. Imma kien jgħidli li għandu bżonn l-għajnuna. Dalgħodu qgħadt nara n-numru ta’ messaġġi ta’ każijiet soċjali. Sal-10 ta’ Ottubru konna għadna qed nidħaddtu fuq ċirkostanza partikolari ta’ ħtieġa soċjali. Dak kien Robert Arrigo. Għamel suċċess fil-ħajja personali tiegħu imma baqa’ konsistentament tant viċin iż-żgħir u l-batut. Kien hu personali, individwalment, isegwi numru ta’ każijiet biex jara li l-inqas privileġġati fis-soċjetà tagħna jkunu dawk li jirċievu l-iktar għajnuna. Ta’ dan verament li din il-Kamra trid tagħtih it-tislima sħiħa tagħha.

Dalgħodu l-pajjiż tilef ġentlom li għamel suċċess fil-ħajja professjonali imma li kellu ruħ soċjali li kienet verament kbira. Kellu għal qalbu l-qasam sportiv u rnexxa fil-qasam politiku. Kieku kelli niddeskrivih ngħid li kien bniedem umli u bniedem sensittiv ħafna għat-tbatijiet ta’ ħaddieħor. Ma ħalliex is-suċċess tiegħu b’xi mod jitla’ għal rasu, imma baqa’ dejjem umli u saqajh mal-art

Naturalment l-akbar telfa hija għall-familja tiegħu. L-istess, inzertajt nafhom ukoll fuq livell personali. Tilfu ġentlom, tilfu missier u tilfu verament raġel tal-familja. Minn hawnhekk, f’isem il-grupp parlamentari Laburista nestendi l-kondoljanzi tiegħi kollha lilhom. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, se nissellef aġġettiv li għażel il-Prim Ministru biex jiddiskrivi lil Robert bih. Il-kelma “ġentlom”. Robert kien ilu fil-politika għal ħafna snin, sa mill-1994, meta kien sar sindku tal-lokalità ta’ Tas-Sliema. Serva lill-poplu Slimiż f’diversi rwoli, anke fil-futbol. Serva lill-poplu Slimiż bħala sindku però serva wkoll lill-pajjiż tagħna, lill-poplu Malti u Għawdxi bħala deputat, imma wkoll bħala Viċi Kap.

Jien ili fil-politika ftit iktar minn sentejn biss u fuq bażi personali nista’ ngħid li r-relazzjoni li kellna nibtet proprju dakinhar li jien sirt Kap jew ftit ġimgħat qabel. Niftakar li konna lqtajna ftit ġimgħat qabel sirt Kap. Kien bniedem li jgħidilek kif iħossha. Kien ġentlom però li ma jdurx mal-lewża. Kien ikollna diskussjonijiet twal, kultant jaħarqu imma jekk kien hemm xi ħaġa li kienet tispikka fih kienet dan is-sens kbir ta’ lealtà li huwa kellu mhux biss lejn il-Partit imma partikolarment lejn l-elettorat. Kien bniedem li kull darba li jiltaqa’ miegħi niftakru jgħidli: Wasalt għal dan l-ammont, u kien jgħidli l-ammont ta’ house visits li jkun għamel. Dak iż-żmien kien għad hemm il-pandemija. Kont ngħidlu: Jekk inti ma tistax tidħol għand in-nies, x’qed tagħmel? Kien jgħidli: Nibqa’ fil-bieb, imma lil dak li jkun jien għall-inqas kellimtu. Din ma tkunx l-ewwel darba, imma tkun it-tieni, t-tielet jew ir-raba’ darba li jkur mar fl-istess dar. Dak huwa l-politiku, il-persuna li jkun f’kuntatt dirett man-nies.

Li jaffaxxinani fih huwa li kif qal tajjeb ħafna l-Prim Ministru, hu kien dejjem moħħu biex jgħin. Minkejja s-sentenza kerha li huwa ħa ftit tax-xhur ilu, għax sfortunatament kien jaf li dak li għandu huwa terminali, huwa jsemmi esperjenza li għadda s-sena l-oħra, meta kien qrib li jħallina. Kellu din l-imħabba kbira lejn Santa Marta. Fil-fatt jien kont noqgħod niċċajta miegħu u hu kien jgħidli: Itlob lil min trid, basta ma tmisslix lil Santa Marta. Kellu d-determinazzjoni u l-lealtà li jaħdem. Kemm l-aħħar darba meta kien diġà viċin il-mewt imma anke minn mindu ħa din is-sentenza f’dawn l-aħħar xhur kien baqa’ konsistentament moħħu kif se jgħin lil ħaddieħor. Kif qal tajjeb ħafna l-Prim Ministru, kien bniedem li għen lin-nies fuq diversi livelli anke finanzjarjament. Hu u l-familja tiegħu għenu finanzjarjament lil ħafna u ħafna nies. Dan l-entjużjażmu, dan is-sens ta’ dover kien għadu għandu sal-aħħar. Inqas minn ġimgħa ilu ltqajna l-uffiċċju tiegħi d-Dar Ċentrali. Qattajna tlitt kwarti nitkellmu fuq il-Partit, ovvjament fuq id-distrett u fuq ix-xogħol tiegħu bħala kelliem tat-turiżmu. Kien għadu mimli b’entużjażmu u determinazzjoni li jibqa’ jaħdem anke f’din id-direzzjoni. Meta l-Prim Ministru semma’ l-attività ta’ Ottubru, meta stedinni biex immur għal din l-attività, jien f’qalbi għidt: Imma huwa jaf x’għandu. Proprju meta l-ġimgħa l-oħra staqsejtu kif inhu huwa qalli: Jien tajjeb, għaliex issa rridu niċċelebraw flimkien il-50 sena xogħol tiegħi fit-turiżmu.

Ma nistax nagħlaq dan id-diskors mingħajr ma nagħti l-kondoljanzi f’ismi, f’isem il-familja tiegħi, f’isem il-grupp parlamentari kollu Nazzjonalista lill-għażiża Marina. Dalgħodu kellimtha u ovvjament kienet b’qalbha maqsuma. Jiena anke tlabtha biex niddedika d-diskors tiegħi dalgħodu fil-konferenza tal-EY lil Robert. Naf kemm Marina kienet bastun għal Robert. Bla dubju nagħti l-kondoljanzi anke lill-familja kollha tiegħu inkluż anke lin-neputijiet.

Sur President, nixtieq ukoll nagħti l-kondoljanzi lil David Agius, kollega ieħor tagħna, li ftit tal-minuti ilu għadu kif tilef il-papà. Nagħti l-kondoljanzi lilu u lill-familja kollha tiegħu f’mument daqshekk diffiċli. Jien esperjenzajtha eżatt xahar ilu, bil-ġurnata, u naf xi tfisser il-vojt li jħalli membru tal-familja speċjali.

Sfortunatament ma nistax ma nsemmix ukoll, għax inħoss li nkun qed nonqos, il-bieraħ inzerta kien proprju sentejn minn mindu ħalliet deputat għażiż ieħor, Frederick Azzopardi. Dawn il-ġranet se jibqgħu għalina ġranet għeżież għaliex tlifna żewġ pilastri importanti fil-Partit Nazzjonalista. Allura nestendi l-kondoljanzi lill-familja ta’ Robert Arrigo, u nwegħduhom li l-memorja tiegħu tibqa’ ħajja f’kull wieħed minna u fil-Partit Nazzjonalista. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Lil Robert ili nafu. Immur ħafna lura, għax niftakar lil missieru Ralph meta missieri kien bl-ispiżeriji. Konna mmorru għand Collis Williams u kont narah hemmhekk ukoll ma’ missieru. Qed nitkellem ħafna snin ilu. Wara li kien għadda ammont imbagħad erġajna lqtajna. Robert dejjem kien persuna pożittiva, kien ġentlom, kif issemma’ diġà miż-żewġ naħat tal-Kamra, però kellu kelma.

Jien niftakar ukoll meta ċempilli darba fil-Milied ta’ għaxar snin ilu, ftit jiem wara li jien kont irriżenjajt minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, u niftakar qalli: Anġlu, insa li jien fil-Partit Nazzjonalista, qed inkellmek bħala Robert Arrigo u aħna nitkellmu bħala ħbieb. Qalli: Agħmel kuraġġ, inti bniedem sod, għax Alla kbir. Jien ma nistax ninsa din is-sentenza li kien qalli. Niftakar li konna domna nitkellmu fuq it-telefon.

Fis-sajf, waqt li għaddej bil-battalja tal-marda li kellu kien anke ċempilli biex jistaqsini fuq il-familja tiegħi u fuq l-għażiża binti. Qed nitkellem biex nurikom il-persuna ta’ Robert. Nista’ ngħid li lil Robert ħabbu kulħadd. Ħabbitu Malta u għamel ġid kif ra hu fl-aħjar interessi tas-soċjetà Maltija, kif qal tajjeb il-Prim Ministru. Kien jidħol ħafna fuq affarijiet soċjali.

Jien niftakar li fl-indipendenza ta’ din is-sena kont mad-Deputy Speaker David Agius – u minn hawnhekk nieħu l-okkażjoni nagħti l-kondoljanzi lilu u lill-familja għat-telfa ta’ missieru Twanny – u Robert bgħatli messaġġ. Kien jibgħatli kull ħmistax. Dakinhar kitibli: Anġlu, fejn inti? Għidtlu li qiegħed mad-Deputy Speaker u hu qalli: Inti taf li llum l-Indipendenza hux! Għidtlu li qegħdin barra fuq xogħol u qalli: Insellmilkom, imma bħalissa qiegħed l-isptar. Dak kien Robert Arrigo.

Irrispettivament mit-twemmin politiku tiegħu, ħabbu kulħadd. Kien persuna li kien kapaċi jagħmel il-ġid notwithstanding li forsi aħna bħala pajjiż għadna ftit polarizzati. Dan huwa Robert Arrigo.

Nixtieq nestendi l-Kondoljanzi lill-familja f’isem iż-żewġ naħat tal-Kamra u nipproponi li s-Sedja u l-membri preżenti kollha nosservaw minuta silenzju b’rispett lejn il-kollega tagħna Robert Arrigo.


Il-Kamra qablet u l-Membri kollha preżenti qamu bil-wieqfa u osservaw minuta silenzju.

 

ESTRATT MIS-SEDUTA PARLAMENTARI NRU 37 TAT-TLIETA, 25 TA’ OTTUBRU 2022

 

L-ISPEAKER: Skont il-ftehim li ntlaħaq fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra, il-Kamra issa se tgħaddi għall-Kondoljanzi wara t-telfa tal-maħbub Membru Parlamentari Robert Arrigo li ħalliena nhar it-Tlieta, 18 ta’ Ottubru 2022. Qabel ma nsejjaħ lid-Deputat Prim Ministru nifhem li hawn talba biex cameraman ta’ Net News jidħol fil-Kamra biex jittieħdu xi ritratti u filmati waqt li jkunu qed jingħataw il-kondoljanzi. Hawn permess? (Onor. Membri: Iva) Insejjaħ lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa.

ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Grazzi, Sur President. Ħafna drabi meta nkunu qegħdin nagħmlu dan it-tip ta’ tifkiriet ta’ xi ħadd li ħalliena wieħed dejjem ifittex dak li kien tajjeb fil-persuna, u din ġieli tkun faċli ħafna u ġieli tkun inqas faċli. Dejjem ikun hemm xi ħaġa tajba xi tgħid fuq kulħadd imma ġieli tkun faċli ħafna u ġieli tkun inqas faċli. Ħafna drabi meta wieħed ikun qisu ma jafx kif se jaqbad jiddiskrivi jgħid li l-persuna kienet ġentlom. Fil-każ ta’ Robert Arrigo ma rajtx diskors jew artiklu wieħed fil-gazzetti jew obituary li ma qalux li kien ġentlom. Iddeskrivew lil Robert Arrigo bħala gentleman mhux għax kien hemm xi diffikultà biex isibu aġġettivi oħra li jfaħħru l-karattru tiegħu jew biex ikunu jistgħu jgħidu xi ħaġa tajba dwaru, għax intqalu ħafna u jkomplu jingħadu ħafna affarijiet. Imma kull min tkellem fuq Robert qal li kien ġentlom u kien verament persuna li tissimbolizza dak li huwa tajjeb f’persuna umana, aktar u aktar fil-politika. Kien gentleman mhux għax kien jilbes il-kappell u joqgħod jippassiġġa bil-bastun, u hawnhekk jiena se ngħid kif narah jien li kien gentleman.

Sur President, meta jien dħalt fil-Parlament fl-2013, Robert kien ilu fil-Parlament kważi għaxar snin għax tela’ l-ewwel darba f’din il-Kamra fl-2004 meta l-Parlament kien għadu jiltaqa’ fil-Palazz. Bħal kull membru parlamentari ġdid lill-membri parlamentari tal-partit avversarju, tal-partit oppost, ħafna drabi ma tkunx tafhom personalment imma tkun tafhom mill-media jew minn dak li tkun qrajt fuqhom fil-gazzetti li jappartjenu lill-partit tiegħek. Għalhekk l-impressjoni tkun li l-politiku tal-partit l-ieħor se jara kif se jsiblek ix-xagħra fl-għaġina fl-argument tiegħek u jekk tgħid 100 ħaġa li 99 minnhom ikunu tajbin, se jaqbadlek mal-waħda li tkun il-ħażina. Jekk le, se jipprova jdawwarlek id-diskors biex jirbaħ fuqek. Ejja nkunu onesti, ħafna drabi din l-isterjotipa nagħmluha anke aħna stess f’din il-Kamra. Robert Arrigo ssorprendieni għax ma kienx ta’ dan it-tip. Dak li kien ħażin ma kellu ebda diffikultà li jgħid li huwa ħażin imma dak li kien tajjeb anke fil-partit oppost ma kienx jibża’ jgħid li huwa tajjeb. Huwa għal hekk li ħafna nies jgħidulu gentleman.

Sur President, l-ewwel u qabel kollox Robert ma kellux għalfejn jidħol fil-politika għal xi gwadann personali tiegħu. Kulħadd jaf x’suċċess kbir kellu fil-karriera tiegħu fil-business u fit-turiżmu. Jien anzi ngħid li l-politika tellfitu mill-introjtu li seta’ jagħmel u mhux għenitu. Imma aktar milli għall-interess tiegħu u iktar milli għall-partit tiegħu - u lill-partit tiegħu kien iħobbu - nista’ ngħid li fil-politika l-ewwel u qabel kollox kien iġib l-interess tal-pajjiż.

Mill-2013 dejjem aħna konna fil-Gvern u Robert kien fl-Oppozizzjoni imma meta kien jara li l-Gvern qed jagħmel xi ħaġa tajba ma kienx jaħsibha darbtejn biex jgħidha. Kien jgħid: Din qed tagħmluha sew; sewwa qed tagħmlu u ibqgħu għamlu hekk, żidu fuqha għax din fl-interess tal-pajjiż. Meta konna niddibattu miegħu din il-ħaġa tpoġġik f’diffikultà. Meta inti qed tiddibatti ma’ xi ħadd li taf li dejjem se jgħid “le”, qisek tirbaħ l-argument għax tgħid: U iva, dan mhux dejjem “le” se jgħid. Imma meta targumenta ma’ xi ħadd li jekk inti għandek raġun se jagħtihulek, meta jgħidlek li m’għandekx raġun imbagħad iżjed fih toqol l-argument tiegħu.

Robert kellu wieħed mill-iżjed preġji li kull politiku jaspira li jkollu u huwa wieħed mill-iżjed preġji diffiċli li jkollok: il-kredibilità. Ma tantx kien jagħmel diskorsi, dak li jista’ jgħidu f’kelma ma kienx jgħidu f’għaxra. Ma kienx wieħed minn dawk il-parlamentari li meta tidħol mill-bieb iżjed iva milli le kont se tisimgħu jitkellem, imma dak li kien jgħid kien jgħidu b’reqqa, kien jgħidu b’serjetà u kien jgħidu bi kredibilità kbira. Kellu kredibilità mhux biss ma’ dawk in-nies li kienu jsegwu n-naħa tal-politika tiegħu, imma kellu kredibilità anke ma’ dawk li kienu jappartjenu lill-partit oppost.

Sur President, li tgħid li hemm xi ħaġa ħażina fl-oppożizzjoni, fil-partit oppost, hija faċli. Li tgħid li hemm xi ħaġa tajba fil-partit oppost hija diffiċli. Imma li tgħid li hemm xi ħaġa ħażina fil-partit tiegħek meta inti għadek f’dak il-partit hija diffiċli ħafna u Robert mhux wara li telaq u kien barra l-politika u ma kellux x’jitlef kien joqgħod jizzika lill-partit tiegħu, imma waqt li kien għadu fil-partit stess. Kellu l-integrità u l-kredibilità li fejn jara li l-partit tiegħu kellu bżonn min jiġbidlu widnejh għamilha wkoll u għamilha għax kien iħobb il-partit tiegħu. Din kompliet iżżid il-kredibilità ta’ Robert mhux biss ma’ dawk li kienu jappartjenu lill-Partit Nazzjonalista, imma anke mal-kumplament tal-pajjiż.

Robert u jien sirna Viċi Kap fl-istess perjodu fl-2017 u allura konna nkunu mistednin għal ħafna okkażjonijiet semisoċjali, dawk li jkunu bejn attivitajiet ta’ xogħol u bejn attivitajiet soċjali. Apparti l-kredibilità, Robert kellu l-onestà u kellu ħafna onestà. Din semmieha l-Prim Ministru meta kien qed jitkellem dwaru ftit tal-ġranet ilu. Jekk inti kont titolbu xi ħaġa u m’għandekx raġun jgħidlek: Jiddispjaċini, m’għandekx raġun. Imma jekk inti kont titolbu xi ħaġa u għandek raġun, dak ir-raġun kien jiġġieled għalih anke meta kien ikun jaf li min qiegħed jitolbu mhux neċessarjament se jivvota lilu. Mela mal-preġju tal-kredibilità kellu l-preġju tal-onestà.

Imma mbagħad jien minn dawn il-laqgħat soċjali sirt naf li Robert kellu preġju ieħor: il-mara tiegħu Marina, li kienet in-nofs l-ieħor ta’ dak li kien Robert Arrigo. Fil-ġranet li ltqajt magħha sirt naf kemm hija mara li verament ħabbet lil Robert u kienet tikkumplementah b’mod eżatt. Kondoljanzi, Marina. Aħna se nimmissjaw li narawh dieħed minn dak il-bieb, imma inti timmissjah aktar minna! (Onor. Membri: Hear, hear)

Apparti Marina hemm Alan u Andrew. Nhar is-Sibt fl-aħħar tal-quddiesa ta’ Robert, it-tifel tiegħu Andrew qalilna li bħalma Robert kien wiegħed lil missieru, hu se jwiegħed lil Robert li se jibqa’ jimxi fuq il-passi tiegħu u that is good news għax il-pajjiż u dan il-Parlament għandu bżonn gentleman bħalma kien Robert Arrigo. (Onor. Membri : Hear hear)

L-ISPEAKER: Il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Onor. Bernard Grech.

ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Grazzi, Sur President. Bla dubju dan huwa mument iebes u diffiċli. Sfortunatament din hija t-tieni darba f’sentejn li qed ikolli nagħmel diskors ta’ kondoljanzi għat-telfa ta’ Deputat tal-Grupp Parlamentari tagħna. Mhuwiex faċli li jkollok wieħed mit-team tiegħek, wieħed mill-persuni li tkun qiegħed taħdem u tikkollabora miegħu, sfortunatament jirċievi aħbar li mill-ewwel, mit-ton tal-vuċi, mill-kliem li jingħad u jinkiteb fil-messaġġi tħoss li dik hija aħbar li se twassal li titlef persuna oħra.

Robert ta lil dan il-pajjiż snin twal ta’ servizz mhux biss bħala kunsillier u bħala sindku, imma wkoll bħala Deputat f’dan il-Parlament għal 20 sena u bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista. Ta wkoll servizz fil-qasam tax-xogħol tiegħu tat-turiżmu kif ukoll fil-qasam tal-isports.

Kien persuna li kien dedikat għall-kawża, tkun xi tkun dik il-kawża, kemm jekk il-kawża hija li jirbaħ il-kampjonat u kemm jekk il-kawża hija li jakkwista xi klijent. Jien niftakru jirrakkontali – u min jaf kemm irrakkontaha lilkom, Marina, Andrew u Alan - kemm kien saħansitra jmur hu jsuq biex iġib klijenti minn barra minn Malta anke mill-Ġermanja. Marina wkoll naħseb li għexitu dan iż-żmien. Hemmhekk tara kemm dan ir-raġel kien dedikat f’kull ħaġa li jagħmel. Din hija xi ħaġa li nammira f’kull persuna li tagħmel dak li tagħmel b’amor proprju u b’determinazzjoni.

Kif qal l-Onor. Fearne, intqal ħafna kliem u ntużaw diversi aġġettivi biex jiddeskrivu lil Robert, kliem bħal umli, ġeneruż, ġentili, determinat, però l-iktar kelma li laqtitni jien u li forsi umilment inħoss li tinkludi kollox minn dak il-ftit li naf dwar ħajtu hija l-kelma “altruwista”. Jekk mhux dejjem, ħafna drabi kien ipoġġi lil ħaddieħor qablu. Kien ipoġġi lill-persuni fid-distrett; kien jirrakkontali kemm kien jagħmel house visits u kien jiġi jgħidli “għax għamilt hekk u għamilt hekk”. Kien jgħidli li anke l-isptar jiltaqa’ man-nies u jgħidilhom, “Inti toqgħod f’dak il-bieb, f’dik it-triq,” “inti minn ta’ dawk”, għax kien jaf eżattament kważi bl-isem lill-persuni fid-distrett tiegħu. Kien altruwista kemm fil-ħidma politika tiegħu, kif ukoll fil-ħidma personali, fil-karriera tiegħu, fejn irnexxielu jagħmel ħafna ġid u poġġa dejjem lil ħaddieħor qablu.

L-Onor. Fearne semma dak li qal Andrew fl-aħħar tal-quddiesa, li se jkompli dak li għamel il-papà tiegħu. Andrew, fost l-oħrajn - u se nsemmiha għax hija xi ħaġa pożittiva - jgħin lil nies li m’għandhomx x’jieklu. Dan huwa wkoll element ta’ altruwiżmu li m’għandix dubju li ħadu mingħand il-papà tiegħu imma naħseb li anke mingħand il-mamà li għandha dan l-element. Naf kemm il-papà kien insista miegħek biex tkompli għaddej b’din il-missjoni, biex tgħin lil dawk l-eluf li f’Malta moderna m’għandhomx x’jieklu. Allaħares mhawnx dan it-tip ta’ kċejjen li jgħinu lil dawn in-nies jieklu b’xejn.

Marina, naf kemm kont bastun u kemm fil-kwiet u fir-riservatezza tiegħek kont dejjem pilastru importanti għal Robert. Fil-ftit drabi li kellna l-opportunità li nitkellmu ħarġet ċara, kif qal l-Onor. Fearne, l-imħabba kbira u d-dedikazzjoni li dejjem urejt biex il-kawża ta’ Robert, kull kawża li ddeċieda li jieħu f’ħajtu – inkluż il-football u l-politika - inti għamiltha l-kawża tiegħek u ssapportjajtu.

Sur President, se naqralkom dak li kitibli Robert fl-20 ta’ Settembru 2022, fil-ġurnata li dfinna lill-papà tiegħi. Naf li kien determinat li jiġi għall-funeral imma l-vera kelma kienet li ma ħallewhx it-tobba u kien iddispjaċieh għal dan imma kitibli hekk, u se naqra eżattament il-messaġġ mill-mobile tiegħi:

“When you lose a father, a reference point, you become a real adult. I lost mine 30 years ago.”

Illum dan il-messaġġ jgħodd għalikom ukoll, Andrew u Alan. Kunu intom ir-referenza tal-ħidma tiegħu, tal-memorja tiegħu u komplu aħdmu biex tkomplu tagħmlu unur lilu li kien dejjem tant kburi bikom.

Fil-laqgħa li kellna fl-uffiċċju tiegħi ftit ġranet qabel ħalliena, Robert kien għadu determinat li jaħdem, però kien għadu determinat ukoll li jkompli jiġġieled il-marda kiefra li ħakmitu. Kien ukoll determinat li jkompli jaħdem anke fis-settur li hu tant ħabb, is-settur turistiku. Niftakar li meta sirt Kap kien għad hemm il-COVID-19 u d-diskursati tagħna dak iż-żmien ħafna drabi kienu jkunu dwar il-COVID-19. Kienu jkunu diskursati mhux biss fuq l-istampa ġenerali tal-pajjiż, fuq x’nistgħu ngħidu u x’nistgħu nagħmlu, imma wkoll għax kien preokkupat dwar il-ħaddiema tiegħu u dwar ix-xogħol li dak iż-żmien kien qed jiġi affettwat ukoll. Hemmhekk tara lil Robert li kien mhux biss missier il-familja Arrigo imma wkoll missier il-ħaddiema li hu tant kien moħħu dejjem fihom.

Nibqgħu kburin li Robert kien wieħed minna kif intom ukoll tibqgħu kburin li kien ir-raġel, il-missier u anke n-nannu tagħkom u tal-familjari tagħkom.

Ħa nagħlaq b’sentenza li fil-fatt kien kiteb hu stess u qal hu stess fl-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament. Nitlob u nittama li din is-sentenza tillumina lilna u tillumina wkoll lill-mexxejja futuri ta’ dan il-pajjiż għax fl-aħħar mill-aħħar, dak kollu li nagħmlu, dak kollu li nonqsu li nagħmlu u dak kollu li nagħmlu ħażin jaffettwa lil ħaddieħor. Robert kien qal hekk:

“Deċiżjonijiet tajba jittrasformaw ruħhom f’ġid, impjiegi u xogħol għal kull settur tal-poplu”.

Dak kollu li nagħmlu hawnhekk nagħmluh għall-poplu. Jalla bħala politiċi nibqgħu illuminati minn dan id-diskors ta’ Robert biex fil-ħidma tagħna npoġġu dejjem l-ewwel u qabel kollox il-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad ma’ dak kollu li ntqal fil-konfront ta’ Robert. Jien mhux se nżid aktar milli diġà għedt ftit tal-ġranet ilu. Dakinhar forsi kont ftit emozzjonat imma dak li għedt ridt infissru fit-totalità tiegħu.

Fuq il-karattru ta’ Robert nista’ nżid biċċa oħra. Kull meta kien jidħol hawnhekk kien jersaq lejja hawnhekk u konna ngħidu żewġ kelmiet. Darba minnhom, tliet snin ilu, f’Ottubru tal-2019, wara li kont tajt ruling li kien talabni, li kien ruling dettaljat li fih tajtu raġun, kien resaq lejja biex jgħidli grazzi. Ir-ruling mitlub kien biex, wara li kien iddikjara li kellu interess tiegħu meta kienet qed issir diskussjoni dwar mozzjoni, b’korrettezza - u hawn qiegħed il-kobor ta’ dan il-bniedem – xorta talab ruling dwar jekk ikunx korrett li jipparteċipa fil-mozzjoni u jivvota. Meta rringrazzjani, għedtlu: “Grazzi ta’ xiex? Dak dritt tiegħek, anzi se ngħidlek xi ħaġa li m’għedthiex fir-ruling: lanqas kellek għalfejn titolbu.” Qalli: Jien irrid li min qed jismagħni hemm barra u min qed jara x’qed nagħmel fil-Parlament ikun jaf li qed inkun korrett il-ħin kollu. Dak huwa Robert Arrigo u minn hawnhekk nirringrazzjah ta’ dan l-eżempju li ta fil-Parlament meta talab ruling li ftit kien hawn, jekk kien hawn, min talab bħalu f’dawn il-100 sena ta’ demokrazija parlamentari. Hawnhekk joħroġ il-valur tiegħu.

Nirringrazzja lil Robert tal-kontribut li ta fil-Parlament. Jiena niftakru dieħel fil-Kamra wara l-elezzjoni tal-2003 u niftakar li kien iċċajta miegħi; dak iż-żmien kien hemm ukoll ir-referendum. Naf li konna ċċajtajna. Kien żmien differenti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma x’qal f’diskors minn tiegħu. Qal aktar minn hekk. Waħda mill-aħjar sentenzi li qal - u se nikkwotaha - kienet din:
“M’għandniex nibżgħu nidħlu għal sfidi ġodda u għandna nieħdu kull opportunità li tgħaddi għall-ġid ta’ Malta biex ħadd ma jibqa’ lura”.

Nieqaf hawnhekk. Nirringrazzja lilkom u ningħaqad mas-sentimenti kollha li ntwerew hawnhekk. Insellem lilek, Sinjura Marina, u lit-tfal. Ammirajtek ħafna, Andrew, għall-kuraġġ u l-ispirtu li tkellimt bih wara l-quddiesa. Robert kien isemmikom ħafna għax kien raġel tal-familja ħafna u l-ħin kollu konna nitkellmu fuq il-familja.

Nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex jgħaddilkom it-traskrizzjoni tad-diskors kollu li ntqal f’din il-parti tas-seduta. Tajjeb ngħidu li din hija l-ewwel darba li ftehemna li meta jkollna okkażjoni bħal din ikollna l-membri tal-press li jistgħu jidħlu u jieħdu filmati. Niringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, hear)

 

Electoral History

Tenth Legislature (2003 - 2008)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 12.04.2003
Oath of Allegiance: 24.05.2003
Dissolution of Parliament: 04.02.2008

Electoral Districts

Eleventh Legislature (2008 - 2013)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 12.03.2008
Oath of Allegiance: 10.05.2008
Dissolution of Parliament: 07.01.2013
Positions
Parliamentary Assistant to the Minister of Finance, Economy and Investment - 10.03.2010
Dissolution of Parliament: 07.01.2013

Electoral Districts

Twelfth Legislature (2013 - 2017)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 11.03.2013
Oath of Allegiance: 06.04.2013
Dissolution of Parliament: 01.05.2017

Electoral Districts

Thirteenth Legislature (2017 - 2022)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 06.06.2017
Oath of Allegiance: 24.06.2017
Dissolution of Parliament: 20.02.2022

Electoral Districts

Fourteenth Legislature (2022 - )
Link to Member's page in legislature
Elected on: 26.03.2022
- 18.10.2022

Electoral Districts