Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Francis Bezzina Wettinger

Back to List

Commemoration Booklet

TIFKIRA TA’ FRANCIS BEZZINA WETTINGER FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

25 TA’ SETTEMBRU 1926 – 5 TA’ LULJU 2014

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn it-12 ta’ Jannar 1953 u t-18 ta’ Diċembru 1954

Francis Bezzina Wettinger

 

Ġurament ta' Lealtà

 

L-EWWEL DISKORS TA’ FRANCIS BEZZINA WETTINGER FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 70 TAT-22 TA’ JANNAR 1953 IT-TIELET LEĠIŻLATURA


ONOR. FRANCIS. BEZZINA WETTINGER: Bil-permess tal-Kamra nieħu din l-opportunità li nagħmel il-maiden speech tiegħi.

Qabel nidħol fid-dettalji dwar xi osservazzjonijiet li saru mill-Membri tal-Kamra nixtieq infisser x’sejjer ikun l-atteġġjament tiegħi sakemm indum Membru ta’ din l-Assemblea. Naturalment bħala Membru li nirrappreżenta lill-Malta Workers’ Party u ġaladarba l-Partit tiegħi ħa parti mir-responsabbiltà tal-Gvern, jiena nagħtih is-support tiegħi sakemm ma jkunx hawn Partit ieħor li jmexxi l-pajjiż aħjar floku, però sakemm nibqa’ fid-dubju li jkun hawn Partit ieħor li jmexxi aħjar, jiena lill-Gvern nibqa’ nagħtih is-support tiegħi.

Issemmew xi osservazzjonijiet, fosthom waħda mill-Kap tal-Oppożizzjoni, dwar kif tista’ titjieb l-ekonomija tal-pajjiż billi l-Gvern japprowċja l-Kumpanija tar-Rediffusion u qal li jiddispjaċih li l-Gvern ma għamilx dak l-approach. Jekk niftakar sewwa, dak l-approach kien sar minn Nerik Mizzi u kien għal xejn, u jkun aktar għal xejn jekk jipprova jagħmlu l-Prim Ministru llum.

Meta wieħed jikkonsidra sew il-Kumpanija tar-Rediffusion hawn Malta, għandu jsib li l-Gvern għandu share fiha. Il-Gvern għandu share fil-Kumpanija tar-Rediffusion kif għandu share fil-barrieri u fil-kumpaniji tal-petrol. Jiena ngħid li lanqas kieku kien possibbli li l-Gvern jagħmel money investment fil-Kumpanija tar-Rediffusion ma kien jaqbillu għaliex illum għandna l-income tax li għamel Dr Boffa u din il-Kumpanija nista’ nagħti idea li qiegħda tħallas 5s/- in the pound (£) income tax. Issa mhux prattikabbli li kieku l-Gvern kellu jixtri nofs ix-shares għaliex dawk huma nofs is-somma tal-income tax. Jiġifieri jekk illum qegħdin nieħdu £26,000, kieku l-Gvern kellu capital investment, konna nieħdu £13,000.

Issa, kieku l-Gvern kellu jieħu f’idejh din il-Kumpanija dawn jitolbu mhux capital li l-Gvern jifdih f’ħames snin imma li jifdih immedjatament u allura jitlef 4% tal-Capital Investment li jkun iddepożita.

Issemma wkoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni li deher xi short financial statement fit-Times ta’ Londra. Dak li jidher f’gazzetti, mhux responsabbli għalih il-Gvern għalkemm ix-short statement li sar ġie kkupjat mill-istatement li sar mill-Ministru tal-Finanzi, però l-ħsieb tal-Gvern ma kienx li jqarraq bil-pubbliku imma wera lill-pubbliku kif inhi eżattament il-pożizzjoni llum wara dak iż-żmien li forsi ma tantx hija sodisfaċenti l-għajnuna li tatna l-Ingilterra.

Issemma mill-Prof. Galea li wera nuqqas ta’ fiduċja fil-Gvern għaliex il-Gvern ma ħax passi li jibgħat is-sitt rappreżentanti fl-Università. Fuq dan għandi ngħid li l-Università llum hija miexja b’aktar progress minn qabel meta kienet taħt l-amministrazzjoni tal-Prof. Galea għaliex jiena naf ċert li huwa lanqas ma kien jaf x’qiegħed isir. Mhux biss ma kienx jaf x’kien qiegħed isir imma ma kien hemm l-ebda sens ta’ dixxiplina għaliex il-Prof. Forgarty kien jidħol fl-aħħar kwarta u joqgħod jitkellem fuq l-isports u fuq il-Maltese mentality. Għalhekk, Mr. Chairman, in-nuqqas ta’ fiduċja li wera l-Prof. Galea ma kenitx fil-Gvern imma fl-amministrazzjoni tal-Università u fir-Rettur u Professuri li qegħdin illum jitħabtu u l-lejl kollu jippreparaw il-lectures. (Daħk). Aħna bħala rappreżentanti tal-Malta Workers’ Party per prinċipju nirrappreżentaw aktar l-interessi tal-ħaddiema minn dawk tal-klassi privileġġjata u għalhekk irridu qabel kollox skejjel u djar u dawk l-affarijiet l-oħra kollha illi għandhom x’jaqsmu mal-bżonnijiet tal-maġġoranza.

U hawn nasal biex nagħti l-konklużjoni tiegħi, jiġifieri, illi jiena mhux biss ma naqbilx mal-emenda tal-Onor. Leader tal-Oppożizzjoni, anzi naħsibha jekk flok iċ-ċifra ta’ £1,500, illi l-Kap tal-Oppożizzjoni ried jirriduċi għal £1,000, għandix, għaliex hekk konxjenzjożament inħoss in vista li l-Prim Ministru dis-sena li għaddiet laħaq il-climax u kellu tant xogħol, nagħmel emenda oħra biex inżidlu dak li għandu. (Cheers).

Condolences (25 Sep 1926 - 5 Jul 2014)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 177 tat-Tnax-il Parlament tat-Tlieta l-15 ta' Lulju 2014

KONDOLJANZI

MR SPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Illum il-Kamra se tfakkar il-mewt tal-ex Membru Parlamentari Francis Bezzina Wettinger li ġrat is-Sibt, 5 ta’ Lulju 2014. Nistieden lill-Onor. Carmelo Abela biex jagħmel kelmtejn ta’ tifkira f’isem il-Gvern.

ONOR. CARMELO ABELA: Sur President, illum il-Kamra qiegħda tfakkar lis-Sur Francis Bezzina Wettinger li twieled fil-25 ta’ Settembru tal-1926 u miet fil-5 ta’ Lulju, 2014 fl-għomor ta’ 87 sena. Hija ħaġa tajba li din il-Kamra tikkommemora lil dawk il-persuni li jkunu għażlu li jagħtu kontribut billi jkunu rappreżentanti tal-poplu f’din il-Kamra wara li l-poplu jkun eleġġiehom.

Is-Sur Bezzina Wettinger kien membru tal-Kamra tad-Deputati ta’ Malta bejn it-12 ta’ Jannar, 1953 u t-18 ta’ Diċembru, 1954. Huwa kien ikkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-1951 f’isem il-Malta Workers Party u kien ħa s-siġġu f’elezzjoni każwali fuq is-Seba’ Distrett Elettorali fit-12 ta’ Jannar 1953 wara li kien irriżenja Dr Anthony Schembri Adami. Is-Sur Bezzina Wettinger fl-elezzjoni ġenerali ta’ Diċembru tal-1953 kien reġa’ kkontesta f’isem il-Malta Workers Party u kien ġie elett mis-Seba’ Distrett Elettorali sakemm xolja l-Parlament f’Diċembru, 1954. Ikkontesta wkoll l-elezzjoni li saret fl-1955 mal-Partit Nazzjonalista u l-elezzjoni li saret fl-1962 mal-Partit Demokratiku Nisrani iżda din id-darba fuq l-Ewwel Distrett Elettorali u fuq is-Sitt Distrett Elettorali u d-darbtejn ma telax.

Kif wieħed jista’ jinnota, iż-żmien li serva f’dan il-Parlament is-Sur Francis Bezzina Wettinger mhux biss huwa wieħed imbiegħed għax qed nitkellmu fuq il-bidu tas-snin ħamsin u żgur li l-maġġoranza tal-membri attwali ma konniex għadna twelidna imma wkoll kien żmien differenti ħafna minn tal-lum. Kien żmien fejn kellna numru ta’ partiti politiċi li kienu rappreżentati fil-Parlament u fejn pajjiżna kien għadu jitħabat biex isir pajjiż sovran, pajjiż ħieles u pajjiż indipendenti. Kien ukoll żmien fejn tfaċċaw żewġ mexxejja politiċi li ħallew marka fuq l-istorja ta’ pajjiżna; qed nirreferi għall-Perit Dom Mintoff u għan-Nutar George Borg Olivier.

Is-Sedja ġustament qiegħda tippubblika u tqassam ktejjeb lill-Membri ta’ din il-Kamra u lill-familjari tal-Membru li jkun ġie nieqes bl-ewwel ġurament u bl-ewwel diskors tal-istess Onor. Membru. Għaldaqstant quddiemi għandi l-maiden speech tas-Sur Bezzina Wettinger u nista’ ngħid li jidher li kien bniedem ta’ prinċipju u tal-punt ukoll għaliex minkejja li l-maiden speech suppost ikun diskors li ma tantx ikun fih kontroversji, fil-bidu tal-maiden speech tiegħu – li kien għamlu meta l-Kamra kienet qed tikkonsidra l-Estimi Ġenerali għas-sena 1952-1953 u l-Perit Mintoff bħala Kap tal-Oppożizzjoni kien qam u ressaq emenda għall-ewwel item biex jitnaqqas is-salarju tal-Prim Ministru George Borg Olivier b’sinjal ta’ sfiduċja fil-Gvern kollu – is-Sur Bezzina Wettinger kien wissa lill-Gvern li l-partit tiegħu, li kien jifforma parti minnu bħala koalizzjoni, kellu joqgħod attent biex jiggwadanja l-vot u s-sapport tiegħu. Għall-inqas dik hi l-interpretazzjoni tiegħi għax fit-tieni paragrafu nsibu hekk:

“Bħala membru li nirrappreżenta lill-Malta Workers Party, ġaladarba l-partit tiegħi ħa parti mir-responsabilità tal-Gvern jiena nagħtih is-sapport tiegħi sakemm ma jkunx hawn partit ieħor li jmexxi l-pajjiż aħjar floku, però sakemm nibqa’ fid-dubju li jkun hawn partit ieħor li jmexxi aħjar, jiena lill-Gvern nibqa’ nagħtih is-sapport tiegħi.”

Naturalment il-fatt li fil-maiden speech tiegħu għamel dik id-dikjarazzjoni marbuta mas-sapport tiegħu lejn il-Gvern ta’ koalizzjoni ta’ dak iż-żmien juri wkoll il-karattru tiegħu.

Dan id-diskors juri wkoll li s-Sur Bezzina Wettinger kien jinteressah mill-ekonomija u mill-qasam tal-finanzi għaliex hemm parti kbira fuq dawn l-oqsma. Fl-aħħar tal-intervent tiegħu, ġustament, bħala membru fi ħdan il-Malta Workers Party tkellem favur l-interessi tal-ħaddiema biex dawn ikollhom skejjel, djar u affarijiet bażiċi. Finalment ikkonkluda billi qal li huwa ma kienx qed jaqbel li jitnaqqas is-salarju tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, anzi, huwa kien qed jikkonsidra li jagħmel emenda biex dan jiżdied minħabba l-ħidma li kien iwettaq il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien in-Nutar George Borg Olivier.

Naturalment din hija tifħira doveruża min-naħa tagħna però huma doverużi wkoll il-kondoljanzi lill-membri tal-familja tas-Sur Francis Bezzina Wettinger. Għalhekk, f’isem in-naħa tal-Gvern, jien nagħti l-kondoljanzi lill-familjari tas-Sur Bezzina Wettinger, b’mod partikolari lil uliedu Martin u Dr Stephanie Bezzina Wettinger li jinsabu magħna għal din il-kommemorazzjoni u li t-tnejn għandhom ħajja interessanti fl-oqsma tagħhom. Jien qatt ma ltqajt miegħu però ċertament ta edukazzjoni kif jixraq lil uliedu. Allura huwa doveruż li bħala Parlament nagħtu l-kondoljanzi tagħna kif ukoll nagħtu ħajr u rikonoxximent lis-Sur Francis Bezzina Wettinger li serva f’dan il-Parlament. Nirringrazzjak.

MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Mario de Marco.

ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, nixtieq ningħaqad mal-kollega u ħabib tiegħi l-Onor. Carmelo Abela f’din il-kommemorazzjoni tas-Sur Francis Bezzina Wettinger u nagħti l-kondoljanzi u l-għomor lill-familjari tiegħu. Nistqarr li s-Sur Bezzina Wettinger ma kontx nafu personalment però naf lill-familjari tiegħu sew.

Is-Sur Bezzina Wettinger għadda minn żmenijiet li aħna kważi kważi ma nistgħux nimmaġinaw. Kienu żmenijiet fejn pajjiżna politikament kien matur ħafna. Kienu żmenijiet fejn kellna varji partiti politiċi li kienu jipparteċipaw fil-ħajja politika tagħna ta’ kuljum. Pereżempju fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1951 u tal-1953 kienu kkontestaw il-Malta Labour Party, il-Partit Nazzjonalista, il-Malta Workers Party li kien jifforma parti minnu s-Sur Bezzina Wettinger, il-Constitutional Party, il-Jones Party, l-Independents u numru ta’ partiti oħrajn. In-nies kienu jħossuhom komdi jaqbdu ma’ aktar minn żewġ partiti għalkemm il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista forsi kienu l-aktar popolari, però xorta waħda kellek ċerta popolarità ta’ partiti oħrajn.

Kienu wkoll żmenijiet fejn kien jeżisti l-konċett interessanti ta’ koalizzjoni, konċett li f’dan il-Parlament ilna ma ngħixuh. Fl-elezzjonijiet tal-1951 u tal-1953 il-Gvern kien ifformat mill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Dr George Borg Olivier u mill-Malta Workers Party li tiegħu kien jifforma parti u sussegwentement ġie elett is-Sur Francis Bezzina Wettinger. Il-Malta Workers Party kien aktar qed jiskjera ruħu mal-Partit Nazzjonalista f’dak li kien jixtieq għal pajjiżna.

Huwa interessanti wkoll il-voter turnout ta’ dawk iż-żmenijiet. Dan l-aħħar ’il fuq minn 90% tan-nies kienu qed joħorġu jivvotaw però l-voter turnout fl-elezzjoni ġenerali tal-1951 kien ta’ 74% u fl-elezzjoni ġenerali tal-1953 kien ta’ 80%. Tajjeb ngħid li fl-1953 in-NATO kienet iddeċidiet li tagħmel il-kwartieri ġenerali tagħha ġewwa Malta u sa dak iż-żmien konna għadna m’aħniex indipendenti.

Il-Malta Workers Party kien partit relattivament ġdid għaliex kien ġie stabbilit minn Sir Paul Boffa fl-1949. Dan ifisser li s-Sur Bezzina Wettinger kien ikkontesta f’waħda mill-ewwel elezzjonijiet ta’ dan il-partit, dik tal-1951, u ġie elett fl-1953 f’elezzjoni każwali. Dan ifisser ukoll li s-Sur Bezzina Wettinger kien deċiż fl-orjentazzjoni politika tiegħu. Huwa ma mexiex mat-trend ta’ dak iż-żmien u ma marx fejn kienet il-maġġoranza, jiġifieri mal-Partit Laburista jew mal-Partit Nazzjonalista, iżda għaraf jidħol fil-partit li kien stabbilixxa Sir Paul Boffa għal rasu separatament mill-Malta Labour Party li tiegħu preċedentement kien Kap.

Sur President, dawn il-maiden speeches li qed jiġu ppubblikati huma interessanti għaliex juru x’kienu l-ewwel prinċipji tal-persuna, il-karattru tagħha u x’riedet tagħmel mill-ħajja politika tagħha. L-ewwel diskors li għamel is-Sur Bezzina Wettinger fil-Parlament, li dak iż-żmien kien jiltaqa’ fil-Kamra tal-Arazzi, kien relattivament qasir però joħorġ erba’ temi prinċipali. L-ewwel nett huwa qal hekk dwar il-Gvern ta’ dak iż-żmien:

“Jien nagħtih is-sapport tiegħi sakemm ma jkunx hawn partit ieħor li jmexxi l-pajjiż aħjar floku.”.

Mela l-ewwel prijorità tas-Sur Bezzina Wettinger kienet li jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Gvern iżda b’mod kondizzjonat u fl-aħjar interess tal-pajjiż. Huwa kien lest jagħti l-appoġġ tiegħu sakemm il-koalizzjoni tal-Partit Nazzjonalista turi li kienet kapaċi tmexxi l-pajjiż aħjar mill-partiti l-oħrajn.

It-tieni, is-Sur Bezzina Wettinger tkellem dwar kif tista’ titjieb l-ekonomija tal-pajjiż. Hawnhekk kien diġà beda juri li għalih pajjiż javvanza jekk tavvanza l-ekonomija tiegħu għaliex meta l-ekonomija ta’ pajjiż tavvanza ’l quddiem, wieħed ikun jista’ jwettaq programmi oħrajn, inkluż programmi soċjali, programmi edukattivi u programmi ta’ saħħa. Ħafna drabi aħna li qegħdin fil-politika nħobbu nitkellmu dwar ħafna prinċipji li jinstemgħu sbieħ bħall-politika soċjali u ngħidu dak li rridu nwettqu fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni li rridu nagħtu lill-istudenti u ż-żgħażagħ tagħna, però fir-realtà dawn il-wegħdiet, li ħafna drabi nżejnuhom qabel l-elezzjoni, ma nistgħux inwettquhom jekk ma jkollniex politika ekonomika b’saħħitha għax biex twettaq irid ikollok pajjiż li ekonomikament ikun b’saħħtu. Mela s-Sur Bezzina Wettinger fl-ewwel diskors tiegħu diġà wera li kien jaf x’hemm bżonn isir biex il-politika soċjali li tant kien jemmen fiha setgħet titwettaq.

It-tielet, is-Sur Bezzina Wettinger tkellem għall-Università u dwar l-Università. Irridu niftakru li fis-snin ħamsin ma kellekx xi popolazzjoni universitarja kbira però s-Sur Bezzina Wettinger kien kapaċi jagħraf li l-edukazzjoni terzjarja kienet bżonjuża għall-avvanz ta’ pajjiżna. Huwa deherlu li kellu wkoll jikkritika professur li kien imur għal-lectures fl-aħħar kwarta u minflok jitkellem dwar is-suġġett tiegħu jew kien jitkellem fuq l-isport jew fuq il-mentalità Maltija. Għas-Sur Bezzina Wettinger kien importanti li wieħed mhux biss jagħti l-lectures iżda jkun dedikat fis-suġġett li jkun irid jagħti lectures dwaru.

Ir-raba’, is-Sur Bezzina Wettinger qal hekk:

“Aħna bħala rappreżentanti tal-Malta Workers Party per prinċipju nirrappreżentaw aktar l-interessi tal-ħaddiema minn dawk tal-klassi privileġġjata u għalhekk irridu, qabel kollox, skejjel u djar u dawk l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-bżonnijiet tal-maġġoranza.”

Naħseb li din is-sentenza tiddeskrivi x’kienu l-valuri u l-prinċipji politiċi importanti għas-Sur Bezzina Wettinger, jiġifieri l-interessi tal-ħaddiem u li qabelxejn ikollna skejjel u djar għan-nies. Fl-aħħar mill-aħħar huma kienu qed jirrappreżentaw il-bżonnijiet tal-maġġoranza; biex nifhmu x’kienet il-qagħda ekonomika u soċjali ta’ pajjiżna fis-snin ħamsin.

Irrid insemmi l-battalja legali li kellu s-Sur Bezzina Wettinger u l-familjari tiegħu minħabba diversi proprjetajiet li kienu ġew esproprjati. Huwa ġġieled biex jingħata l-kumpens li jixirqilhom u kellu saħansitra jmur quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Naħseb li rridu nirrikonoxxu din il-battalja tas-Sur Bezzina Wettinger u l-familjari tiegħu biex jingħataw il-ġustizzja għall-protezzjoni tad-dritt tagħhom għal kumpens xieraq.

Sur President, naħseb li l-Kamra kollha tixtieq tingħaqad biex tagħti l-kondoljanzi tagħha lill-familjari tas-Sur Bezzina Wettinger. Nirringrazzjahom għas-sagrifiċċji li kellhom jagħmlu minħabba l-impenn politiku ta’ missierhom. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja wkoll tingħaqad f’dawn il-ħsebijiet li ġew mgħoddija kemm mill-Onor. Carmelo Abela kif ukoll mill-Onor. Mario de Marco. Is-Sur Francis Bezzina Wettinger jien kont nafu personalment, kemm-il darba ltqajt miegħu u nista’ ngħid li kien ħabib tiegħi. Kif qal tajjeb l-Onor. de Marco, wara l-qasma tal-Partit Laburista kien hemm il-Malta Workers Party u fl-1953 hu kien elett fil-Parlament meta kien hemm il-koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista.

Is-Sur Bezzina Wettinger kien persuna ta’ prinċipju u kien baqa’ leali lejn il-Malta Workers Party immexxi minn Sir Paul Boffa mingħajr ebda riżerva. Il-valuri tiegħu jixhdu wkoll il-mod kif għex. Kien jirsisti ħafna għall-familja u kien iħobb ħafna l-edukazzjoni u dan nistgħu narawh anke mill-mod kif rabba’ lill-familja tiegħu. Minn hawnhekk irrid insellem lil ibnu Martin u lit-tifla tiegħu Stephanie.

Għadna kemm semmejna l-kawża tal-esproprjazzjoni li kienet kawża li damet is-snin u tajjeb ngħid li s-Sur Bezzina Wettinger kien jirriċerka ħafna. Fil-fatt kien anke jara ċerti sentenzi u jidħol fihom b’mod profond, anke sentenzi li jkunu ġew deċiżi barra minn Malta. Dan juri biċ-ċar kemm kien persuna ta’ prinċipju. Qatt ma qata’ qalbu u dejjem iġġieled għall-ġustizzja. Kien persuna li tibqa’ tinsisti fuq dak li temmen fih u l-valuri li kien iħaddan kien jemmen fihom b’ċerta lealtà. Is-Sur Bezzina Wettinger huwa xempju ta’ persuna serja li rrappreżentat lill-poplu Malti f’dan il-Parlament b’dinjità.

Għalhekk is-Sedja tingħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra fis-sentimenti espressi u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex, jekk jogħġbu, iwassal ukoll il-kondoljanzi lill-familja tas-Sur Francis Bezzina Wettinger.