Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Emmanuel Bonnici

Back to List

Condolences (17 May 1929 - 12 Sep 2006)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 429 tal-Għaxar Parlament tal-25 ta' Settembru 2006

KONDOLJANZI

ONOR. TONIO BORG: Matul ix-xhur tas-sajf tħabbret il-mewt ta’ l-ex-ministru Emanuel Bonnici kif ukoll ta’ l-ex-deputat parlamentari Pawlu Carachi. Fil-fatt l-ewwel se nagħmel il-kommemorazzjoni ta’ l-ex-ministru Emanuel Bonnici. Jien u ħafna membri minn din in-naħa tal-Kamra li ilna fil-partit niftakruh sew lil Emanuel Bonnici. Peress li jien tifel mill-Belt u sakemm kelli 16-il sena kont noqgħod hawnhekk, l-ewwel darba li ltqajt ma’ deputat personalment kien proprju Emanuel Bonnici. Dak iż-żmien kelli 14-il sena u meta introduċewni miegħu, l-ewwel ħaġa li laqtitni fih kienet kemm kien bniedem pulit. Issa meta ngħid pulit mhux fis-sens ta’ snobbiżmu imma pulit fis-sens ta’ bniedem li jħobb jisma’ lil kulħadd, b’manjieri ħelwin ma’ kulħadd, dejjem liebes b’mod impekkabbli u li kien jitħallat ma’ kulħadd. Fil-fatt dan kien president tista’ tgħid ta’ l-assoċjazzjonijiet kollha tal-Belt inkluż il-klabb tar-regatta, il-klabb tal-waterpolo - kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin - kif ukoll il-klabb tal-basketball. Kien tifel mill-Belt, trabba l-Belt, miet il-Belt u ħadem ħafna għall-Belt. Fil-fatt dam jirrappreżenta d-distrett tal-Belt għal 26 sena sħaħ.

Tant hu hekk li Emanuel Bonnici kien ħareġ għall-elezzjoni l-ewwel darba fl-1962 pero` dakinhar ma kienx tela’. Iżda mbagħad wara l-elezzjoni ta’ l-1966, għal ħames leġislazzjonijiet konsekuttivi, dejjem ġie elett deputat. Fil-fatt kien daħal mal-grupp ta’ l-1966 – dan kien grupp interessanti – li fih kien hemm Dr Guido de Marco, is-Sinjorija Tiegħek, Mr Speaker, Dr Ugo Mifsud Bonnici, ftit snin wara Dr Eddie Fenech Adami u ovvjament Emanuel Bonnici. Dawn kienu qishom il-young Turks fil-partit Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien. Dawn huma persuni li avvanzaw fil-karriera tagħhom, kollha fit-tmexxija tal-partit u anke aktar tard fit-tmexxija tal-gvern. Matul l-ewwel snin kien backbencher, imbagħad meta l-partit mar fl-oppożizzjoni fl-1971 kien shadow minister, l-ewwel tal-housing – bejn l-1974 u l-1976 dan kien qasam importanti - u mbagħad għal 11-il sena sħaħ kien shadow minister tal-kummerċ. Niftakar – dak iż-żmien jien ma kontx għadni deputat imma kont insegwi d-dibattiti tal-budget – li meta kien jiddiskuti l-kummerċ kien jgħid dak li għandu jgħid dwar il-qasam tal-kummerċ pero` dan kien jgħidu mingħajr astju, mingħajr malizzja u bis-sens. B’dan il-mod il-messaġġ kien jasal bl-aktar mod ċar.

Meta l-partit Nazzjonalista tela’ fil-gvern fl-1987 Emanuel Bonnici kien ministru tal-kummerċ għal ħames snin. Forsi wieħed jinsa dak li rnexxielu jagħmel Emanuel Bonnici, flimkien ma’ oħrajn, dak iż-żmien. Fil-fatt il-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u t-tneħħija ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u liċenzji ta’ l-importaturi – dan kien meta bdejna nimxu ‘l bogħod mis-sistema ċentralizzata għas-sistema li għandna llum li hija aċċettata minn kulħadd - bdihom proprju Emanuel Bonnici. Ir-riformi li għamel hu tant kienu tajbin li ħadd ma rromblahom lura għax kienu tajbin fihom infushom. Jista’ jkun li dan kien ra x’inhuma s-sinjali taż-żmenijiet ta’ dak iż-żmien mhux biss f’Malta imma fl-Ewropa kollha. Ir-riformi li wettaq hu f’dak li jirrigwarda l-liberalizzjoni tal-kummerċ ħejjew it-triq sabiex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea bl-inqas skossi possibbli. Għalhekk illum qed ingawdu mill-effetti ta’ deċizjonijiet li ħa Emanuel Bonnici dakinhar. Emanuel Bonnici ma kienx miżżewweġ iżda għandu lil ħutu u lil dawn il-qraba tiegħu nibagħatulhom il-kondoljanzi sinċieri tagħna.

MR SPEAKER (ONOR. ANTON TABONE): Grazzi. Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.

ONOR. ALFRED SANT: Sur President, jien ningħaqad ma’ dak li għadu kemm qal il-viċi prim ministru fuq Emanuel Bonnici. Din kienet mewta li tqanqal sogħba fostna lkoll mhux biss għax dan kien wieħed minna imma għax kien bniedem li mill-ftit li nafu jien, matul it-term politiku tiegħu ta xiehda ta’ ġentlomerija fil-mod kif imexxi l-affarijiet, b’ċerta preċiżjoni fil-kondotta politika tiegħu. Mill-istorja politika nafu bħala persuna li kien fit-tradizzjoni ta’ Dr George Borg Olivier. Dan kien jidher mill-mod kif imexxi l-politika u mill-mod kif iġib ruħu mal-kostitwenti tiegħu u fil-partit tiegħu. Niftakru wkoll bħala ministru bejn l-1987 u l-1992 meta jien kont back bencher f’dan il-parlament. Niftakar li bħala ministru kien jimpressjonani għax kien jgħid dak li għandu jgħid, kif qal il-viċi prim ministru, b’mod ċar u preċiż, mingħajr ħafna retorika u mingħajr ħafna prosopopea pero` mbagħad kien iwassal il-messaġġ tiegħu. Jien mhux dejjem qbilt miegħu imma dan kien xi ħadd li kien ikun jaf xi jkun qed jgħid, kien jifhem id-dossiers li kien ikollu quddiemu u kien jippreżenta politika li tkun politika li jemmen fiha, b’kuntrast mal-kumplament ta’ sħabu.

Dan kollu kien jagħmlu b’mod li ma jkunx aħdar jew kiefer. Naħseb li jien apprezzajt dak l-istil. Dan huwa stil li naqas f’dawn iż-żmenijiet, fostna wkoll ħalli nagħmilha ċara, u naħseb li jkun xieraq li lil Emanuel Bonnici nikkommemorawh ukoll bħala persuna li kellu l-kompetenzi tiegħu li ħaddem tajjeb ħafna, kellu t-twemmin tiegħu li baqa’ sod miegħu u kien kapaċi jibqa’ ġentlom f’dak li jagħmel. Jien ningħaqad mal-viċi prim ministru biex f’isem sħabi, f’isem il-partit Laburista u f’isem l-oppożizzjoni Laburista nagħti l-kondoljanzi lill-familjari kollha tiegħu.

Electoral History

Second Legislature (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 31.03.1966
Oath of Allegiance: 25.04.1966
Dissolution of Parliament: 24.04.1971
Third Legislature (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 17.06.1971
Oath of Allegiance: 16.08.1971
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 25.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.12.1981
Oath of Allegiance: 29.03.1983
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Sixth Legislature (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 13.05.1987
Oath of Allegiance: 09.07.1987
Dissolution of Parliament: 20.01.1992