TIFKIRA TA’ GONTRAN BORG FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
14 ta' Mejju 1923 – 9 ta’ Nevembru 2015
Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn it-18 ta’ Diċembru 1981 u t-13 ta' Frar 1987
Gontran Borg
L‑Ewwel Diskors ta’ Gontran Borg fil‑Kamra tad‑Deputati Parlament ta’ Malta
ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 5 TAT‑23 TA’ FRAR 1982 Il‑ĦAMES LEĠIŻLATURA
INDIRIZZ B’RISPOSTA GĦAD‑DISKORS TAL‑AĠENT PRESIDENT (KONTINWAZZJONI)
ONOR. GONTRAN BORG: Mr Speaker, l‑ewwelnett nixtieq nifraħ lill‑Aġent President tar‑Repubblika, it‑Tabib Hyzler, tad‑Diskors sabiħ u illuminanti li għoġbu jagħti lill‑Parlament, li għoġbu jagħti lill‑poplu Malti, perὸ jien nixtieq illi fi ftit kliem ngħid u nagħmel enfasi fuq l‑aħħar paragrafu tiegħu, meta spiċċa bi kliem iebes perὸ ċar u mingħajr tlaqlieq, spiċċa bil‑kliem:
"Ma hemmx post għall‑għażżien għal min mhux leali jew għal min mhux lest jirrispetta l‑Kostituzzjoni Repubblikana u l‑istituzzjonijiet demokratiċi ta’ pajjiżna. Il‑Gvern iżomm iebes ma’ min jipprova jfixkel il‑mixja tal‑pajjiż lejn ġejjieni aħjar. Ma nistgħu qatt inħallu l‑kisbiet ta’ dawn l‑aħħar snin jintilfu minħabba kwistjonijiet u piki li ma jagħmlux ġieħ lil min ikebbishom.
Għall‑Gvern u għall‑poplu Malti kollu, iż‑żmien li ġej ser ikun iż‑żmien li nimxu mit‑tajjeb għall‑aħjar u bil‑fatti nkomplu nuru li tassew għalina Malta tiġi l‑ewwel u qabel kollox.".
Tal‑Partit Nazzjonalista, Mr Speaker, ipprovajnihom ‑ u eżattament dan il‑kliem tal‑Aġent President huwa kliem li huwa ferm adattat għalihom, għaliex fi ftit kliem hemmhekk ħarġilhom il‑karattru tagħhom. Qalilhom li m'hawnx post f'Malta għal min huwa għażżien u għal min mhuwiex leali ... min ma jirrispettax il‑Kostituzzjoni Repubblikana. Dawn in‑nies nafuhom għaliex bniedem minn għemilu tagħrfu ‑ nafu li huma nies għażżenin, dejjem jistudjaw, dejjem jagħmlu r‑rapporti, għaliex dawn għamlu disa’ snin fil‑gvern dejjem studjaw, dejjem għamlu l‑proġetti u raqdu fuq dak il‑proġett u fuq l‑ieħor. Perὸ, fatti xejn u għażż kullimkien. Nafu wkoll mill‑imġiba tagħhom ta’ dawn l‑aħħar ġranet illi huma diżleali, u nafu illi ma jirrispettawx il‑Kostituzzjoni Repubblikana illi huma stess kienu vvotaw favur tagħha fil‑Parlament. Għażżenin għaliex dejjem jistudjaw, dejjem iwiegħdu u ma jwettqux. Dawn mhux bħalna, ma nwegħdux u nwettqu. Meta wieħed jaqra l‑programm elettorali tagħna, qisu qed jaqra rumanz. Ma hemm xejn wegħdiet imma x‑xogħol tagħna xogħol iebes, nidħlu għalih, inwettqu ħafna iktar minn dak li nwiegħdu. Dawn, meta jwiegħdu u ma jwettqux, meta jistudjaw u jorqdu fuq l‑istudju, dawn ikunu qed jagħtu prova kemm huma nies għażżenin. U din il‑prova tawha meta kienu fil‑gvern u anke meta kienu fl‑oppożizzjoni. Il‑għaliex mhux l‑ewwel darba illi kien hemm xena bħalma hi llum fejn l‑ebda wieħed mill‑Oppożizzjoni, allavoloja ma kienx hemm boycott, ma jidhrux fil‑Parlament.
Dawn wiegħdu ħafna affarijiet sbieħ fil‑programm elettorali tagħhom. Dan se noħorġu biex nuri kemm huma nies għażżenin. L‑iktar waħda li huma dejjem wegħdu kienet appuntu n‑National Health Service. Huma stess bil‑wiċċ tost kienu wegħduha f'diversi programmi elettorali tagħhom. Naqra x'kienu wiegħdu:
"Sptarijiet tal‑Gvern b'xejn għal kulħadd, servizzi tat‑tobba b'xejn fid‑djar, konsulti tat‑tobba speċjalisti fid‑distretti kollha.".
Din fi ftit kliem hija n‑National Health Service. Din wegħduha kemm‑il darba imma mhux talli ma għamluhiex imma talli raw kif għamlu biex it‑tobba Maltin jeżiljawhom barra minn Malta imbasta tgħaddi tagħhom, għaliex huma nies għażżenin, nies illi jekk hemm aġġettiv li jixirqilhom ... Dawn mhux nies għażżenin biss, imma anke nies imprudenti, nies kattivi u kif għidt diġà, diżleali lejn in‑nazzjon u lejn il‑Kostituzzjoni.
Wiegħdu wkoll dar diċenti għal kulħadd, għal kull familja għaliex qalu li dak huwa l‑ideal tal‑Partit Nazzjonalista u r‑riżultat kien li dawn għamlu disa’ snin fil‑gvern u kien appuntu xi ftit qabel l‑elezzjoni tal‑1971 li wara mbuttar minn ċerti istituzzjonijiet dawn bdew biex jibnu d‑djar. Dan gvern għażżien u appuntu d‑Diskors tal‑President kien qiegħed jingħad għalihom.
Wiegħdu ħafna affarijiet oħrajn: Port Ħieles, l‑iżvilupp ta’, Manoel Island, sptar ta’ Għawdex ... Niftakru wkoll l‑isptar ta’ Għawdex x'kienu għamlu dawn. Kienu poġġew ġebla waħda, taw kazzola lir‑Reġina u kollox waqaf hemmhekk. Mela dawn huma nies għażżenin illi l‑Aġent President sewwa qal li m'hawnx post għalihom f’Malta u wisq inqas fil‑Parlament, l‑aqwa istituzzjoni demokratika li għandna f'pajjiżna. Min wiegħed u ma jwettaqx, min jibda proġett u ma jkomplihx, min jiskarta x‑xogħol, anke min jixxala ‑ il‑għaliex aktarx issib li l‑għażżien huwa xalatur, anzi x‑xalatur ikun għażżien ... U jien, Mr Speaker ‑ biex tkun irrekordjata ‑ ngħidlek li ftit qabel l‑elezzjoni tal‑1971 kont inkarigajt tliet studenti universitarji li t‑tlieta, b'kumbinazzjoni, ħarġu kandidati mal‑partit tagħna, l‑Onor. Piju Busuttil, l‑Avukat Joseph Mifsud u l‑Avukat Thomas Abela, illi dawn kienu ppreparawli rapport biex jgħiduli kemm kienu siefru l‑Ministri Nazzjonalisti matul it‑tmien snin li kienu ilhom fil‑gvern. Dan suppost fuq xogħol statali, imma min huwa xalatur japprofitta ruħu mix‑xogħol statali u dan, naturalment, jieħu l‑okkażjoni biex jiddeverti kemm jista’ f'dik il‑viżita li jkun għamel fuq xogħol uffiċjali. Insibu li mir‑rapport, il‑Prim Ministru Giorgio Borg Olivier kien għamel, fi żmien tmien snin, 42 vjaġġ barra minn Malta; Giovanni Felice 23 vjaġġ, Paolo Borg Olivier 19‑il vjaġġ; in‑Nutar Spiteri 16‑il vjaġġ, Ċensu Tabone 13‑il vjaġġ; Cachia Zammit 12‑il vjaġġ; Carmelo Caruana, tal‑Qronfla, 11‑il vjaġġ; Caruana Demajo 6 vjaġġ ‑ li ftit wara kien miet; Antonio Paris, li kien miet ukoll, 4 vjaġġi. Imma l‑kbira u s‑sabiħa hi li George Borg Olivier kien għamel 638 ġurnata barra minn Malta fi żmien tmien snin ‑ sena, disa’ xhur u terz ta’ xahar. U fir‑rimarki li għamluli dawn it‑tliet studenti kien hemm dawn il‑kliem:
"After a conservative calculation it is estimated that the Prime Minister Dr G. Borg Olivier spent some 285 days (almost a year) in London and the total of 638 days away from Malta. (285 days equal 9.5 months, 638 days equal 21.3 months) Places visited in Italy include Milan, Rome, Pavia, Taormina, Trieste, Bari, Naples, Palermo, Catania, Messina.".
Anke Taormina, Mr Speaker.
ONOR. MEMBRU: Holiday.
ONOR. GONTRAN BORG: Issa l‑ħelwa hi illi dawn il‑vjaġġi ma jinkludux vjaġġi personali li ma kenux fuq xogħol tal‑Gvern. Jiġifieri mbagħad minbarra dawn ... Ara kemm kienu assenti, iktar barra dawn milli Malta. Perὸ, sewwa jgħidu li the people get the government they deserve. U din id‑darba, il‑għaliex issa mmaturajna, bis‑sewwa għax jixirqilna, issa għandna Gvern Laburista li ġie elett demokratikament b'maġġoranza assoluta fil‑Parlament u allura għandna Gvern li mhux għażżien, li mhux diżonest, li mhux diżleali, għandna Gvern li jaf x'inhi l‑ġustizzja soċjali, li dejjem għamel ġustizzja soċjali f'pajjiżna, Gvern li mhux bħalma kien qabel tal‑bażuli Nazzjonalisti. Dak li jixirqilha Malta, Gvern onest bħalma hu l‑Gvern Soċjalista demokratiku Malti.
It‑tieni kategorija li semma l‑Aġent President tar‑Repubblika, Mr Speaker, hija l‑kategorija ta’ dawk li mhumiex leali lejn il‑Kostituzzjoni Repubblikana, dawk li mhumiex leali lejn l‑istituzzjonijiet demokratiċi ta’ pajjiżna. U hawn ukoll il‑Partit Nazzjonalista jiffittja eżattament għall‑kliem tal‑Aġent President, jiffittja sewwa li dawn huma nies li m'hawnx post għalihom. U huma stess intebħu li għalihom m'hawnx post il‑għaliex kif qegħdin taraw, il‑postijiet tagħhom huma battala, huma stess indunaw li mhumiex kapaċi li jaqdu dmirhom fl‑Oppożizzjoni, aħseb u ara kemm huma kapaċi biex jaqdu dmirhom fil‑gvern. Min jipprova jkisser dak li bnejna, min jipprova jimmina l‑Kostituzzjoni, min jiprova jxewwex ... dak huwa diżleali. U l‑kliem tal‑Aġent President jiffittja perfettament għal din il‑kategorija ta’ nies, għal dan il‑korrott Partit Nazzjonalista. Fi ktejjeb maħruġ mill‑Partit Nazzjonalista dan l‑aħħar li jismu "Il‑Bniedem ta’ llum", insibu li Fenech Adami huwa deskritt bħala l‑bniedem tad‑djalogu. U nkiteb hekk fih:
"Minflok il‑firda u l‑mibegħda d‑diskorsi tiegħu jitolbu l‑għaqda u l‑imħabba. X'differenza! U għalhekk il‑ħolqien tad‑djalogu kien ħaġa naturali għalih.".
Mela hawnhekk qalu li huwa bniedem tad‑djalogu, imma issa qabel ma dan mhu qiegħed ixewwex, qabel ma beda l‑boycott kemm tal‑affarijiet li jiġu avżati fuq Xandir Malta u qabel ma bbojkottja l‑Parlament dan, safejn naf jien, ma għamel l‑ebda djalogu; la ma’ industrijalisti Maltin, la man‑negozjanti, la mal‑mara tad‑dar u lanqas mal‑eletturi Nazzjonalisti għaliex żgur dawn ma kenux iħalluh jagħmel dak li għamel. Anzi, political justice, Mr Speaker, dan l‑aħħar, f'The Democrat ta’ nhar is‑Sibt li għadda kien hemm avviż fl‑ewwel faċċata li laqatni. Dan l‑avviż kien jgħid hekk: Notice to our readers. Help those who advertise in our newspapers. Buy the advertised products". U jien ġietni l‑kurżità, Mr Speaker, nara daqsxejn dawn il‑famużi advertised products li kien hemm f'The Democrat tas‑Sibt li għadda x'inhuma. Inqalleb is‑16‑il faċċata ta’ The Democrat u ma nsib l‑ebda reklam ġewwa din il‑gazzetta tal‑Partit moqżież Nazzjonalista. Jiġifieri l‑political justice qiegħda taħdem fuqhom u dawn minflok huma qegħdin ... Il‑boycott, minflok ma qiegħed jaħdem kontra ta’ dawk li huma għedewwa tagħhom, dan il‑boycott qed jaħdem eżattament kontra ħbiebhom, kontra l‑partitarji Nazzjonalisti.
Il‑messaġġ tal‑boycott, il‑għaliex l‑uniku advert li jiena sibt f'dawn is‑16‑il faċċata, kien hemm avviż tal‑boycotted items. U fost il‑boycotted items kien hemm item ta’ ikel, anzi, ikel ta’ dieta, u dan jiena warajh nara messaġġ, messaġġ li qiegħed jagħtih lill‑mara tad‑dar ‑ kif dejjem għamlu tal‑Partit Nazzjonalista meta kienu jgħidu li l‑mara tad‑dar hija tajba biss għall‑kċina ‑ qed jgħidulha biex ma tixtrix xi ħaġa li din suppost tagħmlilha tajjeb għad‑dieta, qishom qed jgħidulha: Inti postok fil‑kċina, mur sajjar, kul, ifoxxna fl‑ikel u ħxien kemm tiflaħ. U dak huwa l‑messaġġ tal‑Partit Nazzjonalista. Fost il‑mediċini kien hemm pillola, dik li tneħħi l‑uġigħ ta’ ras. Din ukoll fiha messaġġ: Tixtruhiex dik il‑pillola ‑ lin‑Nazzjonalisti, naturalment ‑ u l‑uġigħ ta’ ras, bi Gvern Soċjalista Demokratiku Malti fil‑Parlament dan se jdum ħames snin u nofs, u ibqgħu bl‑uġigħ ta’ ras għax m'għandkomx ċans illi tfejquha.
Dawn dejjem ħadu attitudni anarkika, Mr Speaker, attitudni negattiva, attitudni distruttiva. Din id‑darba huma qed jgħidu li l‑proportional representation ħadmet kontra tagħhom. Forsi veru li ħadmet kontra tagħhom, imma dawn insew kemm kienu ilhom fil‑gvern, kienu ilhom hemm disa’ snin, kemm ħadmet favur tagħhom il‑proportional representation u anke kemm ħadmet favur tagħhom il‑proportional representation qabel l‑1933. Imma dawn, Mr Speaker, huma nies illi bil‑passat tagħhom urewna illi dawn huma speċjalisti tal‑gerrymandering il‑għaliex għalija, il‑gerrymandering mhux biss li toqgħod tilgħab bid‑distretti kif jafu jagħmlu huma, imma anke ssib metodi biex tidħol fil‑gvern b'mezzi, biex ngħid hekk, illegali. U dan il‑passat tagħhom huwa mera tal‑preżent u tal‑futur.
Nibda ‑ ħalli npoġġiha on record, Mr Speaker, għax importanti ‑ kemm iħobbu jbagħbsu dawn. Fl‑1932 ... U dawn bagħbsu f'kull elezzjoni meta dawn kellhom il‑poter illi jbagħbsu. Jiġifieri meta kienu fil‑gvern dawn dejjem bagħbsu, u meta ma kenux fil‑gvern u kellhom elezzjonijiet illi kienu mmexxija minn xi partit ieħor, dawn sabu xi mezz biex b'xi mod jew ieħor, jew bil‑kwestjoni politiko‑reliġjuża, jew inkella għax ikunu mixtrija mill‑barrani, dawn jaħtfu l‑gvern b'mezzi illegali. Imma jien, biex inpoġġi on record, nibda mill‑1932. Għandi ktieb ‑ din semmejtha kemm‑il darba fil‑meetings, imma naturalment, il‑meetings kienu f'Birkirkara u f'Santa Venera u nixtieq nerġa’ nsemmiha hawnhekk ‑ li jismu "India and Malta, a parallel from the Constitutional Muddle in Malta" u fil‑faċċata 13 ta’ dan il‑ktieb insibu dan li ġej:
"At the general election of 1931 the pro‑Italians had the support of the Ultra‑Clericals and because of an episcopal pastoral making it a "mortal sin" to vote for the Constitutional or Labour parties, self‑government was suspended. It was re‑established experimentally in 1932 on the advice of a Royal Commission and the pro‑Italians won the election having polled (somehow) 96% of the electorate and in one electoral division more votes than there were electors on the register.".
Mela minn dan jirriżulta illi l‑unika darba li dawn kellhom maġġoranza skaċċanti, meta telgħu fil‑gvern b'maġġoranza kbira ta’ voti u anke ta’ siġġijiet, kisbuha billi bagħbsu anke bil‑kaxxi tal‑voti. Perὸ ma spiċċatx hemmhekk, it‑tbagħbis ma spiċċax hemmhekk, u nkompli iktar 'il quddiem. Fl‑1933, minħabba li kellhom ħafna kwestjonijiet fuq Taljan u Malti, min ried it‑Taljan, min ried il‑Malti, min ried l‑Ingliż, u minħabba wkoll il‑kondotta tagħhom fl‑elezzjonijiet, minħabba dan it‑tbagħbis fil‑voti, il‑Kostituzzjoni ġiet sospiża fl‑1933, sena wara ... u l‑poplu Malti baqa’ mċaħħad minn Gvern responsabbli għal 15‑il sena sħaħ. U kien fl‑1947 meta Malta reġa’ kellha self‑government. Minn dak iż‑żmien 'il hawn, il‑Partit Nazzjonalista kiseb tliet darbiet il‑Gvern. Kien fl‑1950 bi Gvern ta’ minoranza li ġabu 31,438 vot minn total ta’ 106,129 vot, kellhom 29%; fl‑1962 reġgħu kienu fil‑gvern u dawn ġabu 63,262 vot minn total ta’ 150,606 bi 42% tal‑voti li ġew mitfugħa; reġgħu kienu fil‑gvern fl‑1966 meta akkwistaw 68,656 vot minn total ta’ 143,347 b’47% tal‑voti mitfugħa. Jiġifieri fit‑tliet darbiet li kienu fil‑gvern, dawn kienu fil‑minoranza u anke mill‑kwalità ta’ Deputati li tellgħu, dawn tellgħu Deputati minn klassi waħda, mill‑klassi tal‑bażużli u allura jiena nista’ ngħid li dan kien gvern oligarku, government of the few, li ma jirrappreżentax lill‑poplu Malti. Imbagħad insibu li meta dawn akkwistaw il‑gvern f'idejhom fl‑1962, dawn ħaduh billi approfittaw ruħhom mill‑kwestjoni politiko‑reliġjuża. U l‑isbaħ ċertifikat li wieħed jista’ jagħmlilhom, huwa l‑kliem li kien għamel wieħed minn sħabhom, Herbert Ganado. Dan kien kap tal‑Partit Nazzjonalista Demokratiku, kien ukoll President tal‑Azzjoni Kattolika, u fl‑1963, meta bejn Lulju u Awwissu ta’ dik is‑sena kien hemm l‑Independence Conference f'Marlborough House, Herbert Ganado fl‑indirizz tal‑ftuħ, inter alia, kien qal:
"In the last elections ...".
‑ u din qatt ma semmewha huma ‑
"... the main issue was a religious fight not a political fight, and we feel that we are all convinced about it, I am sure, if we are honest enough to admit it, that the last election result was a negative result. The bulk of the Maltese electorate who voted for the Nationalist Party gave a negative vote. They voted Nationalist because they wanted to make sure that Mr Mintoff's party was out.".
Mela dan huwa ċertifikat illi meta fl‑1962 in‑Nazzjonalisti kisbu 42% tal‑voti, dawn ma kenux ġew eletti demokratikament imma bit‑tbagħbis bil‑gerrymandering kif jien nirretjeni illi dan it‑tbagħbis għandu l‑istess natura ta’ gerrymandering.
Perὸ qegħdin jgħidu kontra l‑proportional representation ‑ ma qaluhiex qabel, qatt ma qaluha qabel, anzi, huma dejjem riduha ‑ għax din id‑darba, b'kumbinazzjoni, kif qalu huma, ħadmet kontra tagħhom. Kien Borg Olivier stess li fl‑istess Konferenza tal‑Indipendenza tant għamel enfasi li l‑proportional representation huwa l‑aħjar sistema elettorali ‑ u għamel enfasi bi kliem iebes ‑ fid‑diskors tiegħu, eżattament wara d‑diskors ta’ Duncan Sandys fil‑ftuh tal‑konferenza. U hawnhekk Borg Oliveri, inter alia qal hekk:
"Indeed, we propose to retain ..." qal "indeed" jiġifieri kien jaf x’qed igħid – “….the traditional voting system of Malta, that is, proportional representation by the single transferable vote. A tested system ….”
qal Borg Olivier –
“ ….. which has among its recognised merits the great one of favouring rather than obliterating the minority parties existing at any given time. On the occasion of the grant of internal self‑government to Malta as far back as 1921, this system was described by one of your predecessors in office as that which gives the most accurate representation of the true wishes of the electorate and is best calculated to secure the return of representatives who individually enjoy the confidence of their fellow citizens.”.
Din tinstab f’faċċata 8 tar‑rapport.
Jiġifieri skont Borg Olivier stess, il‑proportional representation “gives the most accurate representation of the true wishes of the electorate". Dan huwa ċ‑ċertifikat ta’ Borg Olivier u ħadd ma jista’ jinnegah li dan ma qalux.
Il‑Partit Laburista, il‑Partit Soċjalista Demokratiku Malti, Mr Speaker, fl‑istess Konferenza tal‑Indipendenza kien issuġġerixxa li għal Malta jkollna l‑first‑past‑the‑post bħala sistema elettorali. Perὸ l‑Perit Mintoff, il‑Leader tagħna, ma nsistiex għalih u għaddiet ta’ Borg Olivier għax forsi dak iż‑żmien ipperswadiena illi l‑aħjar sistema kien il‑proportional representation. Hu stess qal li hu l‑aħjar sistema u l‑konferenza aċċettatu. Ġie mniżżel ukoll fil‑Kostituzzjoni tar‑Repubblika. U kieku ġie aċċettat il‑first‑past‑the‑post, kieku din id‑darba huma kien ikollhom il‑gvern f'idejhom, il‑għaliex meta jkun hemm żewġ partiti biss li joħorġu għall‑elezzjoni fil‑first‑past‑the‑post, min ikollu l‑iktar voti bilfors ikollu l‑iktar siġġijiet.
Imma mbagħad, Mr Speaker, kellna l‑elezzjoni tal‑1966 u x'ġara hemmhekk huwa importanti ħafna l‑għaliex is‑sitwazzjoni ta’ dak iż‑żmien hija ferm simili għas‑sitwazzjoni li hemm attwali. Il‑Partit tal‑Ħaddiema Insara, dak iż‑żmien, ġab 8,561 vot, illi jirrappreżenta 3.54 kwoti, kważi erba’ kwoti, u jirrappreżenta wkoll 6% tal‑voti. Dan il‑partit, li dak iż‑żmien jien kont segretarju ġenerali tiegħu, kiseb dawk il‑voti kollha, erba’ kwoti, u ma tellgħax Membru Parlamentari wieħed fil‑Parlament. Dak iż‑żmien, in‑Nazzjonalisti ġabu 47% tal‑voti u tellgħu 28 Membru fil‑Parlament; il‑Partit Laburista ġab 22%. Kienet eżattament l‑istess pożizzjoni, 47% b'żewġ partiti ‑ żewġ partiti ‑ huma jtellgħu 28 ‑ u d‑differenza kienet 6 mhux 3 bħalma hija issa ‑ u l‑Partit Laburista jtella’ 22. Dak iż‑żmien ħadd mill‑partit ta’ Borg Olivier ma tkellem favur il‑Partit tal‑Ħaddiema Insara allavolja kienu wirtu xi voti mingħandhom, kienu ġew trasferiti xi voti, imma dak iż‑żmien għax kien qablilhom hekk, u nerġa’ ngħid, is‑sitwazzjoni fl‑1966 kienet eżattament l‑istess sitwazzjoni ta’ kif inhi llum, żewġ partiti fil‑gvern u dawk li kellhom il‑minoranza, b'47%, ħadu l‑gvern għal erba’ snin sħaħ. Issa, Mr Speaker, dawn għamlu plejtu l‑għaliex hemm 2% biss differenza bejna u bejnhom. Huma nsew li dak iż‑żmien, meta tieħu l‑Oppożizzjoni kollha, il‑partit li kien rappreżentat fil‑Parlament u l‑partiti li ma kenux rappreżentati, dawk kollha ġabu 53% u ma kenux rappreżentati fil‑gvern, u huma b’47% kienu rappreżentati. U ma tkellmu xejn. U aħna tal‑Malta Labour Party, dak iż‑żmien dħalna fil‑Parlament u ma għamilna l‑ebda boycott. Dak iż‑żmien ukoll ‑ u din għadha relevanti ‑ meta kont segretarju ġenerali ta’ dak il‑partit, meta sibt li kien hemm dik is‑sitwazzjoni fejn partit b’erba’ kwoti votanti mxerrda ma’ Malta kollha ma jtella’ l‑ebda Membru fil‑Parlament, konna ktibna lill‑Awtorità tax‑Xandir biex din jogħġobha talloka air time għall‑Partit tal‑Ħaddiema Nsara, il‑għaliex dak iż‑żmien ikkontendejna li mhux sewwa li partit, li dak iż‑żmien kien għadu fuq saqajh, li kellu l‑eżekuttiv, li kellu l‑machinery kollha ta’ partit politiku, li kellu l‑votanti ... Ngħidu aħna Mabel Strickland, dak iż‑żmien, ma kellhiex votanti, ftit ġabet, imma dan kellu erba’ kwoti. Allura kont għamilt memorandum u tlabna li jkollna air time fuq ir‑Rediffusion u fuq it‑television, u d‑deċiżjoni tal‑Awtorità tax‑Xandir li kienet iċċerjata minn imħallef irtirat, Montanaro Gauci, u kien hemm ukoll żewġ membri mill‑professjoni legali fl‑Awtorità tax‑Xandir, u d‑deċiżjoni ta’ dak iż‑żmien, li tatna l‑Awtorità tax‑Xandir ‑ u din hija relevanti ħafna meta tikkonsidra li ċ‑Chairman kien imħallef irtirat u kien hemm tnejn legali fl‑Awtorità... Id‑deċiżjoni tagħhom ġiet riprodotta f'memorandum No. 109 dwar Party Political Broadcasts li kien ġie ppreparat miċ‑Chief Executive ta’ dak iż‑żmien, u f'dak il‑memorandum ġiet riprodotta silta mill‑meeting Nru 7/1966 tal‑Awtorità tax‑Xandir fejn ingħad testwalment:
"It was agreed that only those parties represented in Parliament would participate in the scheme since, apart from following an accepted local precedent, it could also be argued that under the system of proportional representation all shades of political opinion are reflected in the parties parliamentary representation.".
L‑istess kliem użat minn Borg Olivier fil‑Konferenza tal‑Indipendenza tal‑1963 ġew użati mill‑Awtorità tax‑Xandir fl‑1966 biex ma jagħtux air time lill‑Partit tal‑Ħaddiema Insara. Dak iż‑żmien ‑ nerġa’ nfakkar lill‑Kamra ‑ il‑Partit Nazzjonalista kellu 28 siġġu fil‑Parlament, 56% tal‑Membri Parlamentari, u l‑Partit Laburista kellu 22, 44% tal‑Membri Parlamentari. B'danakollu kien gvern ukoll ta’ minoranza ta’ voti, anzi kienu 47% u dawn, dak iż‑żmien, ma tniffsu xejn u kollox baqa’ għaddej lixx.
L‑istess deċiżjoni ġiet riprodotta fl‑Annual Report tal‑Awtorità tax‑Xandir 1970/71 u f'dak ir‑rapport insibu dan il‑kliem:
"Broadcasting systems must clearly have a policy about the division of available air time between the parties, and in Malta the Authority has adopted parliamentary strength as its yardstick for a fair apportionment of broadcasting time.".
MR SPEAKER: Biex il‑Membru jkompli jitkellem jeħtieġ il‑permess tal‑Kamra.
ONOR. JOHN BUTTIGIEG: Nipproponi li jkompli jinstema’.
ONOR. FREDDIE MICALLEF: Nissekonda.
MR SPEAKER: Hemm oġġezzjoni? (Onor. Membri: No objection).
Il‑mozzjoni għaddiet nem.con.
ONOR. GONTRAN BORG: Nirringrazzja lill‑proponent u lis‑sekondant u lill‑Onor. Membri tal‑Kamra talli għoġobhom iħalluni nitkellem.
Perὸ din li l‑maġġoranza tal‑voti mhux bilfors ikollok maġġoranza ta’ siġġijiet fil‑Parlament, tapplika mhux biss fis‑sistema proporzjonali ... Il‑għaliex fis‑sistema proporzjonali hemm il‑kwestjoni illi jekk ikollok 13‑il distrett, ikollok 13‑il kandidat li jibqgħu mdendlin ‑ kif ngħidu aħna, Mr Speaker ‑ u dawk li jibqgħu mdendlin forsi jkun mingħalihom li n‑nies li vvotawlhom mhumiex rappreżentati fil‑Parlament, għax dawn ikollhom kważi kwota. L‑istess kif jiġri fil‑proportional representation jiġri fis‑sistemi kollha elettorali. Insibu illi fl‑Ingilterra, illi għandhom sistema differenti minn tagħna, tliet darbiet ‑ kif inkiteb ħafna fil‑gazzetti lokali ‑ mill‑inqas tliet darbiet ġralhom l‑istess kif ġara hawn Malta, fejn Membri Parlamentari jkunu fil‑maġġoranza, partit ikollu maġġoranza ta’ seats u minoranza ta’ voti. Ġrat ukoll fis‑South Africa, Mr Speaker. Biex inpoġġiha on record: Is‑South Africa ġrat mill‑inqas darbtejn, fl‑1948 u fl‑1953 meta Smuts ġab 547,437 vot u akkwista 60 siġġu u Malan tan‑Nazzjonalisti ġab 442,338 vot u akkwistaw 78 siġġu. Ġrat ukoll fl‑Awstralja. Issa l‑Awstralja għandhom l‑istess sistema proporzjonali bħalna, Mr Speaker. Ġrat fl‑1922, fl‑1928, fl‑1934 u fl‑1937. Dak kien fis‑Senat Awstraljan. Ġrat ukoll fil‑Kamra tar‑Rappreżentanti Awstraljana fl‑1954 meta l‑Labour akkwista 2,292,881 vot u kellu 57 siġġu u l‑partiti l‑oħra kollha kellhom 2,263,557 vot b'64 siġġu. Mela min kellu l‑inqas voti kellu l‑iktar numru ta’ seats fil‑Parlament, u naturalment, kien fil‑gvern. Bis‑sistema proporzjonali bħalma hi tagħna. Mr Speaker, insibu illi f'Ġunju 1969, skont l‑artikolu 62 tal‑Kostituzzjoni Repubblikana ‑ anzi dak iż‑żmien kienet il‑Kostituzzjoni tal‑Indipendenza, imma dak l‑artikolu baqa’ l‑istess ‑ il‑Kummissjoni Elettorali trid tirrevedi l‑konfini kull bejn sentejn u ħames snin minn meta tkun għamlithom. U kien fil‑11 ta’ Ġunju 1969 illi l‑Kummissjoni Elettorali, fi żmien il‑Partit Nazzjonalista meta kien hemm Borg Olivier Prim Ministru, ħarġet ir‑rapport tagħha u dan ir‑rapport, kontra l‑Kostituzzjoni, ma ġiex imqiegħed fuq il‑Mejda tal‑Kamra u ma tawx ċans lill‑Membri tal‑Parlament illi dan jiġi diskuss. Ir‑rapport illi ħarġet il‑Kummissjoni Elettorali f'Ġunju tal‑1969 kien fih illi Għawdex kellu jkun mal‑Mellieħa u dak iż‑żmien, l‑opinjoni pubblika dehret illi n‑nies kienu kontra ta’ din l‑idea illi Għawdex ikun fl‑istess distrett mal‑Mellieħa u l‑Mellieħa tkun fl‑istess distrett ma’ Għawdex. Kien hemm ħafna complaints mill‑Membri Għawdxin ta’ dak iż‑żmien taż‑żewġ naħat tal‑Kamra, imma din ma kenitx skuża, Mr Speaker, illi Borg Olivier ma jressaqx dak ir‑rapport fuq il‑Mejda tal‑Kamra biex jiġi diskuss mill‑Membri Parlamentari. Minflok ma għamel hekk, Borg Olivier, qabbad lil Henry Frendo li kien Principal Electoral Officer biex jagħmillu rapport hu personalment. Dan ir‑rapport ħadd ma rah, perὸ huwa fatt illi dan ġie inkarigat minn Borg Olivier biex privatament jagħmillu rapport. Jiġifieri Borg Olivier u n‑Nazzjonalisti ma taw kas xejn tal‑istituzzjonijiet demokratiċi li huma stess kienu ħatru u kienu qabbdu lil Henry Frendo biex jagħmlilhom rapport hu wara illi r‑rapport li ħarġet il‑Kummissjoni Elettorali lanqas biss indenja ruħu illi jpoġġih fuq il‑Mejda tal‑Kamra. Bl‑iskuża illi l‑Mellieħa u Għawdex m'għandhomx ikunu fl‑istess distrett, bl‑iskuża illi jekk jinzerta li jkun hemm żewġ partiti biss illi jikkontestaw l‑elezzjoni, u dawn, meta l‑Kamra tkun komposta kif kienet komposta dakinhar b'numru biż‑żewġ, bħalma kienet dakinhar b'50 u jekk ikunu żewġ partiti biss jistgħu jiġu 25 u 25, qal Borg Olivier illi tista’ tinħoloq kriżi kostituzzjonali. Imma nesa illi hu, meta kien tela’ fl‑1962 kien akkwista l‑maġġoranza parlamentari billi kien ħa wieħed mingħand il‑Partit ta’ Ganado. B'dawk iż‑żewġ skużi, Borg Olivier ġietu l‑idea illi minn 50 il‑Kamra ttellagħha għal 55. Kienet l‑idea tiegħu. Il‑partit tagħna, allavolja kienet idea tiegħu, ma kienx sab oġġezzjoni illi l‑Kamra minn 50 titla’ għal 55, perὸ l‑Labour Party rritenew illi għandhom jiżdiedu d‑distretti u jsiru 11 ‑ minn 10 jsiru 11 ‑ u kull wieħed jeleġi ħames kandidati.
Imma din ma għoġbitux għaliex Borg Olivier ried jagħmel gerrymandering, ried ibagħbas u ġietu l‑idea li l‑ħamsa żejda jpoġġihom fid‑distretti li jixtieq hu. Din id‑deċiżjoni tiegħu qajmet għagħa kbir fil‑pajjiż għaliex skont il‑Kostituzzjoni, hija l‑Kummissjoni Elettorali illi għandha l‑kompitu illi talloka l‑membri fejn trid hi, u mhux fejn irid il‑Parlament. Imma Borg Olivier, allavolja kellu dik l‑opożizzjoni kollha, baqa’ jagħmilha ta’ testard u kompla bl‑Abbozz ta’ Liġi li jemenda l‑Kostituzzjoni sakemm ressaqha fil‑Parlament u ġiet approvata mill‑Parlament.
Kien hemm żewġ kawżi kostituzzjonali mill‑partit u dawn iż‑żewġ kawżi kienu pjuttost fuq proċeduri tal‑Parlament, imma t‑tnejn ġew quddiem il‑Qorti Kostituzzjonali u t‑tnejn intilfu għall‑Partit Laburista allavolja dak iż‑żmien kellna raġun biex inbigħu, li mxew bi proċeduri li mhumiex aċċettabbli mill‑Parlament tagħna. Waħda mid‑deċiżjonijiet tal‑Qorti Kostituzzjonali kienet fuq il‑kwestjoni li meta l‑iSpeaker tagħhom kien iddikjara "carried", jiġifieri li l‑liġi għaddiet, li l‑emenda għaddiet, jiġifieri ddikjaraha l‑iSpeaker, wara deherlu li xi ħadd ‑ mhux xi ħadd anzi, kien hemm l‑Oppożizzjoni kollha kontra tagħha ‑ malli qal "carried", deherlu li għamel ħażin u dan kien ġiegħel lil dawk li kienu favur tagħha jqumu bilwieqfa. U dik hija proċedura ħażina u allavolja proċedura ħażina, il‑Qorti Kostituzzjonali kienet tellfithielna din il‑kawża.
Imma mbagħad, f'Diċembru tal‑1970 jien personalment kont għamilt kawża oħra kontra Borg Olivier, kont fittixtu kostituzzjonalment u kont għidt illi l‑Kamra ma kellhiex id‑dritt li talloka l‑ħames Membri fejn trid hi. Kien kompitu tal‑Kummissjoni Elettorali u dak il‑kompitu ġie meħud mill‑Parlament. Din il‑kawża ġiet deċiża wkoll kontra tiegħi u b'sentenza ta’ 26 faċċata l‑Imħallef Caruana Curran, kif jaf jagħmel hu, idur mal‑lewża, jgħid ħafna kliem imbasta ried itellifhieli, u fil‑fatt tellifhieli, allavolja kelli raġun. U nibqa’ ngħid li għandi raġun. Il‑loġika tagħtini raġun għaliex b'dik is‑sentenza ġara li l‑Kummissjoni Elettoraliġie deċiż li m'għandhiex id‑dritt tinnumera n‑numri hi tad‑distretti. Il‑għaliex kieku ‑ ejja mmorru lura fuq il‑kawża ‑ meta Borg Olivier qal li jridhom f'ċerti distretti, fit‑Tieni, fit‑Tielet, fis‑Seba’, fit‑Tmienja u fid‑Disa’ Distrett, dak iż‑żmien setgħet, kieku riedet il‑Kummissjoni Elettorali, id‑Disa’ tallokah lil area li ma jridx hu. Issa wara li ġiet deċiża din il‑kawża li għamilt jien, il‑Kummissjoni Elettorali mhijiex kompetenti iktar li tinnumera hi, irid jinnumerahom il‑Parlament. Imma dawn jagħmlu kollox għaliex dawn jimminaw il‑Kostituzzjoni li kienu għamlu huma, il‑Kostituzzjoni tal‑Indipendenza u għadhom jimminaw il‑Kostituzzjoni Repubblikana għaliex huma nies diżleali, illi tant għamel enfasi fuqhom l‑Aġent President fid‑Diskors sabiħ tiegħu.
Ġara wkoll illi fl‑14 ta’ Awwissu tal‑1970 kont ippreparajt rapport fuq il‑konfini elettorali, ippreparajtu jien privatament mingħajr ħadd ma qabbadni, u dan ir‑rapport ibbażajtu fuq l‑istess distretti, jiġifieri fuq l‑istess ... Għax Borg Olivier kien qal li ħamsa b'sitta u ħamsa b'ħamsa. U l‑istess distretti li ta s‑sitta hu, jien għamilthom fir‑rapport, perὸ fl‑istess rapport, b'devjazzjonijiet mill‑inqas u b'ċaqliq ta’ rħula, ta’ parishes mill‑inqas, jien ġibt average deviation tal‑ideal quota ta’ 2.93%, waqt li aktar tard, il‑Kummissjoni Elettorali, erba’ xhur wara li għamilt ir‑rapport jien, ħarġitha 5.65%, kważi d‑doppju tad‑deviation. U dan ir‑rapport li jien għamilt, li kien datat 14 ta’ Awwissu 1970 tajtu lill‑leader tiegħi, lill‑Perit Mintoff, u tant għoġbu ‑ għax imbagħad kien għadda ftit taż‑żmien. Sadanittant il‑Kostituzzjoni nbidlet, għaddiet tiegħu Borg Olivier ‑ dan ir‑rapport, illi qalli: Ara, agħmilli rapport ieħor b'żewġ soluzzjonijiet, ibbażahuli fuq l‑aħħar reġistru elettorali, jiġifieri dak ta’ Ottubru tal‑1970; oħroġli rapport ieħor b'żewġ soluzzjonijiet. U jien lestejt dan ir‑rapport, tajtu lill‑Perit Mintoff u dan, dakinhar tas‑Seduta Nru 282 fit‑8 ta’ Frar 1971, meta Borg Olivier ressaq il‑mozzjoni biex ir‑rapport tal‑Kummissjoni Elettorali, li mbagħad kienu ħarġu f'Diċembru tal‑1970, jiġi approvat mill‑Kamra dakinhar ... U biex ipoġġih on record, tajjeb li naqra x'kien qal il‑Leader of the Opposition, il‑Perit Mintoff, għax dak iż‑żmien konna fl‑Oppożizzjoni, intenni l‑kliem tiegħu. L‑Onor. Mintoff kien qal:
"Nerġa’ ngħid, din skuża, skuża kbira u l‑iskuża saret biex intom tagħmlu dak li taħsbu li jaqblilkom ... X'tgħidlek il‑Kostituzzjoni? Tgħidlek: Isma’ inti għandek id‑dover li d‑divisions tagħmilhom as near as possible. U inti qed tirrevedi llum dan as near, as equal as possible meta inti diġà qbiżt nofs l‑ammont li qed tagħtik il‑liġi! Allura aħna kif nistgħu jkollna fiduċja f'affarijiet minn din il‑kwalità? Jien biex il‑poplu jkun jaf kemm bagħbas dan il‑Gvern ħadt l‑intrigu li ninkariga lil wieħed ħabib tiegħi li f'dawn l‑affarijiet jifhem u jħobb jarahom ‑ u jien ma nkarigajt l‑ebda electoral commissioner u l‑ebda Chief Electoral Commissioner u bħali seta’ għamel il‑partit l‑ieħor jekk ried ‑ biex jagħmel daqsxejn ta’ exercise u jgħidli li kieku l‑Gvern ma rabatx idejn il‑Commission fejn jiżdiedu dawn il‑ħames membri, jistax hu jżomm id‑divisions coterminous, iżidhom biex inaqqas l‑inugwaljanza u jagħti mhux eżempju wieħed imma tnejn kif jiġu aħjar milli setgħet tagħmel il‑Commission illum għax rabtilha idejha l‑Gvern. Tnejn ridt jien. Għidtlu: Toqgħodx tagħmel iktar biex ma noqogħdux naħlu ħafna żmien, imma għamilli tnejn biss u d‑divisions fejn għandhom jiżdiedu l‑membri jkunu f'idejk, daqskemm kieku l‑Gvern mexa ta’ raġel u wara li qal in‑numru, qal lill‑Kummissjoni: “Issa żidhom fejn hu sewwa biex timxi skont l‑ispirtu tad‑demokrazija u tal‑kostituzzjoni illi d‑Divisions iġġibhom indaqs". U għandi rapport quddiemi li ser inqassmu lill‑membri kollha ‑ min ma jridux affari tiegħu ... Qed ngħid illi kieku l‑Gvern ried jimxi veru demokratikament, wara li impona li jżid ħamsa bilfors u ma imponiex ukoll fejn għandhom jiżdiedu dawn, kien ikun hemm ħafna soluzzjonijiet li jwasslu għall‑aktar ekwità. Anke billi nħallu Għawdex kif inhu.".
Dan kien il‑kliem tal‑maħbub Leader tagħna, Mr Speaker meta kien Kap tal‑Oppożizzjoni fejn wera, bir‑rapport li dakinhar ġie mqassam lill‑Membri kollha tal‑Kamra, allura sar pubbliku, żewġ soluzzjonijiet, it‑tnejn ferm aħjar mis‑soluzzjoni li ħarġet bihom il‑Kummissjoni Elettorali. U fir‑rapport tiegħi dawn iż‑żewġ soluzzjonijiet kienu jinkludu entire parishes within one division, fiż‑żewġ soluzzjonijiet. Ċaqlaqt biss tlett irħula żgħar minn distrett għal ieħor, kienu Gwardamangia, in‑Naxxar u Marsaxlokk f'Solution A u Gwardamangia, in‑Naxxar u Ħal Kirkop f'Solution B. Allokajt is‑sitt Membri ġodda fid‑distretti fejn jixirqu skont ir‑raġuni ‑ u rrid nagħmel parentesi li allavolja kien jaqbilli li kieku jien lil Birkirkara nitfgħalha sitt siġġijiet, għax kieku forsi tlajt, imma r‑raġuni qaltli li nagħtiha ħamsa ‑ u ż‑żewġ soluzzjonijiet kienu li d‑distrett ta’ Birkirkara kien b'ħames Membri. L‑average deviation mill‑ideal quota kienet ħarġet hekk: Solution A 3.07% average u Solution B 3.9% average. U nerġa’ nfakkar lill‑Kamra, Mr Speaker, li l‑average li kienet ħarġet il‑Kummissjoni Elettorali ‑ xi għaxra min‑nies dawn, ma nafx kemm kienu, kollha nies tagħhom dawn – fir‑rapport tagħhom kienet 5.65%. Kważi d‑doppju. Din hija d‑demokrazija tan‑Nazzjonalisti! Dawn huma n‑nies li issa qegħdin jitkażaw għax qegħdin jgħidu li aħna bagħbasna fid‑distretti meta huma x‑xempju tat‑tbagħbis u x‑xempju tad‑diżlealtà lejn il‑Kostituzzjoni tal‑pajjiż.
Anzi dan mhux biżżejjed, Mr Speaker. Aħna tal‑Malta Labour Party minn deviation rate tal‑ideal quota bejn distrett u ieħor, minn 15% plus u minus, jiġifieri 30% differenza bejn distrett u ieħor, aħna niżżilniha għal 5% plus u minus, jiġifieri maximum ta’ 10% 'l hawn u 'l hemm. U biex nagħti riżultat ta’ din is‑sitwazzjoni, fl‑elezzjoni kondotta mill‑Partit Nazzjonalista fl‑1971, l‑ikbar kwota kienet dik ta’ Tas‑Sliema, is‑Seba’ Distrett, 2,766 u l‑inqas kwota kienet dik ta’ Għawdex, 2270, kważi differenza ta’ 500 vot bejn kandidat u ieħor. Jiġifieri min kien Għawdex kellu vantaġġ fuq ħaddieħor ta’ 500 vot. Waqt li fl‑elezzjoni tal‑1981, wara li d‑deviation rate naqset minn 30% għal 10%, l‑ikbar kwota kienet dik tar‑Rabat, 2,943 ‑ int naturalment ħassejtha dik, Mr Speaker ‑ l‑inqas waħda kienet tal‑Belt, l‑Ewwel Distrett, 2,673. Id‑differenza naqset għal 270 biss. Dik hija d‑demokrazija li għamel, dik hija d‑demokrazija li jaf iwettaq il‑partit tagħna. Qatt ma mexa b'soluzzjonijiet illi ma jagħmlux ġieħ lid‑demokrazija. Dejjem mexa bil‑fair u qatt ma kien partiġġjan fejn jidħlu l‑interessi tal‑poplu Malti.
Issa dan l‑aħħar, Mr Speaker, Fenech Adami ħareġ bil‑ħrafa tal‑ħames punti. Waħda minnhom hija illi jixtieq jara li jkun hemm konsultazzjoni aħjar ‑ personalment ma nafx kif ‑ fuq il‑ħatra tal‑membri ta’ ċerti istituzzjonijiet, naturalment bħalma hija l‑Kummissjoni Elettorali. (Interruzzjonijiet) Wasalt biex nagħlaq, Mr Speaker. Kont qed ngħid illi wieħed mill‑ħames punti, Fenech Adami qed jgħid illi hu ma ġiex ikkonsultat tajjeb għall‑ħatra ta’ ċerti karigi f'dawn l‑istituzzjonijiet demokratiċi ta’ dan il‑pajjiż. U dan nesa illi meta fl‑1970 kienet waslet biex tispiċċa n‑nomina, il‑ħatra, iż‑żmien li kellu jservi Montanaro Gauci fl‑Awtorità tax‑Xandir, dan allavolja l‑Perit Mintoff, li kien Leader of the Opposition, insista li dan mhux aċċettabbli għall‑Malta Labour Party għaliex ma kienx miexi bil‑fair, Borg Olivier ġab l‑iskuża li m'għandux lil min ipoġġi u dan webbes rasu u rrakkomanda lill‑Gvernatur Dorman biex jagħmlu. Dik hija l‑consultation li kienu jafu jagħmlu l‑Partit Nazzjonalista! Issa jekk dawn huma stess m'għandhomx fiduċja fil‑kummissjonijiet li huma stess ħatru ... Il‑għaliex meta nieħdu l‑każ tal‑Kummissjoni Elettorali ta’ żmienhom u Borg Olivier stess kien warrabha min‑nofs u kien qabbad lil Henry Frendo biex jagħmillu rapport hu personalment, meta lill‑Kummissjoni Elettorali ma ħallihomx jaħdmu kif riedu, imma kif ried hu, il‑għaliex poġġa l‑ħames Membri żejda fejn ried hu, allura dan kif jista’ jkun li jkollhm fiduċja fl‑istituzzjonijiet li se jkunu stabbiliti fi żmien il‑Gvern tagħna!
Dawn huma nies li mhux ta’ min jafdahom. Dawn huma nies illi rrefera għalihom l‑Aġent President tar‑Repubblika meta qal li m’hawnx post f'Malta għal min hu għażżien, m’hawnx post għal min hu diżleali, m'hawnx post għal min m'għandux fiduċja f'istituzzjonijiet demokratiċi tal‑pajjiż. U allura dawn huma stess forsi ntebħu li m'hawnx post għalihom fil‑Parlament, u għalhekk ma ġewx, għax huma stess jafu illi fil‑Parlament huma ma jafux jagħtu l‑kontribut siewi li suppost jagħtu. Imma jiena b'danakollu nixtieq nispiċċa billi nagħmel appell lill‑partit l‑ieħor biex jerġa’ jaħsibha biex mid‑dnub politiku li għandu, jindem u joħroġ determinat illi jaqdi lill‑pajjiż ta’ veru demokratiku kif suppost, jidħol fil‑Parlament il‑għaliex qed iwaqqa’ l‑ġebla fuq saqajh. Forsi iktar tard ikun tard wisq. Jaqbillu illi jerġa’ jindem politikament u magħna jimxi 'l quddiem fis‑sliem għal Malta aħjar, Malta illi kulħadd jixtieq jara l‑aħjar fost il‑pajjiżi demokratiċi tad‑dinja. Grazzi ħafna. (Onor. Membri: Hear, hear).
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 327 tat-Tnax-il Parlament tal-Erbgħa 18 ta' Novembru 2015
KONDOLJANZI
MR SPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Nagħti merħba lill-familjari tal-ex Membru Parlamentari Gontran Borg. Is-Sur Borg ġie nieqes fid-9 ta’ Novembru, 2015, fl-età sabiħa ta’ 92 sena.
Hija konswetudni ta’ dan il-Parlament li għal din l-okkażjoni nippreparaw ktejjeb. Dawn qed ngħaddu kopja tagħhom lill-Membri Parlamentari kollha u anke lill-familjari tas-Sur Gontran Borg. Irrid ngħid li hemm misprint għax id-diskors tas-Sur Gontran Borg kien sar fit-23 ta’ Frar, 1982; il-leġiżlatura kienet bdiet fl-1982 u l-elezzjoni kienet saret fit-13 ta’ Diċembru tal-1981. Dan kien wieħed mill-itwal diskorsi li kien għamel s-Sur Gontran Borg, tant li l-iSpeaker kien tah estensjoni tal-ħin biex ikun jista’ jkompli jitkellem. Kien diskors interessanti.
Issa nsejjaħ lill-Ministru Leo Brincat biex, f’isem il-Gvern, jagħmel kelmtejn f’din l-okkażjoni.
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima): Sur President, l-ewwel nett insellem lill-familjari tas-Sur Gontran Borg li qegħdin preżenti hawnhekk illum. Għandna d-drawwa li f’dawn it-tip ta’ okkażjonijiet noqogħdu ninċensaw lil dak li jkun. Jien kemm jista’ jkun se nkun fattwali, mingħajr ma noqgħod nagħmel kumplimenti żejda sempliċement biex nuri sens ta’ rispett lejh.
Jien kelli x-xorti li s-Sur Borg kont nafu qabel ma daħal fil-Parlament. Aħna ħadna l-ġurament fl-istess żmien u bqajt inkellmu anke wara li ma baqax involut b’mod dirett fil-politika. Nista’ ngħid li Gontran Borg li kont naf qabel ma daħal fil-Parlament baqa’ l-istess Gontran Borg li nafu fil-Parlament. Wara l-Parlament ma nbidel xejn, baqa’ l-istess, u naħseb dak huwa l-akbar kumpliment li tista’ tagħmel lil xi ħadd fil-qasam politiku. Is-Sur Gontran Borg baqa’ dak li kien u tajjeb ngħid x’tip ta’ persuna kien.
Jien nafu bħala bniedem dħuli, bniedem ta’ kuxjenza, bniedem b’valuri morali sodi ħafna u għalkemm hija diffiċli llum li ssibha fil-politika, huwa kien bniedem mingħajr ebda sens ta’ arroganza. Naħseb dawn huma kollha kwalitajiet sbieħ u li lkoll kemm aħna naspiraw li jiġu attribwiti lilna.
In-nies li jafuh ħafna aktar minni kienu jassoċjawh mal-lokal ta’ Birkirkara, biss għamel diversi snin jgħix il-Kappara, San Ġwann. Fil-fatt, meta nqata’ kompletament mill-politika mhux l-ewwel darba li rajtu jagħmel xogħol volontarju fuq livell soċjali u fuq livell parrokkjali f’din il-lokalità.
L-ewwel leġiżlatura tas-Sur Gontran Borg kienet waħda mill-aktar leġiżlaturi diffiċli li ffaċċja dan il-pajjiż fl-aħħar snin. Kienet leġiżlatura li ġabet magħha ċerta turbulenza politika li, għall-grazzja t’Alla, m’għadhiex teżisti fil-pajjiż. Madanakollu t-tensjoni li kienet tipprevali dak iż-żmien bl-ebda mod ma impinġiet fuq il-karattru tiegħu u fuq l-imġiba tiegħu, la fil-Kamra u lanqas barra mill-Kamra. U li ngħidu li din ma xellfet bl-ebda mod il-karattru, l-integrità u l-irġulija tiegħu huwa l-akbar ġieħ li nistgħu nagħtuh.
Għalkemm is-Sur Gontran Borg kien ilu li nqata’ mill-politika, jien nibqa’ nqisu bħala bniedem soċjodemokratiku fil-valuri u fil-fehmiet tiegħu. Jisgħobbija li ma kontx Malta meta sar il-funeral tiegħu għax kont imsiefer fuq xogħol tal-gvern, però f’isem sħabi, anke dawk li ma kellhomx il-benefiċċju li jsiru jafuh, insellimlu minn hawnhekk. Għalkemm huwa serva biss għal leġiżlatura waħda, kien ta’ kontribut validu ħafna u kien stmat miż-żewġ naħat tal-Kamra fi żmien meta s-sitwazzjoni politika kienet pjuttost mimlija tensjoni. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Sur President, hija drawwa sabiħa li l-Membri Parlamentari preżenti jfakkru l-Membri Parlamentari passati. Għandna għalfejn inkunu grati li kellna fostna membru parlamentari tal-kwalità tas-Sur Gontran Borg. Jien ma kontx nafu daqs l-Onor. Leo Brincat, però kont dħalt f’kuntatt miegħu indirettament meta kont ġuvni u sirt naf lit-tifel tiegħu, Siegfried, li huwa avukat, u lit-tifla tiegħu Marina. Darba minnhom niftakar kont ġejt mistieden għandhom u hemmhekk stajt nara l-kwalitajiet sbieħ ta’ dan l-eks-Membru Parlamentari fl-aktar perjodu iebes tal-politika Maltija.
Is-Sur Gontran Borg ikkontesta tliet elezzjonijiet ġenerali u fl-elezzjoni tal-1981 kien ġie elett fuq id-distrett ta’ Birkirkara b’mod tajjeb ħafna. Għamel ħames snin iservi ta’ Membru Parlamentari, imbagħad wara ddeċieda li ma jkomplix.
Però nerġa’ mmur lura għal meta kont mort id-dar tiegħu. Jien ġej minn familja tal-Partit Nazzjonalista u dak iż-żmien kont bdejt l-attività politika tiegħi b’ċerta saħħa. Dakinhar kont ġejt impressjonat bl-umiltà tiegħu, bis-sens komun tiegħu, bl-irġulija kbira tiegħu u bil-fatt li kien determinat li ma jiġġieled ma’ ħadd.
Is-Sur Gontran Borg kien jagħmel l-argument tiegħu però kien verament bniedem b’ideoloġija politika soda. Kien daħal fil-politika b’missjoni ċara u kien jaf x’kien qed jagħmel. Dan huwa rifless fil-mod tajjeb ta’ kif rabba ’l-familja tiegħu, fil-mod ta’ kif żamm sod mal-valuri nsara tiegħu, u fil-mod ta’ kif żamm il-valuri tiegħu ta’ bniedem li jirrispetta lill-oħrajn.
Żgur li rridu nikkommemoraw il-karriera twila tiegħu għax is-Sur Borg mhux biss ħadem fil-qasam politiku iżda ħadem ukoll fis-settur finanzjarju u ħalla imprint fiż-żewġ oqsma. Fil-fatt, huwa ħalla imprint anke fuq l-ekonomija tagħna għax għamel żmien jokkupa l-kariga ta’ chairman tal-Bank of Valletta.
Kien bniedem sobrju, intelliġenti u li għamel ġieħ lil dan il-Parlament. Għaldaqstant naħseb li ma nagħmlux ħażin jekk aħna l-Membri Parlamentari nimitaw l-eżempju tajjeb tiegħu. Minn qalbi u f’isem il-Partit Nazzjonalista nagħti l-għomor lill-familja tiegħu. Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Jien lis-Sur Gontran Borg ma kontx nafu personali - niftakar li kellu uffiċċju inti u nieżel Birkirkara, qabel ma taqbad il-wied. Però missieri kien jafu u fil-fatt, meta ġie elett fl-elezzjoni tal-1981 kien mar jifraħlu.
Dan l-aħħar iltqajt mat-tifel tiegħu, Sigfried, li huwa avukat u ħabib tiegħi. Kumbinazzjoni dakinhar għedtlu li kont għadni kemm iltqajt ma’ xi nies li kienu qed jitkellmu fuq il-valuri li kellu missieru. Kien Marjan devot, anke fiż-żmien li kien fil-Parlament. Dakinhar Sigfried qalli li missieru kien qiegħed l-isptar u fil-fatt ftit wara ħalliena.
Jien ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra jwassal il-kondoljanzi bil-miktub lill-familjari tas-Sur Gontran Borg.
Elected on: | 18.12.1981 |
Oath of Allegiance: | 15.02.1982 |
Dissolution of Parliament: | 13.02.1987 |