Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Giorgio Borg Olivier

Back to List

Condolences (5 Nov 1911 - 29 Oct 1980)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 432 tar-Raba' Parlament tat-3 ta' Novembru 1980

KONDOLJANZI

ONOR. JOSEPH BRINCAT (Leader of the House, u Ministru tal-Ġusizzja, Artijiet, Djar u Affarijiet tal-Parlament): Mr. Speaker, bħala Ministru responsabbli ghall-affarijiet tal-Parlament, huwa d-dmir tieghi illi ngħid ftit kliem fuq il-mewt ta’ Dr. George Borg Olivier illi l-Gvern għoġbu, allavolja ma kienx Prim Ministru, jagħmillu funeral statali. M’inhix se nidħol fuq l-inċidenti illi ġraw, Mr Speaker, dak ikollna statement għada. Pero’, fuq George Borg Olivier, wieħed ma jistax ma jsemmix illi 41 sena minn ħajtu ddedikahom għax-xogħol f’dan il-Parlament fi ġlieda għal dak li kien jemmen hu, kontra dak illi kienet temmen naħa oħra; wieħed jista’ jgħid ukoll, b’lealta’ miż-żewġ naħat. U huwa fatt, Mr Speaker, illi jinżel fl-Istorja, illi f’dan il-perijodu, allavolja kien hawn żewġ protagonisti f’naħa u oħra, fiż-żewġ partiti, il-ġlieda qatt ma kienet f’livell ta’ ġlieda personali, imma kienet ġlieda demokratika. U l-aqwa prova, illi din il-ġlieda hija ġlieda demokratika għall-interess nazzjonali kif rawh, u skond kif il-ġlidiet elettorali għandhom isiru, hi fil-fatt li min jaf kemm-il darba nstema’ kemm min-naħa ta’ Dr. Borg Olivier u kemm mill-iktar svversarju li kellu n-naħa l-oħra, il-kliem: “M’intix qed teħodha personali din? Għax żgur li ma jien qed ngħidlek xejn personali għalik”. U kienu jiskużaw ruħhom ma’ xulxin; u dan miż-żewġ naħat kien xempju ġar u sewwa ta’ kif għandha titmexxa d-demokrazija illi tkun ġlieda politika u mhux ġlieda personali. Huwa sabiħ ukoll illi wieħed ifakkar illi Dr Borg Olivier għadda tant żmien – mill-1939 – fl-arena politika, ċertament b’sofferenzi kbar għalih innifsu, għall-mod ta’ ħajja tiegħu – għaliex anke meta jkun hem mil-glorja, dik il-glorja tidher għal dak il-waqt, imma s-sofferenzi ta’ wara dik il-glorja, l-individwu biss ikun jaf minn x’hiex ikun għaddej – pero’ għa’el, meta seta’ rtira minn dan il-Parlament, illi se l-aħħar nifs ta’ ħajtu jibqa’ rappreżentant tal-poplu. Dan jagħmel unur lil dan il-Parlament, għaliex Dr Borg Olivier ma riedx li jħalli r-rieda li tawh il-votanti u ried illi jibqa’ jirrappreżentahom anke bl-isforzi ta’ ħajtu jonqsu, pero’ ried illi dawk l-isforzi jibqa’ jagħmilhom. Mr Speaker, jekk wieħed jiftakar lil Dr Borg Olivier – fuq l-aspett politiku, ċertament ma konniex naqblu, u ma jfissirx li wara n-nuqqas tiegħu se niġu naqblu mal-fehmiet tiegħu – pero’ dak li emmen hu, ċertament għex għalih; dak li emendajna aħna, għexna għalih; pero’ mingħajr ma kien hemm ċertament ebda mibegħda bħalma għidt fil-bidu, mingħajr ma kien hemm xi ħaġa li tmur oltre l-politika; u ta’ dan aħna minn din in-naħa ċertament tajna eżempju qawwi ta’ x’jiġifieri tiġġieled il-ġlieda politika u żżommha biss fl-arena politika u ma tmurx oltre minn dan.


Meta wieħed jiftakru bħala bniedem, Mr Speaker – m’inhix se noqgħod nidħol fl-istorja ta’ pajjiżna li għad trid tinkiteb u l-ġudizzji għad iridu jsiru ‘l quddiem, ma jsitgħux isuru llum – jien personalment niftakar illi t-tbissima fuq fommu kienet faċli. Biex igħid xi ċajta minn taħt, kienet xi ħaġa faċli wkoll, u biex anke f’mument daqsxejn imbarazzanti jinfaqa’ jidħak jew igħaddi kumment minn taħt, kienet karatteristika tiegħu, pero’ naħseb illi forsi hija karatteristika anke ta’ membri oħra tal-familja tiegħu. U ċertament, meta wieħed jiftakru, speċjalment meta jinsa l-politika, meta jneħħi l-kamp politiku kollu, u jiftakru bħala bniedem, m’hemmx kellma oħra biex tiddiskrivih milli tgħid li miet “gentleman”.


Mr Speaker, huwa d-dmir tagħna, allavolja diġa’ espremejnih fil-pubbliku, bl-iktar mod diċenti li kein possibbli, bl-iktar mod solenni li kien possibbli, huwa d-dmir tagħna xorta waħda, illi lill-membri tal-familja tiegħu – kemm dawk preżenti hawn fil-Parlament u l-oħrajn tal-familja diretta tiegħu – llum nagħtuhom minn qiegħ qalbna l-għomor, għaliex jekk aħna nitkellmu li ntilef politiku, li miet politiku, għalihom ċertament intilef il-bniedem li jafu, il-bniedem illi kienu jħobbu, bħalma qalli tifel tiegħu issa, li kienu kuntenti li jibqa’ jagħtih u jitimgħu hu u jgħidlu “grazzi”. Mr Speaker, lil dawn in-nies ċertament din tagħhom hija l-akbar telfa, u aħna bħala sinjal ta’ rispett – illi din hija l-ewwel seduta illi qed nagħmlu wara l-funeral tiegħu, wara l-mewt tiegħu - nipproponi illi wara li jsiru d-diskorsi, din is-seduta tiġi aġġornata bl-istess agenda għal għada. (Applaws)

MR SPEAKER: Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.


ONOR. EDWARD FENECH ADAMI (Kap ta’ l-Oppożizzjoni): Mr Speaker, meta nhar il-Ġimgħa wassalna l-kadavru ta’ Dr. George Borg Olivier mid-dar tiegħu sal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, waqt linhar is-Sibt akkompanjanih għall-aħħar darba minn dan il-Palazz saċ-Ċimiterju ta’ L-Addolorata, rajna poplu mnikket, imnikket bil-mewt ta’ Dr Borg Olivier. Imma rajna wkoll poplu kburi b’dak li kien Dr Borg Olivier. Jien ċert li l-poplu Malti bla distinzjoni ta’ kulur politiku, tnikket għaliex Malta tilfet iben li kien dehen ta’ din l-art ħelwa. Fl-istess ħin il-poplu wera ruħu kburi li għal tant snin George Borg Olivier qeda dmiru lejn pajjiżu b’tant sagrifiċċju, b’tant dedikazzjoni, u b’tant onesta’ u lealta’. U jien naħseb li dawn kienu s-sentimenti li ħass il-poplu u li wieħed bihom irid jinterpreta fenomenu ġdid għal Malta ta’ ċapċip kbir imħallat ma dmugh li nxtered waqt il-funeral statali ta’ Dr Borg Olivier. Il-poplu Malti, nerġa’ ngħid, bla distinzjoni ta’ kulur politiku, fehem lil Georg Borg Olivier f’mewtu iżjed minn qatt qabel. Fehem li Borg Olivier kien ta’ bil-ħaqq idedika ħajtu kollha, l-enerġija tiegħu kollha għall-ġid ta’ pajjiżu - naturalment, kif fehem hu – minn żmien għal żmien. Fl-eta’ żagħżugħa ta’ 28 sena huwa kien ġie elett għall-ewwel darba bħala Deputat tal-poplu f’dan il-Parlament u baqa’ jirrappreżenta lill-poplu minn dak inhar sal-ġurnata tal-mewt tiegħu għal 40 sena sħah u fuqhom. Mhux biss iżda, Mr Speaker, għax George Borg Olivier dam daqshekk Deputat f’dan il-Parlament li l-poplu tnikket għat-telfa tiegħu. Jien ċert li l-poplu tnikket għat-telfa ta’ George Borg Olivier għax fih ra l-mewt ta’ ġentlom, ta’ ġentlom kbir u ta’ patrijott, ġentlom li nixhduh aħna sħabu taż-żewġ naħat tal-Kamra. Qatt ma rajnih jitlef il-paċenzja, jitlef is-sens ta’ prudenza, jew il-manjieri ġentili tiegħu lanqas fl-aktar mumenti sħan u diffiċli ta’ diskordja fil-qasam tal-politika, kemm nazzjonali kif ukoll tal-partit tiegħu. Kien ġentlom li jixhduh dawk kollha li servew taħtu tul is-snin. Għaraf dejjem jisma’ b’attenzjoni u b’apprezzament il-pariri li jingħatawlu sabiex fl-aħħar kien jerfa’ hu personalment ir-responsabilita’ tat-tmexxija. Kien ġentlon li kif jixhduh dawk kollha li ttrattaw miegħu tul l-40 sena tal-ħajja pubblika tiegħu, wieħed seta’ jittratta meigħu anke meta l-ideat taż-żewġ naħat kienu għal kollox opposti għal xulxin. Malta tnikktet għall-mewt ta’ George Borg Olivier għax, kif diġa’ għidt, kien patrijott. George Borg Olivier ħabb lil art twelidu. Minn żogħżitu ħadem biex din l-art ħelwa tagħna tieħu, l-ewwelnett, postha fost il-ġnus ħielsa, u t-tieni nett, biex timxi ‘l quddiem f’kull qasam. L-akbar sodisfazzjoni tiegħu kien ċertament meta bħala Prim Ministru ta’ Malta huwa kellu jara lil pajjiżu jsir pajjiż indipendenti fil-21 ta’ Settembru ta’ l-1964. Il-poplu, Mr Speaker, fin-niket tiegħu ċapċap ukoll. Iċ-ċapċip normalment huwa sinjal ta’ ferħ u jien ngħid illi l-poplu dak il-ħin kien qiegħed iċapċap għaliex ħassu kburi li f’dan il-pajjiż tagħna għandna nies bħal George Borg Olivier; George Borg Olivier li jħalli wirt għalina lkoll, wirt illi ġej mill-eżempju ta’ kuraġġ illi dejjem wera, sa mill-bidu nett tal-ħajja politika tiegħu; wera li huwa kien sejjer jaqdi dmiru f’kull ċirkostanza.

Forsi ta’ min wieħed isemmi waħda mill-ewwel ċirkostanzi ta’ kuraġġ kbir li wera, meta’ fid-9 ta’ Frar ta’ l-1942 kellu l-kuraġġ illi waħdu jivvota kontra l-liġi li ried il-Gvern Imperjali ta’ dak iż-żmien li biha ġew eżiljati hutna Maltin. Eżempju ta’ kuraġġ, nirrepetih, fid-diversi ċirkostanzi diffiċli tul il-ħajja twila pubblika tiegħu. Jibqa’ eżempju għalina bħala persuna ta’ karattru mill-aktar sod, nafuh ilkoll illi meta kien jemmen f’xi ħaġa, meta kien irid xi ħaġa ma kien iċedi qatt, ma kienx iċedi lanqas taħt ebda pressjoni. Rajnih dan kemm fil-qasam nazzjonali, rajnih ukoll aħna stess fil-partit tagħna. Imma naħseb li fuq kollox il-lezzjoni li nieħdu mingħandu hija ta’ bniedem illi emmen fid-demokrazija u ħaddimha d-demokrazija. Jekk hu veru, Mr Speaker, li Borg Olivier kien iwebbes rasu biex jieħu dak li jidhirlu xieraq, daqstant ieħor huwa veru li dejjem aċċetta r-rieda tal-maġġoranza li ma qabilx magħha hu. Dan jixhduh dawk kollha li ġġieldu miegħu jew kontra tiegħu , il-battalji politiċi. Borg Olivier kien bniedem tal-poplu, kien bniedem li kien iħobb ikun fost il-poplu, kien bniedem li kien iħobb jisma’ mingħand il-poplu x’inhuma l-bżonnijiet tiegħu biex bl-aħjar kapaċita’ tiegħu huwa jipprova jissodisfa l-bżonnijiet tal-poplu tiegħu. Bħala wirt ieħor, Mr Speaker, jien inħoss id-dover ukoll li nsemmih, ħalla lill –Partit Nazzjonalista’ illi tajtu kiber, organizza ruħu dejjem aħjar u dan huwa wirt għal Malta kollha, mhux wirt għan-Nazzjonalisti biss, wirt għal Malta kollha għaliex f’Malta għandna dawn iż-żewġ partiti kbar, ewlenin, illi bejnietna rridu, kif għamilna fl-imgħoddi, inkomplu nħaddnu d-demokrazija Parlamentari f’pajjiżna. U għalhekk, dan wirt ukoll. Kien ukoll bniedem ta’ konvinzjonijiet insara, ilkoll għandna d-difetti tagħna, hu ukoll kellu d-difetti tiegħu, imma jien niftakar f’diversi ċirkostanzi diffiċli, meta jkun hemm id-deċiżjonijiet kbar x’jittieħdu, meta wieħed ma jarax il-futur ċar biżżejjed u jkollu jiddeċiedi ,u kien igħidilna: “Taqtgħux qalbkom, emmnu fil-provvidenza”. Kien bniedem li jara ‘l bogħod, kien jara ‘l bogħod ħafna u forsi dan kien wieħed mill-meriti kbar tiegħu. Issa Dr Borg Olivier m’għadux aktar magħna; aħna nemmnu li mar għal ħajja aħjar u d-dover tagħna huwa li nirringrazzjawh ta’ dak kollu li għamel għall-pajjiż. Dawn huma s-sentimenti tagħna f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ niket għalina. Nirringrazzjawh għal dak kollu li għamel għall-pajjiżna. U naturalment, jien nassoċja ruħi mal-Ministru Brincat fil-kondoljanzi li għandna nagħtu lill-familja tiegħu.

Qabel ma nispiċċa, Mr Speaker, irrid ngħid illi minn din in-naħa tal-Kamra aħna apprezzajna ħafna l-ġest tal-Gvern illi lil Dr George Borg Olivier taħ funeral statali Appezzajnih ħafna dak, Mr Speaker, kif apprezzajna wkoll il-preżenza, fil-funeral statali, tal-President tar-Repubblika, tal-Prim Ministru u diversi Ministri u Membri Parlamentari tan-naħa l-oħra, tas-Sinjorija Tiegħek u tant fost il-poplu li ħadu parti f’ dan il-funeral. Il-Ministru Brincat bil-bidu tad-diskors tiegħu semma xi inċidenti. Jiena qrajt f’gazzetta, rapport dwar inċidenti u bil-qawwa kollha aħna niddeploraw dawn l-inċidenti li ġraw. Bil-qawwa kollha niddeploraw għax jien, nerġa ngħid, dak kien funeral illi assista għalih il-poplu Malti, dak kien funeral illi n-niket li ntwera fih kien in-niket tal-poplu Malti : u min f’ċirkostanzi bħal dawk jintilef jabbuża, naturalment ma jistax wieħed jagħmel ħaġa oħra ħlief jikkundannaħ. Jien ċert illi dan il-Parlament illum ġarrab telfa kbira; mhux faċli illi nissostitwixxu ġentlom bħal Dr Borg Olivier, Ma naqtgħux qalbna, imma ,kif għidt għax il-memorja tiegħu lilna timlina b’kuraġġ u l-wegħda tagħna hi li nimxu fuq il-passi li wriena hu ( Applaws).

MR SPEAKER (Onor. Calcidon Agius): Jiena wara dawn iż-żewġ diskorsi sbieħ li saru kemm mill-Ministru Brincat u kemm mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, m’ għandix x’inżid ħlief li nista’ ngħid li kemm ili nokkupa din is-Sedja, rajt l-akbar rispett u qima minn dan ir-raġel, li qatta’ ħajtu fit-tribulazzjonijiet li toffri l-ħajja politika. U ma jistax jonqos li ningħaqad kemm man-naħa tal-Gvern, kemm man-naħa ta’ l-Oppożizzjoni, biex jiena stess inwassal il-kondoljazi kif espressi mill-Kamra.

Nixtieq ngħarraf ukoll illi s-Sedja rċeviet mingħand is-Sur Attard Bezzina, l-Ambaxxatur f’ Bonn, messaġġ ta’ kondoljanzi dwar il-mewt ta’ l-Onor. George Borg Olivier biex dawn ukoll jitwasslu lill-familjari tiegħu.

L-Onor. Paolo Borg Olivier. ( Onor. Membri: Hear, hear ) (Applaws)

ONOR. PAOLO BORG OLIVIER: Mr. Speaker, jien m’inhix se nitkellem bħala politiku, bħala Membru tal-Kamra, imma jien se nitkellem bħala membru tal-familja ta’ George, biex nirringrazzja lill-Kamra, lis-Sedja u lill-Gvern tal-kondoljanzi u tal-passi li ħadu biex jagħtu l-aħħar rispetti u l-aħħar tislima lil ħija li għalkemm kien hija ż-żgħi, ħafna drabi kien iġegħelni nammirah u nirrispettah kważi bħala ħoja l-kbir. Imma din kienet id-diżgrazzja tiegħi, illi narah iħalli, qabel ħallejt jien. Nerġa’ mill-ġdid nirringrazzjakom.

Bħalma għamel il-Kap ta’ din in-naħ, niddeplora ħafna l-inċidenti li setghu nqalgħu. Jiena fortunatament ma kontx preżenti. Ma rajthomx, ma smajthomx, imma niddeplorahom għaliex dawn affarijiet li juru nuqqas mhux biss ta’ karita’ imma anke ta’ ċivilta’. Nerġa’ nirrepeti r-ringrazzjamenti tiegħi lis-Sedja, lill-Gvern, lill-Kamra u lill kulħadd. (Applaws)

MR SPEAKER: Min jissekonda l-proposta tal-Ministru tal-Ġustizzja biex il-Kamra taġġorna?

ONOR. EDWARD FENECH ADAMI (Onor. Kap ta’ l-Oppożizzjoni): Jien.

MR SPEAKER: L-Onor. Kap ta’ L-Oppożizzjoni qiegħed jissekonda l-proposta.

Mela, skond il-ftehim li sar, il-Kamra tinsab aġġornata b’qima lejn il-mejjet Borg Olivier għal għada t-Tlieta, 4 ta’ Novembru, fis-5.45 p.m. bl-istess agenda ta’ llum.

Electoral History

First Legislature (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.02.1962
Oath of Allegiance: 26.04.1962
Dissolution of Parliament: 15.02.1966
Positions
Sworn in as Prime Minister and Minister of Economic Planning and Finance - 03.03.1962
Dissolution of Parliament: 15.02.1966
Second Legislature (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 31.03.1966
Oath of Allegiance: 23.05.1966
Dissolution of Parliament: 24.04.1971
Positions
Sworn in as Prime Minister - 31.03.1966
Dissolution of Parliament: 24.04.1971
Third Legislature (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 17.06.1971
Oath of Allegiance: 16.08.1971
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Positions
Sworn in as Leader of the Opposition - 17.06.1971
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 25.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
- 11.04.1977
Positions
Sworn in as Leader of the Opposition - 25.09.1976
Ceased: 11.04.1977