Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 370 tal-Ħames Parlament tal-21 ta' Lulju 1986
KONDOLJANZI
ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, kif taf il-Kamra nhar il-Ġimgħa li għaddiet miet it-Tabib Pawlu Borg Olivier li kien Membru ta' din il-Kamra għal żmien twil ħafna. Infatti kien dejjem Membru ta' din il-Kamra bejn l-1962 u l-1981. Barra milli kien Membru ta' din il-Kamra, Dr Paolo Borg Olivier kien ukoll jokkupa għal diversi snin karigi Ministerjali, fosthom dik ta' Ministru tas-Saħħa bejn l-1962 u l-1971. Lit-Tabib Pawlu Borg Olivier nafu hawnhekk personalment u kont nafu anke qabel ma kien Membru, u anke qabel ma jien kont qiegħed Membru ta' din il-Kamra. Kien jieħu parti mhux tgħid attivissima - qiegħed nitkellem għaż-żmien, għax hekk nafu jien hawn f'din il-Kamra meta ma kienx Ministru - kien jieħu pero' parti f'diversi kwestjonijiet ta' importanza. Naturalment meta kien Ministru kien bilfors biex jaqdi d-doveri tiegħu sewwa jrid jieħu parti attiva wkoll biex ikun jista' jmexxi u jaqdi d-dmirijiet tiegħu u l-funzjonijiet tiegħu ministerjali.
Għal dak li huwa bħala persuna barra minn dan il-Parlament, Dr Borg Olivier kien bniedem kwiet, ferrieħi ħafna u kellu sense of humour illi wieħed jista' jirrakkonta ħafna okkażjonijiet fejn kien jispikka dan is-sens of humour kbir tiegħu. Kien persuna intelliġenti, persuna onestissima, u safejn naf jien, bin-natural tiegu diffiċli kien jagħmel għedewwa anke fost l-avversarji politiċi tiegħu. Dr Borg Olivier, kif taf il-Kamra, kien jiġi wkoll hu Dr Giorgio Borg Oliver, l-ex-Prim Ministru.
Dr Pawlu ħalla jibku t-telfa tiegħu lit-tliet uliedu, li huma Paolo, Anton u Patri Oliver, għax il-mara tiegħu kienet mietet qablu. Mr Speaker, jien għan-nom ta' din in-naħa tal-Kamra nixtieq nesprimi s-sogħba tagħna għat-telfa kbira li sofriet il-familja tiegħu, tat-Tabib Borg Olivier, u nixtieq illi f'isem din in-naħa nitlob lis-Sinjorija Tiegħek li twassal lill-familja tiegħu l-kondoljanzi tagħna għal din it-telfa hekk kbira.
ONOR. EDWARD FENECH ADAMI (Kap tal-Oppożizzjoni): Mr Speaker, jien nassoċja ruħi ma' dak li għadu kif qal il-Ministru u nitlob lis-Sinjorija Tiegħek illi f'isem din in-naħa tal-Kamra wkoll tibgħat il-kondoljanzi lill-familjari ta' Dr Paolo Borg Olivier. Naħseb li Dr Paolo Borg Olivier, jekk wieħed iħares lejn il-personalita' tiegħu, wieħed bilfors jammira u jfakkar il-kwalitajiet umani tiegħu, li wriehom kemm fil-perjodu li għamel fil-politika, li fiha daħal pjuttost tard fil-ħajja, u kemm fil-ħajja tiegħu kollha, partikolarment bħala tabib.
Lili, li twelidt u li noqgħod Birkirkara, dejjem kien jirrakkontali kif meta ġie Birkirkara bħala D.M.O. minn Ħaż-Żabbar - proprju waħda mill-ewwel viżisti li għamel kient il-familja tiegħi - kelli sentejn u kienet għadha kif twieldet oħti ta' warajja. U dejjem kien jirrakkonta kif kien iħares lejn il-professjoni tiegħu. Proprju l-kwalitajiet umani tiegħu, ta' servizz li pprova jagħti, servizz bħala tabib u servizz ukoll bħala politiku. Kien igħid - u jien dejjem emmintu, u naf mill-esperjenza li hu hekk - li qatt ma kien hemm każ ta' xi ħadd li mar għalih bħala tabib igħidlu: 'Ejja malajr id-dar' u hu qallu: 'Ma nistax'. Kien igħid: 'Dan ma jistax ikun; int qiegħed hemm għas-servizz anke jekk ħafna drabi jirriżulta li ma jkunx għajr paniku fil-familja'. Pero' kien igħid: 'Jien qatt ma ssugrajt ma mmurx meta jgħajtuli biex ninvista lil xi ħadd'. U proprju naħseb din hi l-karatteristika tiegħu - l-interess dejjem tiegħu fil-bżonnijiet tan-nies ta' madwaru. Ħaġa li kellu opportunita' jkompliha u jwettaqha wkoll kemm dan fil-politika bejn l-1962 u l-1981, meta kien Membru ta' dan il-Parlament, u Ministru wkoll. Kwalitajiet oħra li diġa' semma l-Ministru Cassar: Kien bniedem verament onest, kien bniedem verament umli - dan ngħidu jien ukoll.
Għalkemm kien bniedem ta' kultura, kien bniedem kolt, pero' kellu l-umilta', kien jaf jikkommunika man-nies. Karatteristika oħra li żgur tispikka kienet li kien bniedem ċajtier - kollu s-sense of humour li semma d-Deputat Prim Ministru. Kien kontinwament, kemm barra dan il-Parlament, kif ukoll fil-Parlament, partikolarment fil-lobby, jitħallat ma' kulħadd, il-ħin kollu cracking jokes. Din kienet forsi l-forte tiegħu anke meta kien ikun hawn mumenti ta' tensjoni kif dejjem ikun hawn fil-ħajja pubblika - donnu, kien il-bniedem illi bis-sense of humour tiegħu kien ikun kapaċi sitwazzjoni diffiċli jirrendiha aktar aċċettabbli.
J'Alla l-politiċi kollha li kellhom minn dawn il-kwalitajiet tiegħu ta' onesta', ta' integrita' u ta' servizz lill-poplu illi huwa ta. Nerġa' ngħid għan-nom ta' l-Oppożizzjoni nestendi l-kondoljanzi tagħna lill-familja tiegħu.
MR SPEAKER (Onor Paul Xuereb): Bħal dejjem jien jiddispjaċini ħafna b'kull aħbar ta' mewt, kienet ta' min kienet. Imma, naturali, l-aħbar ta' mwiet ta' nies li nkun nafhom ħafna - partikolarment jekk ikunu Membri jew ex-Membri ta' dan il-Parlament fejn jien qattajt parti sewwa minn ħajti - toloqtni iżjed fil-laħam il-ħaj. Bi sforz, imbagħad, nintebaħ li kull min ħa l-ħajja jrid jieħu l-mewt, imma l-mewt għal min jemmen fil-ħajja eterna ma tfissirx għajr tmiem ta' stat u twelild fi stat ieħor. Dr Paul Borg Olivier bniedem ċajtier, bniedem li xogħlu kien li jgħin biex ifejjaq lin-nies minn kull gwaj ta' mard, kien żgur jemmen f'din il-ħajja l-oħra, u għalhekk il-mewt għalih ma kienet xejn aktar ħlief ħruġ mill-ħajja li nafu u dħul f'ħajja oħra ġdida u misterjuża. Ningħaqad mal-Ministru Joseph Cassar, Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet tal-Parlament u ma' l-Onor. Eddie Fenech Adami, Kap ta' l-Oppożizzjoni fis-sentimenti tagħhom lejn l-ex-kollega tagħna, Dr Pawlu Borg Olivier, u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra jwassal dawn il-kondoljanzi tagħha llill-familjari tiegħu.
Elected on: | 18.02.1962 |
Oath of Allegiance: | 26.04.1962 |
Dissolution of Parliament: | 15.02.1966 |
Sworn in as Minister of Health - 05.03.1962 |
Dissolution of Parliament: 15.02.1966 |
Elected on: | 31.03.1966 |
Oath of Allegiance: | 25.04.1966 |
Dissolution of Parliament: | 24.04.1971 |
Sworn in as Minister of Education, Culture and Tourism - 07.04.1966 |
Dissolution of Parliament: 24.04.1971 |
Elected on: | 17.06.1971 |
Oath of Allegiance: | 16.08.1971 |
Dissolution of Parliament: | 13.08.1976 |
Elected on: | 04.10.1976 |
Oath of Allegiance: | 24.11.1976 |
Dissolution of Parliament: | 09.11.1981 |