Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Piju Busuttil

Back to List

Condolences (13 Jan 2001)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 467 tad-Disa' Parlament tal-15 ta' Jannar 2001

KONDOLJANZI

ONOR. LAWRENCE GONZI: Mr Speaker, nhar is-Sibt, 13 ta’ Jannar, 2001 tħabbret il-mewt tal-Perit Piju Busuttil fl-eta’ relattivament żgħira ta’ 53 sena. Għal min jiftakar l-istorja parlamentari ta’ dawn l-aħħar 20 sena, il-Perit Busuttil kien okkupa siġġu parlamentari fl-1982. Kienet saret elezzjoni każwali u b’riżultat ta’ dik l-elezzjoni, Piju Busuttil kien ġie elett f’din il-Kamra fuq in-naħa tal-Partit Laburista, tal-gvern ta’ dak iż-żmien, u okkupa siġġu parlamentari fil-leġislatura li mbagħad baqgħet sejra sa l-1987. Jiġifieri l-Perit Busuttil okkupa l-kariga ta’ deputat parlamentari prattikament għal ħames snin.

Jiena lil Piju Busuttil ma kontx nafu dak iż-żmien imma sirt nafu tista’ tgħid f’dawn l-aħħar snin u sirt nafu bħala bniedem dħuli, b’dik it-tbissima fuq fommu u stajt nara fih il-personalita’ ta’ individwu li l-ħajja jeħodha b’ċerta dedikazzjoni, mhux biss fil-vokazzjoni tiegħu bħala perit imma m’għandix dubju wkoll fil-qasam politiku. Jien informat li Piju Busuttil fil-fatt kien ilu għal ċertu numru ta’ snin juri l-impenn politiku tiegħu fuq livell nazzjonali - fil-fatt ikkontesta l-elezzjonijiet kważi kollha li seħħew mill-1981 sa l-1992 - u naħseb li huwa xieraq li f’din il-Kamra aħna kollha bħala deputati nirrikonoxxu l-kontribut li persuna tkun tat f’ħajjitha lill-istituzzjoni parlamentari u allura lill-pajjiż kollu kemm hu.

F’dan il-kuntest, f’isem il-kollegi sħabi ta’ din in-naħa - u m’għandix dubju wkoll f’isem id-deputati taż-żewġ naħat tal-Kamra - ningħaqad f'espressjoni ta’ sogħba f’dan il-mument ta' niket u nieħu l-opportunita’ biex inwassal il-kondoljanzi lill-familjari ta' Piju Busuttil.

MR SPEAKER: L-Onor. George Vella.

ONOR. GEORGE VELLA: Mr Speaker, għan-nom ta’ din in-naħa nixtieq jien ukoll nassoċja ruħi ma’ dak kollu li qal il-kollega tiegħi rigward Piju Busuttil, li kuntrarju għal ċerti drabi meta nqumu biex nagħtu l-kondoljanzi, din id-darba nista’ ngħid li kien bniedem li nafu ħafna, nafu jitrabba, nafu jikber, bniedem miż-Żejtun, li eventwalment imbagħad kiber ġo Bormla, pero’ bniedem li nista’ ngħid li kemm fuq livell professjonali kif ukoll fuq livell personali, dejjem bħalma qal l-Onor. Gonzi, kien b’dik it-tbissima, kalm, jieħu l-affarijiet bil-kwiet u qatt ma tarah jitlef il-boxxla. Jien naf lill-familja ta’ Piju Busuttil, naf lil ħutu kollha, nafu jitrabba u mbagħad meta eventwalment minn Bormla marru joqogħdu San Tumas, għamilna snin twal anke ħbieb intimi flimkien, niġru flimkien - għalkemm kien iċken minni - konna ħbieb ħafna, imma aktar u aktar imbagħad meta daħal fil-kamp politiku.

Fil-kamp politiku Piju Busuttil qatt ma kellu pretenzjonijiet kbar, qatt ma telagħlu għal rasu. Kien bniedem umli, bniedem approachable ħafna u nista’ ngħid li anke mil-lat professjonali min jaf kemm ġieli rriferejtlu nies li kien jittrattahom bl-ikbar karita’, bl-ikbar modrija u anke bl-ikbar professjonalita’. L-aħħar li niftakar li kelli kuntatt fit-tul ma’ Piju kien proprju meta kont ministru, fejn kien jiġi jirrappreżenta lill-kamra tal-periti, meta konna qed nagħmlu dawk l-emendi illi eventwalment ressaqna quddiem din il-Kamra għar-regoli tal-planning authority.

Jiena m’għandix dubju li l-mewt ta’ Piju ħarbtet ħafna nies u meta ċemplitli oħtu Juliette kmieni filgħodu biex tgħidli x’ġara, xi ħaġa li wieħed ma stennihiex, pero’ ovvjament din hija l-ħajja u wieħed irid assolutament jiffaċċja dak li jiġri. Għalhekk f’isem din in-naħa u flimkien mal-kondoljanzi li għadda l-kollega tiegħi, nixtieq li f’ismi, f’isem ukoll il-familja tiegħi u l-oppożizzjoni kollha, inwassal is-sogħba tagħna lill-familja kollha ta’ Piju, lil martu, liż-żewġt itfal li għandu, lil ħutu u anke l-qraba li għandu, li ovvjament nafhom kollha personalment.

MR SPEAKER: Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti ta’ sogħba murija għall-mewt ta’ l-ex-kollega tagħna, il-Perit Piju Busuttil, u titlob lill-Iskrivan tal-Kamra jwassal il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu. Grazzi.

Electoral History

Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 09.01.1982
Oath of Allegiance: 15.02.1982
Dissolution of Parliament: 13.02.1987