Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Carmelo Buttigieg

Back to List
Carmelo Buttigieg  

Commemoration Booklet

TIFKIRA TA’ CARMELO BUTTIGIEG FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI 

PARLAMENT TA’ MALTA


13 ta'  LULJU 1943 - 12 ta’ LULJU 2019

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn

L-24 ta’ Novembru 1976 u t-13 ta’ Frar 1987

Carmelo Buttigieg (Il-Fratell)

Ġurament ta' Lealtà

L-EWWEL DISKORS TA’ CARMELO BUTTIGIEG FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

L-EWWEL MISTOQSIJIET PARLAMENTARI MAGĦMULA
MILL-ONOR. CARMELO BUTTIGIEG

IR-RABA’ LEĠIŻLATURA

SEDUTA NUMRU 5 - 6 TA’ DIĊEMBRU 1976


BDIEWA, SAJJIEDA U AMMONT TA' RABA' F'MALTA U GĦAWDEX

61. L-ONOR. CARMELO BUTTIGIEG staqsa lill-Ministru tal-Industrija, Sajd u Agrikoltura: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa u sajjieda f'Malta u f'Għawdex? Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn raba' li jista' jinħadem f'Malta u Għawdex u kemm hawn jinħadem? Jista' l-Ministru jgħid kemm irid ikollu raba' bidwi b'familja ta' erba' persuni biex ikun jista' jgħix mhux ħażin?

ONOR. DANNY CREMONA: L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru fl-ewwel u t-tieni parti tal-mistoqsija hija kif tidher hawn taħt:

Dettall                          Malta             Għawdex             Total

Bdiewa
whole-time                    4,257               1,444              5,701
part-time                       7,428               2,264              9,692

Sajjieda
whole-time                      259                  118                 337
part-time                        327                    49                  376

Raba'                            (tmien)             (tmien)           (tmien)
Bagħli                            85,492             21,675           107,167
Saqwi                              4,303               367               4,670
Nofs Saqwi                       1,241                71                1,312
Mogħxa                          14,170              1,992            16,162

M’hemm l-ebda formola fissa li twassal għat-tagħrif mitlub fl-aħħar parti tal-mistoqsija għax dan jiddependi minn diversi fatturi li bilfors ikunu jvarjaw minn każ għal każ, bħal, ngħidu aħna, l-uċuħ imkabbra, hemmx serer, siġar tal-frott, bhejjem u tjur, eċċ.


GĦAWDEX: XAGĦRA/XEWKIJA - PLOTS TAL-GVERN

62. L-ONOR. CARMELO BUTTIGIEG staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Artijiet, Djar u Affarijiet tal-Parlament: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jerġgħu joħorġu plots tal-Gvern għall-bini ta' djar, fl-irħula tax-Xagħra u x-Xewkija, Għawdex?

ONOR. JOSEPH CASSAR: L-għoti tal-plots tal-Gvern għall-bini ta' djar fl-irħula tax-Xagħra u x-Xewkija, Għawdex jiġi kkunsidrat ma' proġetti oħra ta' bini ta' djar fl-isfond tal-programm elettorali.


INDUSTRIAL ESTATE TAX-XEWKIJA - ĦADDIEMA

63. L-ONOR. CARMELO BUTTIGIEG staqsa lill-Ministru tax-Xogħol, Għajnuna Soċjali u Kultura: Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema fl-industrial estate tax-Xewkija fl-1971 u n-numru ta' ħaddiema fl-1976?

ONOR. AGATHA BARBARA: F'Diċembru tal-1971 in-numru ta' ħaddiema fl-estate industrijali tax-Xewkija kien 400. Illum hemm 1,602 ħaddiem.

 

 

 

 

IL-ĦAMES LEĠIŻLATURA

KUMITAT TAL-PARLAMENT DWAR GĦAWDEX

LAQGĦA NUMRU 1 - 16 TA’ DIĊEMBRU 1983


ĦATRA TA’ SEGRETARJU

IĊ-CHAIRMAN: Issa ngħaddi għall-ewwel item tal-aġenda li hija l-ħatra ta’ Segretarju ta’ dan il-Kumitat, li l-arranġament hu li jkun wieħed minn fost il-Membri Parlamentari tal-Gvern u li jkun jokkupa din il-kariga u jaqdi dan ix-xogħol għal sena. Jien nitlob li ssir in-nomina ta’ Segretarju ta’ dan il-Kumitat.

ONOR. LINO DEBONO: Mr Chairman, nipproponi lil sieħbi, l-Onor. Carmelo Buttigieg, bħala Segretarju ta’ dan il-Kumitat.

IĊ-CHAIRMAN: M’hawnx nomina oħra u għalhekk għandi pjaċir illi niddikjara lill-Onor. Carmelo Buttigieg bħala l-ewwel Segretarju ta’ dan l-ewwel Kumitat tal-Parlament dwar Għawdex u hu jkun jista’ jagħmel xogħol ta’ segretarju għal sena.

L-Onor. Carmelo Buttigieg ġie maħtur Segretarju tal-Kumitat.

ONOR. CARMELO BUTTIGIEG: Nirringrazzja lil sieħbi, l-Onor. Lino Debono, u nixtieq ngħid li se nagħmel mill-aħjar li nista’ biex fil-qadi ta’ dmiri nissodisfa l-fiduċja li wera fija kemm hu u kemm int, Mr Chairman.

MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI

IĊ-CHAIRMAN: Ngħaddu mal-ewwel għad-diskussjoni ta’ din il-laqgħa tal-lejla u nitlob lir-rappreżentanti ta’ Għawdex biex jiftħu d-dibattitu.

ONOR. CARMELO BUTTIGIEG: Mr Chairman, fejn tidħol il-gżira ta’ Għawdex u fejn jidħol il-poplu Għawdxi, il-partit tagħna jinsab ferm ’il bogħod mill-partit l-ieħor. Huma jitkellmu bħallikieku l-gżira tagħna ta’ Għawdex tinsab ħafna u ħafna ’l bogħod minn Malta. Jitkellmu bħallikieku l-poplu Għawdxi huwa differenti minn dak ta’ Malta, tant li kemm kemm nifhmu lil xulxin, bħallikieku aħna għandna xi lingwa oħra għalina. Min-naħa tagħna, aħna ngħidu u nemmnu li Għawdex huwa parti min-nazzjon Malti, li m’hemmx differenza bejn il-poplu ta’ Għawdex u l-poplu ta’ Malta, li d-distrett ta’ Għawdex huwa bħal wieħed mid-distretti ta’ Malta. Nifhmu u nemmnu wkoll li aħna għandna d-diffikultajiet tagħna, bħalma distrett f’Malta għandu l-problemi tiegħu. Jekk distrett f’Malta, pereżempju, għandu problema ta’ housing u aħna nistgħu ngħidu li f’Għawdex m’għandniex din il-problema, xorta jibqa’ l-fatt li għandna l-problemi tagħna. L-akbar differenza bejn il-partit tagħna u l-partit tagħhom hija li dawn qatt ma taw kas il-gżira ta’ Għawdex, qatt ma ħasbu verament fil-bżonnijiet u fin-nuqqasijiet tagħna l-Għawdxin, bħal meta qabdu u għamlu distillatur f’Għawdex biex taparsi jaħsbu għall-problema tal-ilma. Aħna pprovajna, kemm ilna fil-Gvern, li f’Għawdex ma jkollniex problema tal-ilma. F’Għawdex m’għandniex problema tal-ilma, anzi għandna ħafna ilma. Tant hu hekk, li f’dawn l-aħħar snin ippompjajna miljuni ta’ glalen lejn Malta. Allura għalfejn sar dan id-distillatur, jien ma nistax nifhem. Però dan nitkellmu dwaru meta ċ-chairman ikun il-Ministru kkonċernat. Kull meta saret xi ħaġa f’Għawdex, din dejjem saret mill-Partit Laburista.

Qabel l-aħħar elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista ħareġ bil-ħrafa li jekk jitilgħu fil-gvern – nerġa’ ngħid, “jekk jitilgħu fil-Gvern” – huma jagħmlu Ministru għal Għawdex. Din ma kienet xejn ħlief gimmick biex jidħku bl-Għawdxin, biex jirbħu l-voti tagħhom. L-ewwel nett dawn kienu jafu li mingħajr id-dnub il-mejjet qatt ma kellhom ċans li jkunu fil-gvern. U t-tieni nett, allavolja kienu għenuhom il-qassisin, anke fl-aħħar elezzjoni – kienu qagħdu jħabbtu l-bibien u għamlu minn kollox biex jgħinuhom – xorta waħda dawn kienu jafu li l-partit tagħhom mingħajr l-għajnuna tal-Knisja, mingħajr l-għajnuna tad-dnub il-mejjet, qatt ma setgħu jkunu fil-gvern. Jien nistaqsi: Jekk riedu jagħmlu Ministru għal Għawdex, għax ma għamluhx bejn l-1962 u l-1966, meta l-Partit Laburista lanqas rappreżentant wieħed Għawdxi ma kellu fl-Oppożizzjoni minħabba d-dnub il-mejjet?! Għax ma għamluhx bejn l-1966 u l-1971 meta dakinhar il-Partit Laburista – nerġa’ ngħid, minħabba d-dnub il-mejjet – tella’ rappreżentant wieħed biss Laburista minn Għawdex, dejjem minħabba l-għajnuna tal-Knisja! Jien nistaqsi: Din l-idea ta’ Ministru għal Għawdex ... Kif seta’ jaħdem dan il-Ministru għal Għawdex? Għax huma qabdu u tefgħu din il-kelma li se jagħmlu Ministru għal Għawdex u ma qalu xejn dwaru. Nistaqsi jien: Jekk, pereżempju, bdiewa jew sajjieda jmorru fejn dan il-Ministru għal Għawdex u jgħidulu dwar il-problemi tagħhom, problemi tal-biedja, problemi tas-sajd, dan jirreferihom lill-Ministru kkonċernat, jiġifieri l-Ministru tal-Biedja u Sajd? Dan x’kien se jgħid, x’kien se jagħmel? Jien, għalija, din tal-Ministru għal Għawdex min-naħa tagħhom ma kienet xejn ħlief biex forsi jimbuttaw lil xi ħadd u biex jisirqu l-voti. Jien, min-naħa tiegħi u naħseb min-naħa ta’ sieħbi wkoll, din tal-Ministru għal Għawdex ma kienet xejn ħlief biex jagħmlu diskriminazzjoni bejn il-poplu Għawdxi jekk allaħares qatt jitilgħu huma! Infisser ruħi. Diskriminazzjoni bejn min hu Laburist u min hu Nazzjonalist. Qed ngħid hekk għax jien naf b’każi u smajna b’wegħdi li huma għamlu lil ċerti individwi fejn qalulhom: Lilek se nagħmlek in charge minn dan id-dipartiment, lilek se nagħmlek in charge minn dan id-dipartiment l-ieħor u ħafna affarijiet minn dawn. Saħansitra wegħdu – smajna, u għandna l-provi ta’ dan – lill-ġuvintur: Lilek, l-għada li nitilgħu fil-gvern se ndaħħluk skrivan il-bank. Jien mingħand dawn kollox nistenna u jista’ jkun li kieku, nerġa’ ngħid, allaħares qatt telgħu huma, konna nerġgħu niġu għaż-żmien tas-snin sittin fejn biex tidħol il-bank jew inkella tieħu impjieg trid tkun tas-Sur Toninu jew tas-Sur Franġisk jew tas-Sur xi ħadd, għax hekk kienet fi żmienhom! Ara min-naħa tagħna, aħna dejjem tajna ċ-ċans u dejjem ippriedkajna li l-opportunità tkun għal kulħadd, li min ħaqqu dan il-job u min hu kapaċi jieħdu. Huma qatt m’għamlu xejn għal Għawdex. Però aktar ma jgħaddi ż-żmien aħna nkunu nistgħu nipprovaw, kemm jien u kemm sieħbi, kemm verament rigward il-gżira Għawdxija, jekk saret xi ħaġa, dejjem saret min-naħa tal-Partit Laburista.


Min-naħa tagħna, aħna qabel l-elezzjoni għidna, għax hekk nemmnu wkoll, li nagħmlu Kumitat għal Għawdex. Kif għidt int, Mr Chairman, dan il-Kumitat se jkun kompost mill-ħames membri parlamentari Għawdxin, jiġifieri mhux mill-Membri Parlamentari Laburisti biss iżda mit-tlieta l-oħra tan-naħa tagħhom ukoll. Kif nifhmuha aħna u kif jifhimha l-partit tagħna, ħadd ma jaf dwar il-problemi ta’ Għawdex u tal-poplu Għawdxi daqs ir-rappreżentanti tagħhom. Issa ġara li r-rappreżentanti Nazzjonalisti tal-poplu Għawdxi, li huma tlieta, mhumiex hawn. Din tax-xandir għalina mhi xejn ħlief skuża, għax li kieku qegħdin hawn, jekk se ndumu siegħa, siegħa u nofs jew sagħtejn, aħna konna naqsmu l-ħin bejnietna; jekk aħna nieħdu tliet kwarti, huma jieħdu tliet kwarti u jekk aħna nieħdu nofs siegħa, huma jieħdu nofs siegħa. Din, nerġa’ ngħid, mhix skuża u jien ngħid li l-unika raġuni għaliex ma ġewx hawn hija li dawn qatt ma kellhom għal qalbhom l-interessi tal-poplu Għawdxi. Li kien hekk, kieku posthom qiegħed hawn u mhux f’xi kantuniera biex joħorġu l-gideb u l-ħdura tagħhom lejn il-partit tagħna, il-Partit Soċjalista. Jien nispera li ta’ dan, il-poplu Għawdxi għandu jistmerrhom għaliex, nerġa’ ngħid, xogħolhom u dmirhom messu ħeġġiġhom li jiġu hawn u mhux jitħallsu ta’ xejn.

Jien issa ilni xi seba’ snin fuq in-naħa tal-Gvern u kemm-il darba smajt lill-Oppożizzjoni titkellem. Però li laqatni huwa li għalkemm dawn jilmentaw fuq kollox, dawn qatt ma lmentaw dwar uffiċjali tal-Gvern, dawn qatt ma lmentaw dwar jekk dak l-iskrivan hux jagħmel dmiru jew le. Jien nista’ naħseb għaliex, bħalma jaf il-poplu Għawdxi. Kulħadd jaf għaliex dawn qatt ma lmentaw fuq hekk u nispera li sħabi l-Maltin jifhmuni, għaliex din hija sitwazzjoni li nispera li ’l quddiem, bis-saħħa ta’ dan il-Kumitat, nirranġawha.

Ħalli nfisser ruħi aħjar dwar dan li qed ngħid. Jien ma nistax nifhem kif, pereżempju, skrivan jintbagħat minn Malta, jidħol jaħdem ġo uffiċċju u jibqa’ hemm għal għomru, donnu xtrah dak il-post. Wisq nibża’ li meta jiġri hekk peress li Għawdex huwa żgħir u l-poplu mhux kbir bħal dak ta’ Malta, allura meta uffiċjal ikun f’dipartiment jidra n-nies, u huma jidraw lilu. U mhux jidrahom biss, imma jidra x’jieklu, x’ħin jorqdu, x’ħin iqumu, x’jifhmu, x’ingravati jilbsu, jekk l-ingravata hix ta’ dan il-kulur jew tal-kulur l-ieħor. U jista’ jkun li minħabba f’hekk ikun hemm l-abbużi. Jien, nerġa’ ngħid, nispera li ‘l quddiem nieħdu passi biex ma jkunx hemm lok ta’ abbużi għax mhux sewwa li uffiċjali tal-Gvern, peress li jkunu draw lin-nies, jafu minn liema raħal huma u jafu l-background kollu tagħhom, allura jekk wieħed jilbes ġakketta blu jinqeda mill-ewwel u jekk jilbes ġakketta ħamra jaqilgħulu msarnu biex forsi jinqeda. Jien naf li l-partit tagħna jifhem, u hekk nifhem jien ukoll, li l-opportunità għandha tkun l-istess għal kulħadd. Nispera, nerġa’ ngħid, li bis-saħħa ta’ dan il-Kumitat dawn l-affarijiet nirranġawhom biex kulħadd ikollu l-istess opportunità.

Jien għandi xi punti u suġġerimenti xi nressaq dwar il-Ministeru tiegħek, Mr Chairman, però dan se nagħmlu wara li sieħbi jagħmel id-diskors tiegħu. Grazzi, Mr Chairman.

 

Condolences (13 Jul 1943 - 12 Jul 2019)

ESTRATT MIS-SEDUTA PARLAMENTARI NRU 251 TAT-TLETTAX-IL PARLAMENT TAT-TLIETA, 8 TA’ OTTUBRU 2019

KONDOLJANZI

L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Ngħaddu għall-kondoljanzi. Illum il-Kamra se tfakkar żewġ persuni li ħallewna f’dawn l-aħħar tliet xhur. Nibda mill-ewwel bil-mewt tas-Sur Carmelo Buttigieg, li kien membru parlamentari Għawdxi bejn l-1976 u l-1987. Is-Sur Buttigieg ħalliena fit-12 ta’ Lulju 2019. Insejjaħ lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa biex jagħmel l-intervent tiegħu f’isem il-Gvern.

ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Nirringrazzjak. Sur President, illum qed nagħtu l-kondoljanzi lill-familjari, qraba u ħbieb tal-eks deputat Laburista Għawdxi Carmelo Buttigieg li miet kważi tliet xhur ilu meta konna weqfin għas-sajf, u allura din il-ġimgħa hija l-ewwel opportunità li għandna li nsellmu lil din il-persuna li tant ħadmet ġo dan il-Parlament. Ħafna nies, meta jisimgħuna nitkellmu fuq Carmelo Buttigieg forsi ma jkunux jafu għal min qed nirreferu. Dan mhux għax kien xi persuna li ma ħadimx jew ma kienx prominenti, imma għax l-Għawdxin kollha u ħafna mill-Maltin ma kenux jafuh bħala Carmelo Buttigieg imma bħala l-Fratell. Aħna kollha konna nafuh bħala l-Fratell. Meta nkellmuh ngħidulu Fratell. Naħseb li anke wara mewtu, llum f’din l-okkażjoni, se nsellmulu wkoll bħala l-Fratell.

Carmelo Buttigieg jew il-Fratell kien persuna bħal ħafna deputati taż-żewġ naħat Għawdxin li kien imur tajjeb ħafna mal-kostitwenti, kien jaf imur tajjeb ħafna man-nies. Jien kelli l-opportunità li ftit tax-xhur qabel mewtu sirt nafu sew għar-raġuni li kien dieħel u ħiereġ l-Isptarijiet tagħna f’Għawdex u Malta. Bla riżerva ngħid li kien bniedem simpatiku ħafna, persuna li jaf x’irid u ma kienx joqgħod jekk ma kienx konvint li qed jieħu l-aħjar. Jien nafu wkoll li mhux biss jinsisti biex jieħu dak li jrid għall-ġid tiegħu, imma jinsisti biex jieħu dak li għandhom bżonn il-kostitwenti tiegħu, partikolarment l-Għawdxin.

Il-Fratell kien membru parlamentari f’żewġ leġiżlazzjonijiet li ma kienux ħfief. Kien membru parlamentari fil-leġiżlatura ta’ bejn l-1976 u 1981, li kien żmien ta’ taqlib ekonomiku kbir, żmien fejn il-Gvern Laburista, li l-Fratell kien parti miegħu, kien iddeċieda li jibdel l-ekonomija tal-pajjiż minn ekonomija bbażata fuq servizz lejn bażi militari għal ekonomija bbażata fuq ix-xogħol tal-Maltin. Il-Fratell kien parti minn dak il-Gvern li ra din it-tranżizzjoni importanti imma mhux mingħajr kontroversja, li saret ġewwa pajjiżna.

Kien ukoll membru parlamentari fil-leġiżlatura ta’ wara, jiġifieri l-ħames leġiżlatura bejn l-1982 u l-1987, li kien żmien movimentat politikament. Kien hemm tibdil sinifikanti li baqa’ jkollu riperkussjonijiet fuq il-mod ta’ kif isiru l-elezzjonijiet u kif jiġu interpretati r-riżultati tal-elezzjonijiet ġewwa l-pajjiż. Il-Fratell kien parti minn dik l-istorja wkoll. Il-Fratell kien ukoll il-membru parlamentari li mexxa l-Kumitat parlamentari għal Għawdex li kien twaqqaf l-ewwel darba fil-ħames leġiżlatura. F’dan il-Parlament kien iġib ‘il quddiem l-interessi tal-kostitwenti Għawdxin. Illum ningħaqad f’ismi u f’isem il-familja tiegħi, f’isem il-grupp parlamentari Laburista, imma jien ċert f’isem mhux biss dan il-Parlament, imma l-poplu Għawdxi u Malti, biex nestendi l-kondoljanzi sinċieri lill-familja tiegħu, lill-ħbieb tiegħu, lill-Għawdxin u l-elettorat Malti kollu.

Jien ngħid li tlifna bniedem ġenwin, politiku li kien jaħseb l-ewwel fil-kostitwenti imbagħad fl-interessi tiegħu u nawgura li jkollna aktar politiċi li jimxu fuq l-eżempju li ħalla l-Fratell f’din il-Kamra. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Bħala Sedja ningħaqad magħkom fis-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal l-kondoljanzi lill-familja tas-Sur Carmelo Buttigieg.

L-ISPEAKER: L-Onor. Kevin Cutajar.

ONOR. KEVIN CUTAJAR: Sur President, kif qal qabli l-Onor. Fearne, illum iltqajna biex infakkru l-memorja tal-eks Membru Carmelo Buttigieg u biex nagħtu l-kondoljanzi lill-familljari tiegħu wara li ħalliena aktar kmieni dan is-sajf. Għaliex jien? Id-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista l-Onor. David Agius talabni nagħmel dan l-intervent minħabba raġuni waħda partikolari, għax jien ġej mill-istess raħal ta’ Carmelo Buttigieg. Carmelo Buttigieg kien daħal fil-Parlament meta jien kont għadni ma twelidtx, jiġifieri jien niftakru fil-Parlament meta kont għadni tifel żgħir. Nistqarr ma’ din ili-Kamra li ma nafx wisq dwar Carmelo Buttigieg speċjalment dwar il-karriera tiegħu fil-Parlament għax kont għadni tifel żgħir però dwaru smajt diversi affarijiet.

Sur President, ftit aktar kmieni din is-sena fakkarna l-memorja ta’ Louis Refalo. Għal min ma jafx, Louis Refalo u Carmelo Buttigieg t-tnejn ġejjin mir-raħal tiegħi, mix-Xagħra, Għawdex, u għal snin twal, għalkemm wieħed minn din in-naħa tal-Kamra u l-ieħor min-naħa l-oħra tal-Kamra, kienu jirrappreżentaw mhux biss ir-raħal tax-Xagħra imma wkoll lil Għawdex.

B’kumbinazzjoni t-tnejn li huma ġew nieqsa bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien u fi żmien meta jien, bniedem mix-Xagħra, dħalt fil-Parlament. Għalhekk huwa doveruż li jien bħala konċittadin tagħhom infakkarhom it-tnejn. Huwa għalhekk li jiena ħadt dan l-inkarigu.

Rigward Carmelo Buttigieg nista’ nsemmi dak li smajt għal ħafna drabi partikolarment minn Louis Refalo li kif għedt ħalliena ftit aktar kmieni din is-sena. Minkejja l-fehmiet politiċi differenti li seta’ jkollhom, minkejja li kienu ġejjin minn kampijiet politiċi differenti, kien hemm rispett u kordjalità bejniethom. Naturalment, mhux dejjem kienu jaqblu imma bħala persuni, bħala rappreżentanti tal-poplu kien hemm kordjalità bejniethom. Dan, almenu, dak li kien jgħidli l-mibki Louis Refalo dwar ir-relazzjoni ta’ bejniethom tul numru ta’ leġiżlaturi.

Carmelo Buttigieg bħar-rappreżentanti l-oħrajn ta’ Għawdex, ra kif għamel biex ikun ta’ kontribut għall-gżira Għawdxija, għall-elettorat Għawdxi, u peress li kien rappreżentant tal-elettorat, tkun xi ħaġa xierqa li dan il-Parlament ifakkar il-memorja tiegħu u jagħti l-kondoljanzi.

Nagħlaq billi f’isem l-Oppożizzjoni, peress li Carmelo Buttigieg kien rappreżentant tal-poplu, ngħaddi l-kondoljanzi lill-familjari tiegħu u jalla jkun hemm aktar rappreżentanti li jkomplu jservu lill-gżira Għawdxija u lill-pajjiż bħalma kien jagħmel Carmelo Buttigieg u rappreżentanti Għawdxin oħrajn f’dan il-Parlament. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Bħala Sedja ningħaqad magħkom fis-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familja tas-Sur Carmelo Buttigieg.

Curriculum Vitae



Married to Kathleen and have three sons together.

Education:
- Primary School: Xaghra
- Secondary School: Junior Lyceum, Victoria Gozo

Occupations and Appointments:

1973 - 1976:
Armed Forces of Malta

1976 - 1986:
Member of Parliament

1987 - 1997:
Manager in a Catering Establishment

Interests:
Painting, Football, Stamp Collecting

Electoral History

Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 25.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.12.1981
Oath of Allegiance: 15.02.1982
Dissolution of Parliament: 13.02.1987