Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 307 tas-Seba' Parlament tal-25 ta' Lulju 1994
KONDOLJANZI
ONOR. GUIDO DE MARCO (Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin): Sur President, għadna kemm sirna nafu bil-mewt tal-ħabib tagħna Anġlu Camilleri li kien deputat f'dan il-Parlament mill-inqas għal għaxar snin meta jiena wkoll kont deputat.
Mr Speaker, Anġlu Camilleri kien bniedem bi stil tiegħu proprju. Huwa kien deputat minn Għawdex, kien bniedem ta' sinċerita' kbira, kien bniedem li dak li għandu jgħidlek igħidulek, pero' dejjem taf fejn inti miegħu għaliex kien ġentlom u raġel ta' l-affari tiegħu. Huwa kien bniedem li jkellmek b'dik l-ampjezza li tii minn nies li għandhom is-sinċerita' fihom. Jiena jiddispjaċini li ma kontx naf bil-funeral tiegħu - sar il-bieraħ stess wara nofs inhar - għaliex sfortunatament sirt naf bil-mewt tiegħu dalgħodu u għalhekk ma stajniex nattendu, pero' għallinqas nistgħu nesprimu il-kondoljanzi tagħna, il-kondoljanzi għan-nom tal-Gvern u l-kondoljanzi għan-nom tal-pajjiż. Huwa qeda' dmiru b'serjeta' bħala deputat f'dan il-Parlament u nixtieq li lill-mara u lit-tfal tiegħu inwasslulhom il-kondoljanzi sinċieri tagħna.
MR SPEAKER: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Lill-Anġlu Camilleri se nsejjaħħlu l-Bedeq għaliex ninsab żgur li hekk jippreferi li nfakkruh hawn ġew. Huwa kien deputat ħabrieki, li xogħol tiegħu forsi jagħmlu b'fommu sieket imma jagħmlu bil-kbir fit-tradizzjoni ta' ħafna deputati Għawdxin. Huwa kien deputat li jistħoqqlu menzjoni speċjali anke fl-istorja politika ta' pajjiħna għaliex fil-qalba tas-snin sittin, il-Bedeq kien wieħed min-nies li ġie nterdett bil-kbir f'Għawdex u din bilfors li kienet esperjenza trawmatika għalih, pero' kienet ukoll esperjenza li żammitu fil-linji li dejjem baqa' jemmen fihom sa' l-aħħar. Dan għaliex effettivament fil-familja numeruża tiegħu, minkejja t-trawma ta' l-interdett fis-snin sittin f'nofs Għawdex - dak iż-żmien polarizzat b'mod enormi minn forzi reazzjonarji - xorta waħda kellu tnejn mit-tfal tiegħu li spiċċaw bil-vokazzjoni reliġjuża.
Il-Bedeq jistħoqqlu wkoll jissemma għall-mod kif fl-1971 jew fl-1972 irreżista waħda mill-aktar attentati korrotti li saru f'pajjiżna biex deputat tal-Kamra jinxtara ħalli jaqleb min-naħa għal oħra fl-eqqel żmien ta' diskussjonijiet tan-negozjati mal-Gvern Ingliż dwar il-bażi militari. Mhux biss il-Bedeq baqa' jżomm sod kontra din il-ħaġa imma fl-integrita' tiegġu, quddiem wieġed mill-aktar episodji drammatiċi fl-istorja politika ta' pajjiżna, wera li tabilħaqq il-prinċipji tiegħu, mhux biss reliġjużi imma anke politiċi, kienu sodi u sammi daqs il-blat żonqri ta' Għawdex.
Minn hawnhekk aħna nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familja numeruża tiegħu, lill-familjari numerużi tiegħu u lill-ħbieb kollha tiegħu u nassigurawhom li l-Bedeq jibqa' f'post speċjali fl-istorja politika ta' pajjiżna u jibqagħlu post importanti fil-qalb tal-Partit Laburista.
MR SPEAKER: Is-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra huma wkoll maqsumin mis-Sedja u s-Sedja tinkariga lill-Iskrivan tal-Kamra iwassal dawn il-kondoljanzi lill-familja tal-mibki Anġlu Camilleri.
Elected on: | 17.06.1971 |
Oath of Allegiance: | 16.08.1971 |
Dissolution of Parliament: | 13.08.1976 |
Elected on: | 25.09.1976 |
Oath of Allegiance: | 24.11.1976 |
Dissolution of Parliament: | 09.11.1981 |