Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Benny Camilleri

Back to List

Condolences (7 Jan 1983)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 78 tal-Ħames Parlament tas-7 ta' Frar 1983

KONDOLJANZI

ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, kif taf din il-Kamra waqt ir-"recess" ta' dan il-Parlament miet Dr. Benny Camilleri, proprju fis-7 ta' Jannar, ix-xahar li għadda. Benny Camilleri kien membru tal-Kamra fi tliet leġislaturi; Fil-Ħames Leġslatura taħt il-Kostituzzjoni ta' l-1947 bejn l-1955 u l-1958 u fl-Ewwel Leġislatura taħt il-Kostituzzjoni ta' l-1961, li tkompliet bħala l-Ewwel Parlament, jiġifieri bejn l-1962 u l-1966. F'dawn iż-żewġ leġislaturi Dr. Benny Camilleri rrappreżenta l-interess tal-Partit Nazzjonalista. Iżda wara l-1966 Dr. Benny Camilleri telaq mill-Partit Nazzjonalista u ħaddan il-Partit Soċjalista Malti, fejn ġie elett bħala membru ta' din il-Kamra bejn l-1976 u l-1981, fl-interess tal-Partit Soċjalista; u Dr. Benny Camilleri miet bħala membru tal-Partit Soċjalista. Huwa ħalla jibkuh lil martu, iż-żewġ uliedu bniet - it-tnejn miżżewġin; u anke lil ommu.

Mr Speaker, jiena lil Dr. Benny Camilleri nafu bħala kwiet ħafna, "unassuming", ma tantx kellu ambizzjonijiet u sa fejn naf jien tista' tgħid li qatt ma kellu xi jgħid ma' xi ħadd. Kien, kemm jista' jkun u sa fejn jista' u sa fejn jaf u kif jaf, jipprova jgħin lil kulħadd; u l-mewt tiegħu hija telfa għalina f'din il-Kamra, u hija telfa aktar u aktar għall-familja tiegħu. Għalhekk jien nipproponi, Mr Speaker, li nibagħtu l-kondoljanzi f'isem din il-Kamra lill-familja tiegħu għat-telfa kbira li sofrew.

ONOR. PAUL XUEREB: Mr Speaker, nitlob il-permess tal-Kamra biex anke jien ngħid żewġ kelmiet dwar il-ħabib tagħna Benny Camilleri.

MR SPEAKER (Onor. Daniel Micallef): Any objection? (Onor. Membri: No objection).

Il-permess ingħata.

ONOR. PAUL XUEREB: Mr Speaker, xtaqt ngħid żewġ kelmiet żgħar u ħfief dwar il-ħabib tagħna Benny Camilleri, illi jien għandi l-fortuna li kont ili nafu minn meta kien tifel żgħir ta' xi ħames snin. Konna noqogħdu viċin xulxin kważi bieb ma' bieb, u għalkemm iżgħar minni kien dejjem fil-grupp tagħna. Jiġifieri jien lil Benny Camilleri ili nafu żmien twil. Meta mbagħad ħafna snin wara - u tista' tgħid jien xjaħt għax kont għalaqt il-ħamsin sena - ilħaqt Ministru u Benny Camilleri kien ħareġ mal-Partit Soċjalista, imma dak il-mument kien għadu ma telax, jekk niftakar tajjeb, jien kont irrikmandajtu u poġġejtu biex ikun l-ewwel Chairman tal-Catering and Establishments Board; u fil-ħames snin li jien kont domt Ministru tat-Turiżmu, irrid ngħid - għalhekk qomt biex nitkellem - li Benny Camilleri dejjem tani u ta lil Malta xogħol mill-iktar ġenwin u għamilha possibbli għall-Bord u għat-turiżmu biex jibda jaħdem. Ta' dan jien ma nistax nerġa' nirringrazzjah issa li m'għadux magħna iżda nieħu din l-opportunita' biex nirringrazzja lill-familja tiegħu. Nirringrazzja wkoll lilek, Mr Speaker, li tajtni ċ-ċans ngħid dak li xtaqt ngħid fuq wieóed mill-ħbieb tiegħi li ta servizz mhux lili personali biss imma anke lill-pajjiż, f'Bord li kien importanti għall-iżvilupp ta' Malta. 

MR SPEAKER: Jien ningħaqad mad-Deputat Ministru Anzjan, l-Onor. Joseph Cassar u ma' l-Onor. Pawlu Xuereb fis-sentimenti li esprimew u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra jibgħat il-kondoljanzi lill-familja ta' Benny Camilleri.

Electoral History

First Legislature (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.02.1962
Oath of Allegiance: 26.04.1962
Dissolution of Parliament: 15.02.1966
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 04.10.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981