Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 270 tar-Raba' Parlament tas-7 ta' Mejju 1979
KONDOLJANZI
ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja, Artijiet, Djar u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, kif jafu l-Onor. Membri, fid-19 tax-xahar li għadda miet is-Sur Emilio Camilleri li kien Membru ta' din il-Kamra fl-Ewwel Leġislatura, bejn l-1962 u l-1966, fl-interess tal-Christian Workers' party.
Is-Sur Emilio Camilleri kien bniedem li jinteressa ruħu f'diversi oqsma tas-soċjeta' u fiż-żmien qsir li għamel f'din il-Kamra qeda d-dmirijiet tiegħu skond l-aħjar li seta' u skond l-aħjar li kien jaf.
Jien naħseb li l-Kamra taqbel miegħi li nibagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familja tiegħu u għalhekk nitlob li inti tordna lill-Clerk li jagħmel dan.
MR SPEAKER: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. EDWARD FENECH ADAMI: Mr Speaker, għan-nom ta' l-Oppożizzjoni nassoċja ruħi ma' dak li qal il-Ministru issa. Jien lis-Sur Emilio Camilleri għamilt żmien nafu personalment u naf li kien bniedem jinteressa ruħu ferm fil-ħajja soċjali tal-pajjiż u meta ħass il-bżonn li jikkontribwixxi anke b'attivita' politika, dan għamlu. Ngħid għalija kien bniedem onest li ta lill-pajjiż dak li seta'. U ċertament l-Oppożizzjoni trid ukoll li tibgħat il-kondoljanzi tagħha lill-familja tiegħu.
MR SPEAKER: Is-Sedja tingħaqad mad-Deputat Kap tal-Gvern u mal-Kap ta' l-Oppożizzjoni u nordna lill-Clerk sabiex nibagħtu l-kondoljanzi kif espressi fil-Kamra lill-familjari tiegħu.
Elected on: | 18.02.1962 |
Oath of Allegiance: | 26.04.1962 |
Dissolution of Parliament: | 15.02.1966 |