Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 237 tat-Tielet Parlament tat-13 ta' Novembru 1973
KONDOLJANZI
MR SPEAKER: Jidispjacini nħabbar lill-Kamra illi wieħed mill-Membri tagħna, l-Onor. Dr. Tommaso Caruana Demajo miet dal-lejl. Jien naħseb illi l-Kamra tingħaqad miegħi biex nibagħtu l-kondoljanzi lill-familja tieghu lil kull min ħalla warajh.
ONOR. D. MINTOFF: (Prim Ministru u Ministru ta’ l-Affarijiet tal-Commonwealth u Barranin): Mr Speaker, aħna wkoll b’sobgħa kbira sirna nafu bil-mewt ta’ malajr ta’ malajr ta’ wieħed minn sħabna hawn fil-Parlament għal żmien twil u naħseb illi aħna lkoll, fin-niket, sħab xorta waħda, ta’ wieħed minn sħabna illi lkoll anke niftakru aħna fih bħala raġel ġentili, raġel ta’ qalbu tajba, raġel illi kien b’ħiltu kollha jipprova jagħmel id-dmirijiet tiegħu. U meta tgħid hekk fuq bniedem tkun għidt kollox.
Aħna niftakru fih bħala persuna rispettabbli, persuna illi kienet tagħmel minn kollox biex ma tweġġa’ lil ħadd hawn ġew – dan għamel snin magħna, kellu karigi differenti, kien Speaker u kien Ministru ta’ l-Industrija, u kien Ministru tal-Ġustizzja - u lkoll li qegħdin hawn ma nafux b’eżempju wieħed li pprova b’xi mod iweġġa’ lil xi ħadd minna jew lill xi ħadd ieħor.
Għaldaqstant aħna ningħaqdi fin-niket mal-familja tiegħu u mal-ħbieb tiegħu u naħseb li nkun qed nitkellem għan-nom ta’ kulħadd meta ngħid illi nixtiequ l-għomor u s-sabar lil martu, lit-tifel tiegħu, u lil kull min jiġi minnu. U bħal ma hija t-tradizzjoni ta’ din il-Kamra, b’sinjal ta’ niket, jiena nissuġġerixi illi dan il-Parlament jaġġorna għal ghaxar minuti.
MR SPEAKER: Dr Borg Olivier.
ONOR. DR. G. BORG OLIVIER: Jiena nissekonda bil qalb din il-proposta tal-Prim Ministru u nitlob jiena wkoll illi nkun nista’ f’ismi personali u għan-nom ta’ l-Oppożizjoni, din in-naħa tal-Kamra, kif ukoll għan-nom tal-Partit illi għandu l-unur inkun kap tiegħu, nesprimi d-dulur illi jiena ħassejt bħal ħafna oħra, il-Kamra kollha u ħafna oħra mill-pajjiż, meta smajt l-aħbar tal-mewt hekk ta’ malajr, li ħadd ma stenniha, ta’ ex-kollega tagħna, illi kif qal tajjeb il-Prim Ministru, dejjem għamel mill-aħjar biex jaqdi dmir skond il-kuxjenza tiegħu, b’rettitudini, b’rispett lejn il-proxxmu tiegħu u b’lealta’ impekkabbli.
Sur President, jien ħdimt ma’ Dr Caruana Demajo f’din il-Kamra matul l-aħħar tlieta u għoxrin sena, u għal ħafna żmien qabel, fi ħdan il-Partit illi aħna t-tnejn konna nirrappreżentaw flimkien. U nista’ ngħid illi f’Dar Caruana Demajo l-pajjiż tilef ċittadin ta’ rispett lejn pajjiżu, rispett lejn il-proxxmu tiegħu u mħabba għal dak kollu li fil-kuxjenza tiegħu kien jarah ġust u tajjeb għall-pajjiż.
Jiena wkoll irrid nissieħeb f’dan id-dulur li ħassejna ma’ l-armla tiegħu u mat-tifel tiegħu, l-armla tieghu illi l-bieraħ bħal dan il-ħin żgur ma kien qatt igħaddilha minn rasha illi ser tgħaddi minn dawn is-sofferenzi li żgur qegha ssofri bħalissa.
Jiena nieħu gost illi l-Prim Ministru qal illi l-Kamra kollha żgur thossha ta’ l-istess fehma fuq dan in-niket illi għaddejna minnu. Il-Kamra verament tilfet rappreżentant den fost dawk illi kellha u għad għandha sal-lum. U jiena wkoll nirringrazzja n-naħa tal-Gvern għas-sentimenti sbieh illi esprimiet in konnessjoni mal-mewt ta’ dan il-kollega tagħna.
MR SPEAKER: Hemm xi ħadd ieħor irid jitkellem?
Il-Kamra hija sospiża għal għaxar minuti b’rispett għall-memorja ta’ l-Onor. Dr Caruana Demajo.
Elected on: | 18.02.1962 |
Oath of Allegiance: | 26.04.1962 |
Dissolution of Parliament: | 15.02.1966 |
Sworn in as Minister of Justice - 05.03.1966 |
Dissolution of Parliament: 15.02.1966 |
Elected on: | 31.03.1966 |
Oath of Allegiance: | 25.04.1966 |
Dissolution of Parliament: | 24.04.1971 |
Sworn in as Minister of Justice and Parliamentary Affairs - 07.04.1966 |
Dissolution of Parliament: 24.04.1971 |
Elected on: | 17.06.1971 |
Oath of Allegiance: | 16.08.1971 |
- 12.11.1973 |