Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 132 tat-Tieni Leġislatura tal-24 ta' Ġunju 1969
KONDOLJANZI
MR SPEAKER: Billi sar il-ħin, id-Domandi huma sospiżi. Nixtieq inħabbar b’dispjaċir il-mewt tal-Onor. Sur George Caruana.
ONOR. DR. GIORGIO BORG OLIVIER: Din in-naħa tal-Kamra semgħet b’dispjaċir kbir il-mewt tal-Onor. Sur George Caruana, naturalment kif ukoll l-Oppożizzjoni, din in-naħħa tal-Gvern, barra mill-pajjiż kollu tilef raġel onest, eżemplari, sinċier, u patrijott u din in-naħħa tal-Gvern tilfet anke l-appoġġ sħieħ tiegħu, għaliex kien Membru ta’ din in-naħħa tal-Kamra.
Sur President, aħna li, naturalment, nagħtu l-attivita’ tagħna f’din il-Kamra nistgħu mhux dejjem naraw l-istess; pero’, min ikun jimmerita r-rispett tal-pajjiż, tal-kommunita’, ċertament ikun immeritat f’din il-Kamra kif jien naf li kien immeritat George Caruana għal ħafna kwalitajiet tajba li kellu. Huwa ddedika ħafna minn ħajtu f’attivitajiet li għamlu ġid għall-kommunita’. Huwa kien jiddedika ruħu għall-attivitajiet tassew b’devożjoni. Għalhekk, jien inħoss li bħala sinjal ta’ rispett, il-Kamra għandha tieqaf għal ħames minuti.
Jien nipproponi li s-Sinjurija tiegħek tagħti l-kondoljanzi sinċieri ta’ din il-Kamra lis-Sinjura Caruana u lit-tfal tagħha - tfal kbar il-lum - fil-waqt li aħna nippromettu li nitolbu l-Alla li jagħti lil George Caruana, il-mistrieh ta’ dejjem, u l-konsolazzjoni, f’dan il-mument ta’ niket, li għandha bżonn verament il-familja tiegħu li ħalla warajh.
ONOR. D. MINTOFF: Din in-naħa tal-Kamra tassoċja ruħha mal-kondoljanzi li l-Prim Ministru qed jibgħat lill-familja ta’ George Caruana.
Jien ili nafu lil George Caruana. Kont nafu meta kien Foreman fil-Public Works, imbagħad sar Clerk of Works taħt l-amministrazzjoni Laborista ta’ 1947/49. Nafu bħala bniedem bieżel. Naf ukoll li anke dak iż-żmien, nonostante l-veduti politiċi li kellu, kien jagħti mill-aħjar li jista’ lill-Gvern; kien jaqdi dmiru onestament. Naf ukoll li kienet il-marda li ġagħlitu ma jkoplix jieħu parti attiva f’dan il-Parlament.
Jien nerġa’ ngħid li anke aħna nassoċjaw ruħna mal-kondoljanzi tal-Prim Ministru. Naturalment il-veduti politiċi tiegħu ma kinux jaqblu ma’ tagħna pero’ dan għandu dritt li jagħmlu kulħadd. Diment li aħna niġġieldu onestament fuq dawn il-veduti tagħna ma għandux għaliex ikun hemm nuqqas ta’ rispett lejn xulxin. Aħna konna nirrispettawh bħalma huwa kien jirrispetta lilna. Jiddispjaċini għall-mewt tiegħu u aħna wkoll nixtiequlu l-mistrieħ ta’ dejjem.
THE SPEAKER: Jien nassoċja ruħi ma’ l-espressjonijiet sinċieri li ntqalu mill-Onor. Membri fuq il-kollega tagħna, George Caruana.
Inressaq, għan-nom tal-Kamra, il-konodoljanzi lill-familja tiegħu.
Il-Kamra hija sospiża għal ħames minuti.
Oath of Allegiance: | 26.04.1962 |
Dissolution of Parliament: | 15.02.1966 |
Elected on: | 18.04.1966 |
Oath of Allegiance: | 25.04.1966 |
- 23.06.1969 |