Estratt mis-Seduta Nru 98 tas-Seba' Parlament tat-Tlieta, 26 ta' Jannar, 1993
KONDOLJANZI
ONOR. GUIDO DEMARCO: Sur President, nixtieq ninforma lill-Kamra bil-mewt tal- Prokuratur Legali, Ġeraldu Cassar. Fl-1947 Ġeraldu Cassar kien Membru ta' dan il- Parlament meta ġie elett mal- Partit Laburista u kkontesta l- elezzjonijiet ta' l-1950, ta' l-1953 u ta' l-1955. Jien ilni nafu minn meta bdejt il- professjoni tiegħi bħala prokuratur legali flimkien ma' l-Onor. Ugo Mifsud Bonnici u ma' l-Onor. Fenech. Dak iż- żmien konna għadna l- Universita' u biex naqilgħu erba' soldi, konna ħadna l-kors ta' prokura legali u fl-aħħar tas-snin erbgħin u fil-bidu tas-snin ħamsin bdejna mmorru l-Qorti. Ġeraldu Cassar kien bniedem simpatiku ħafna u peress li aħna ma konniex nafu x'kellna nagħmlu fil-Qorti, hu kien igħina ħafna. Ġeraldu Cassar kien ġentili ħafna miegħi u ma' sħabi billi għinna nagħmlu l-ewwel rikorsi u l- ewwel mandati. Dik il-ħabta jien kelli biss 20 sena u dak iż-żmien dik l-għajnuna kont insibha ħafna. It-tifel tiegħu Patrick, jaħdem fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin. Nista' ngħid li mal-Prokuratur Legali Geraldu Cassar konna dejjem niltaqgħu f'xi okkażjoni jew oħra u dejjem kien jipprova jfakkarni fiż-żmien meta hu kien Membru ta' dan il- Parlament u jgħidli l- affarijiet kif kienu fi żmienu. Naturalment dik il-ħabta jien ma kontx fil-Parlament għax kien għad jonqos madwar 20 sena biex nidħol fil-Parlament. Pero' Geraldu Cassar kien baqa' dejjem iħoss ċerta rabta ma' din il-Kamra. Naħseb li f'dawn iċ-ċirkostanzi hu doveruż li nikkommemoraw bniedem li ta l- aħjar li seta' mis-servizz tiegħu lil pajjiżu u naturalment nixtieq inwassal lill-mara tiegħu u lil uliedu l-kondoljanzi ta' din il-Kamra.
MR SPEAKER (Onor. Lawrence Gonzi): Grazzi. L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA: Mr Speaker, jien nassoċja ruħi mal-ħsebijiet ta' l-Onor. Guido De Marco u min-naħa tagħna, nagħtu l-kondoljanzi lill- familja tal-Prokuratur Legali Geraldu Cassar. Jien ma nista' ngħid xejn fuqu għax ma kontx nafu, pero' nista' ngħid biss li hu ħsieb tajjeb ħafna u ta' min ifaħħru li allavolja għaddew dawn is-snin kollha - għaliex bħalma nafu kien Membru ta' dan il-Parlament fl-1947 - nuru l-apprezzament tagħna għal nies li taw il-ħin minn ħajjithom biex jikkontribwixxu għat-titjib tas-soċjeta' Maltija. Huwa ta' konsolazzjo¬ni li allavolja għaddew dawn is-snin kollha jkun hemm min jiftakar fil-kontribut li wieħed ikun ta. Għan-naħa ta' l-Oppożizzjoni nesprimi l- istess ħsebijiet ta' l-Onor. De Marco u nixtieq li s-Sedja twassal lill-familja tal- Prokuratur Legali Cassar is- simpatiji tagħna.
MR SPEAKER: Grazzi. Jien nassoċja ruħi ma' dak li ntqal miż-żewġ naħat tal-Kamra. Diġa' kelli l-okkażjoni li nwassal il-kondoljanzi lill- familja Cassar, pero' naturalment inwassal ukoll is- sentimenti espressi fis-Seduta tal-lejla.