Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Ġużè Cassar

Back to List

Condolences (27 Nov 2001)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 650 tad-Disa' Parlament tas-27 ta' Novembru 2001

KONDOLJANZI

ONOR. EDDIE FENECH ADAMI (Prim Ministru): Mr Speaker, ftit tal-ħin ilu ġejn informat li wara nofsinhar miet Dr. Ġuże` Cassar, li kien għadda parti twila minn ħajtu attiv fil-politika, kemm bħala ministru kif ukoll bħala Speaker f'dan il-Parlament.

Jiena kelli okkażjoni li nkun naf lil Dr. Cassar pjuttost mill-qrib. L-ewwel recollection li għandi tiegħu hija l-elezzjoni ta' l-1947. Naturalment jien dak iż-żmien kelli biss 13-il sena pero` niftakarha sew dik l-elezzjoni u niftakar li Dr. Ġuże` Cassar kien wieħed mill-kandidati prospettivi. Fil-fatt kien ġie elett f'dan il-Parlament minn dik l-ewwel elezzjoni ta' wara l-gwerra u ftit wara kien sar ministru. Hu kien bniedem prominenti ħafna fil-Malta Labour Party u meta fl-1949 dan il-partit kien inqasam, hu kien wieħed mill-personalitajiet li ħa d-deċiżjoni li jkompli mal-partit l-ġdid li kien waqqaf it-tabib Boffa, ex leader tal-Malta Labour Party. Fil-fatt hu kien baqa' jikkontesta l-elezzjonijiet.

Fl-1955 kien reġa' ħareġ mal-Malta Labour Party meta reġa' kien hemm l-għaqda bejn iż-żewġ friegħi tiegħu, u reġa' sar ministru. Bejn l-1962 u l-1971 ma kienx ikkontesta l-elezzjonijiet u mbagħad fl-1971 kien reġa' ħareġ mal-Malta Labour Party u kien ministru għal żmien twil. Jiena sirt nafu ħafna mill-qrib u tgħallimt napprezza l-karattru tiegħu. L-ewwelnett kien debater kbir, kien kapaċi jitkellem fuq kollox u kull meta kien ministru kien jieħu ħsieb il-liġijiet, ikunu ta' liema natura jkunu.

Jien mhux l-ewwel darba li kont nirrimarka lill-kapijiet ta' l-oppożizzjoni kemm Dr. Cassar kien jirnexxielu jagħmel diskorsi twal anke meta kellna l-ħsieb li ngħaddu xi liġi malajr. Kellu kapaċita` kbira u aġilita` mentali qawwija biex jifhem suġġett u jitkellem fuqu. Jien kont sirt nafu ħafna mill-qrib, partikolarment fis-snin sebgħin, wara l-elezzjoni ta' l-1971. Dak iż-żmien il-pajjiż kien għaddej minn ċertu żmien interessanti u l-gvern tal-ġurnata kien ried jagħmel emendi kostituzzjonali. Dawn l-emendi sostanzjali effettivament saru fl-1974 u Malta kienet saret repubblika. Dak iż-żmien jien kont fl-oppożizzjoni u peress li la l-kap tal-Partit Nazzjonalista u lanqas il-prim ministru ta' dak iż-żmien ma kienu jattendu għal dawk il-laqgħat, hu dejjem kien ikun preżenti għad-diskussjonijiet li kienu jsiru u li għalihom kont ħafna drabi nattendi jien flimkien ma' kollegi oħra min-naħa ta' l-oppożizzjoni.

Dr. Cassar kellu l-kapaċita` li sitwazzjoni diffiċli jrendiha aktar faċli għal kulħadd, kultant anke b'xi ċajta. Fil-fatt jekk xi ħadd kien imur l-uffiċċju tiegħu għall-ħabta ta' nofsinhar kien jgħidlu li wasal it-tempo dello spirito, jiġifieri l-ħin li jieħdu grokk whisky flimkien. Din kienet ħaġa li ma kienx jgħaddi mingħajrha u dan juri proprju l-ġenjalita` ta' karattru li kellu.

Niftakar f'okkażjoni fejn jiena verament kont ħadt pjaċir. Fl-1987 kont sirt prim ministru u konna għamilna delegazzjoni għall-kunsill ta' l-Ewropa. F'waħda minn dawn il-laqgħat hu kien mar mad-delegazzjoni fi Strasbourg u niftakar li kont stidint lilu u lid-delegazzjoni kollha Maltija biex niltaqgħu u mmorru nieklu flimkien. Din kienet waħda mill-okkażjonijiet li bqajt niftakar, speċjalment iċ-ċajt li kien jirrakkonta u l-episodji li għadda minnhom tul ħajtu, li kien jirriduċihom fil-livell veru uman tagħhom.

Dr. Cassar kien irrakkontalna okkażjonijiet meta kien hemm ħafna tensjoni bejnietna u kien jgħidilna li waqt dik it-tensjoni kollha, il-kwadru veru kien differenti ħafna minn dak li konna naħsbu. Dr. Cassar kien persuna li bla dubju ta' xejn serva lill-pajjiż bl-aħjar mod li kien kapaċi għalih, ta kemm seta' lill-pajjiż u l-aħħar inkarigi li kellu kienu ta' aġent president tar-repubblika meta kien hemm okkażjoni li l-president kien ikun imsiefer. Hu kien baqa' jaqdi dan id-dmir sakemm wasal fi stadju li f'eta' avvanzata lili stess kien qalli li ma xtaqx jiġi nominat aktar.

Nerġa' ngħid li Dr. Cassar kien persuna li bilfors wieħed jammirah għalkemm ma konniex naqblu spiss fuq l-ideat politiċi li hu kien iħaddan. J'Alla jkollna ħafna nies oħra kapaċi bħalu, li jagħtu sehemhom għall-ġid ta' pajjiżna. Hu qatt ma kien jaffronta jew jikkonfronta lill-avversarji politiċi tiegħu b'nuqqas ta' rispett imma b'rispett reċiproku u bi stima reċiproka.

Jiena ma nafx min huma l-familjari tiegħu, naf li l-mara tiegħu mietet qablu, naf li huwa kien viċin ħafna tal-mara ta' l-ex-ministru Michael Falzon, illi proprju l-bieraħ kien hawn fil-Parlament u ġie jgħidli li z-ziju Ġuż, kif konna nsibuh aħna meta konna fl-oppożizzjoni, kien ma jiflaħx. Jien għedtlu li kont se mmur narah pero` jiddispjaċini li ma lħaqtx mort. Fil-fatt illum waslilli l-aħbar kerha li Dr. Cassar ħalliena. Għalhekk tajjeb li nqimu t-tifkira tiegħu u nagħtu l-kondoljanzi lill-qraba tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. Insejjaħ issa lill-Onor. Joe Mizzi.

ONOR. JOE MIZZI: Jiena ningħaqad mas-sentimenti li esprima l-Prim Ministru. Jien ukoll niftakar lil Dr. Cassar bħala ministru qabel ma jiena kont għadni dħalt fil-politika u li kien persuna importanti ħafna fil-Partit Laburista. Meta jiena dħalt fil-politika u fl-1987 kont sirt membru ta' l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, lil Dr. Cassar sirt nafu aktar mill-viċin u ta' spiss kont nikkonsulta miegħu u nieħu pariri minn għandu. Naf li l-Partit Laburista dejjem baqa' jikkonsulta miegħu għax hu kien jagħti pariri siewja, fejn kien ikun hemm xi diżgwid kien jara kif jagħmel biex inaqqsu jew jipprova jsib soluzzjoni u kull meta l-Partit Laburista kellu bżonn l-appoġġ tiegħu dejjem sabu, anke f'mumenti diffiċli ħafna. Jien kont nammirah għall-mod kif kien isolvi l-problemi, kultant anke permezz ta' xi ċajta. Niftakar li l-aktar li kien jikkwotah bħala "iz-ziju Ġuż" kien il-President Guido De Marco u aħna konna niċċajtaw miegħu, niġbdulu saqajh u hu kien jaqbad jidħaq.

Jien kont dħalt f'dan il-Parlament fl-1987 u t-tempo dello spirito kien isemmih ta' spiss. Meta kien jiġi ħdejja u jgħidli li wasal it-tempo dello spirito kont nifhmu u għalkemm jiena ma nixrobx kont nara kif nagħmel biex inġiblu grokk whisky. Niftakar ukoll li kien isemmi każ li kien seħħ fil-qorti. Kien jgħid li darba daħal xi ħadd b'xi bhima l-Belt u dan kien ġie arrestat għax dak iż-żmien ma stajtx tidħol il-Belt b'din it-tip ta' bhima. Dr. Cassar jirrakkonta kif kien iddefenda lil din il-persuna u ħariġha liberata għax irnexxielu jħawwad lil min kien qed jipprova jakkużah li dik il-bhima ma kenitx it-tip li kien qed jakkużah biha. Din l-istorja kien jgħidha lil kulħadd biex juri kemm trid toqgħod attent kif tgħid l-affarijiet u kif tagħmilhom.

Il-konklużjoni hi li bil-mod kif kien jara kif se jsolvi l-problemi kien ta' ispirazzjoni mhux għalija biss imma naħseb għall-membri kollha taż-żewġ naħat tal-Kamra. Jien persważ li ta ħafna għall-pajjiż, nerġa' ntenni l-kondoljanzi għan-naħa ta' l-Oppożizzjoni u ningħaqad man-naħa tal-gvern biex ngħid li verament tlifna persuna li kienet importanti ħafna u li tat sehem kbir lil pajjiżna.

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja wkoll tingħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra fil-mod kif esprimew ruħhom fuq l-Avukat Ġuże` Cassar u titlob lill-Clerk Assistent biex tibgħat il-kondoljazi lill-familjari tiegħu u twassal ukoll is-sentimenti kif espressi fis-seduta tal-lejla.

Electoral History

Third Legislature (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 17.06.1971
Oath of Allegiance: 16.08.1971
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Positions
Sworn in as Minister of Labour, Employment and Welfare - 21.06.1971
Ceased: 31.08.1974
Sworn in as Minister of Education and Culture - 01.10.1974
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 24.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Positions
Sworn in as Minister of Education - 24.09.1976
Ceased: 14.10.1976
Sworn in as Minister of Justice, Lands, Housing and Parliamentary Affairs - 15.10.1976
Ceased: 10.07.1979
Sworn in as Minister of Finance, Customs and People's Financial Investments - 10.07.1979
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.12.1981
Oath of Allegiance: 15.02.1982
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Positions
Sworn in as Senior Deputy Prime Minister and Minister of Justice and Parliamentary Affairs - 19.12.1981
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Sixth Legislature (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 13.05.1987
Oath of Allegiance: 09.07.1987
Dissolution of Parliament: 20.01.1992