Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 458 tas-Seba' Leġislatura tal-11 ta' Ottubru 1995
KONDOLJANZI
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI (Prim Ministru): Mr Speaker, dalgħodu tħabbret il-mewt ta' Amabile Cauchi li miet tard il-bieraħ fil-għaxija. Amabile Cauchi kif ilkoll nafuh - jew ħafna minna jafuh - kien membru ta' dan il-Parlament għal ħafna snin, kien tela' f'casual election wara l-elezzjoni ta' l-1947 u baqa' membru ta' l-Assemblea Leġislattiva - kif kienet magħrufa qabel - u mbagħad ta' dan il-Parlament sa l-elezzjoni ta' l-1976, jiġifieri sa l-1981 meta kien ġie xolt il-Parlament. Jiġifieri kien ġie elett fit-tmien elezzjonijiet li huwa kkontesta u ta servizz f'dan il-Parlament lill-kostitwenza tiegħu u lill-pajjiż. Min jafu, jaf li Amabile Cauchi ta servizz dedikat lill-art twelidu, Malta u Għawdex, pero' dedikat b'mod iktar partikolari għall-post fejn twieled u għex jiġifieri Għajnsielem. Jekk wieħed imur - anke f'dawk is-snin meta ma kienx għadu membru ta' dan il-Parlament - isib li kważi Għajnsielem jimmedesima ruħu ma' Amabile Cauchi li dejjem sab fih il-bniedem li kien lest li jagħmel ħiltu kollha biex jara lil dan ir-raħal u l-gżira tiegħu jimxu 'l quddiem.
Lil Amabile Cauchi jiena ili nafu ħafna snin u nista' ngħid li kien bniedem maħbub minn kulħadd. Kien bniedem li kellu intelliġenza li jiena nsib li kien juriha bl-iktar mod qawwi fl-umoriżmu tiegħu.
Kien bniedem li jħobb jiċċajta u li anke f'sitwazzjonijiet li ġieli kienu diffiċli saħansitra fil-laqgħat ta' din il-Kamra, b'xi mod jew ieħor kont issibu jirriduċi sitwazzjoni diffiċli b'ċajta li ħafna drabi permezz tagħha kien ineħħi t-tensjoni li kien ikun hemm. Kienet użanza tiegħi li kważi kull meta mmur Għawdex kont immur nara lil Amabile Cauchi ġewwa d-dar tiegħu. Fil-fatt m'ilix ħafna li rajtu u nista' ngħid li sa l-aħħar mumenti ta' ħajtu, dan baqa' bniedem ferrieħi u bniedem li kif diġa' għidt, filwaqt li l-karatteristika ewlenija tiegħu kienet dedikata għax-xogħol tiegħu, dejjem kellu kelma lesta li jiċċajta biha u bl-umoriżmu kien juri l-karattru veru tiegħu. Amabile Cauchi kien dedikat ħafna għall-familja tiegħu li hija familja eżemplari u fil-fatt ta' min isemmi li t-tifel tiegħu huwa s-sindku ta' Għajnsielem. Ċertament il-fatt li dan kien bniedem eżemplari u tal-familja għenu anke fil-ħajja politika tiegħu biex jagħti servizz utli ħafna għal pajjiżu.
Mr Speaker, f'isem il-Membri kollha ta' din in-naħa jien nixtieq nagħti l-kondoljanzi lill-armla tiegħu u lil uliedu f'dan il-mument diffiċli għalihom - fil-fatt għalkemm Amabile Cauchi kellu ċerta eta', jien informat li l-familjari tiegħu ma kenux qed jistennew il-mewt tiegħu - u li fih aħna qed nuru s-solidarjeta' sħiħa tagħna magħhom. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA: Mr Speaker, jien ningħaqad man-naħa tal-Gvern fit-tfakkir tal-memorja ta' Amabile Cauchi li jien ukoll kelli x-xorti li niftakru f'dan il-Parlament mill-1978, l-ewwel darba li dħalt fil-Parlament. Fil-fatt niftakar li Amabile Cauchi, li kien iħobb jokkupa dak is-seat ta' hemm wara, lili kien jimpressjonani għax dejjem kien ikollu dik il-kalma u l-kwiet tiegħu, kien ikun b'dik it-tbissima fuq wiċċu u rari kont tarah jirreaġġixxi b'xi mod jew ieħor. Ovvjament hawnhekk jien ma rrid inneħħi xejn mill-mertu tiegħu bħala politiku għax dan il-bniedem kien politiku li, bħalma qal tajjeb il-Prim Ministru, kien jaħdem ħafna biex jagħmel il-ġid lid-distrett tiegħu.
Mr Speaker, fil-fatt minn hawnhekk jien inħoss li għandna nsellmu lil ċerti Membri tal-Parlament li għalkemm ikunu ilhom ma jiġu hawnhekk u allura forsi wieħed jibda jinsihom, dawn in-nies, tajjeb jew ħażin, ikkontribwew għat-tessut ta' kif ħadem dan il-Parlament fit-tajjeb u fil-ħażin tiegħu matul is-snin u kkontribixxew ukoll biex f'dan il-pajjiż tkattret u kibret id-demokrazija. Ta' min jgħid ukoll li għandu jkollna rispett doppju għal nies bħal Amabile Cauchi li ġej minn Għawdex għax wieħed irid jirrealizza li d-Deputati Għawdxin ta' dan il-Parlament qed jagħmlu sagrifiċċju doppju biex jiġu hawnhekk, speċjalment fis-snin li qed insemmu meta t-trasport bejn iż-żewġ gżejjer ma kienx dak li hu llum, ma kienx hemm dik il-kumdita' u l-Bambin biss jaf kemm kienu jagħmlu sagrifiċċji - saħansitra ġieli kienu jinqabdu Malta u kienu jibqgħu hawnhekk 'il bogħod mill-familja tagħhom - biex jagħtu l-kontribut tagħhom. Jien nemmen li dan il-kontribut għandu jiġi rikonoxxut u wieħed għandu jibqa' jiftakar dawn l-affarijiet. GĦalhekk ikun tajjeb jekk wieħed isellem lil dawk in-nies kollha li tajjeb jew ħażin ikkontribixxew għall-iżvilupp tal-politika Maltija. Flimkien mal-Prim Ministru għan-nom ta' din in-naħa jien nixtieq ningħaqad biex nagħti l-kondoljanzi lil martu, lil uliedu, lill-familjari tiegħu u nixtieq li l-Bambin jagħtihom is-sabar li jkunu jixtiequ f'dawn iż-żmenijiet diffiċli. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Jien ukoll nixtieq ningħaqad biex nagħti l-kondoljanzi lill-familja Cauchi u ninkariga lill-iSkrivan tal-Kamra biex iwassal dawn il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu. Grazzi.
Elected on: | 31.03.1966 |
Oath of Allegiance: | 25.04.1966 |
Dissolution of Parliament: | 24.04.1971 |
Elected on: | 17.06.1971 |
Oath of Allegiance: | 16.08.1971 |
Dissolution of Parliament: | 13.08.1976 |
Elected on: | 25.09.1976 |
Oath of Allegiance: | 24.11.1976 |
Dissolution of Parliament: | 09.11.1981 |