Estratt mis-Seduta Nru. 363 tad-Disa' Parlament tat-Tnejn, 18 ta' Settembru, 2000
KONDOLJANZI
ONOR. LAWRENCE GONZI (Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali): Mr Speaker, ftit tal-ġranet ilu tħabbret il-mewt tas-Sur John Cole li miet l-Awstralja u ħalla warajh lil martu u s-sitt uliedu. John Cole qed jitfakkar f'dan il-parlament għall-fatt li hu kien figura importanti f'perijodu ta' żmien meta pajjiżna kien kostituzzjonalment movimentat.
Naturalment jiena ma niftakrux imma minn dak li qrajt dwaru, is-Sur Cole serva lil pajjiżna fil-perijodu ta' ftit wara li spiċċat it-tieni gwerra. Prattikament beda l-karriera politika tiegħu b'responsabilita' ministerjali, fil-leġislatura ta' bejn l-1947 u l-1950 meta kien jokkupa l-kariga ta' ministru tax-xogħol taħt il-gvern ta' Boffa. Bejn l-1951 u l-1954 reġa' okkupa l-istess kariga u mbagħad fil-leġislatura li bdiet fl-1955 kien ġie appuntat ministru responsabbli mis-settur agrikolu. Fl-1958 irriżenja minn dik il-kariga u ftit wara emigra lejn l-Awstralja.
Mr Speaker, naħseb li dan il-parlament għandu dmir u responsabilita' li jfakkar lil dawk il-persuni kollha li taw is-sehem tagħhom biex pajjiżna jimxi 'l quddiem, jieħu l-identita' tiegħu u jistabilixxi lilu nnifsu fi żmien meta Malta kienet għadha kolonja u kienet għadha qed tfittex id-drittijiet kostituzzjonali tagħha. Is-Sur Cole ta s-sehem tiegħu f'mumenti diffiċli ħafna u allura aħna nħossuna fid-dmir - m'għandix dubju li ż-żewġ naħat tal-Kamra jaqblu fuq hekk - li nfakkruh f'din l-okkażjoni u fl-istess ħin nieħdu l-opportunita' biex inwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-familjarji tiegħu. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Mr Speaker, f'isem l-oppożizzjoni Laburista ningħaqad ma' dak li għadu kemm qal il-Viċi Prim Ministru fir-rigward tat-tifkira u l-ġieħ li jistħoqlu l-ex-Ministru Laburista John Cole li miet il-ġimgħa li għaddiet.
Jiena wkoll bħall-Onor. Gonzi ma kontx nafu lill-Ministru Cole għax meta emigra lejn l-Awstralja kelli għaxar snin. Madanakollu għamilt ftit mistoqsijiet dwar il-kuntest li fih għex ħajtu u nifhem li bħala wieħed mill-protagonisti tax-xena soċjali u politika tas-snin '40 u s-snin '50, l-esperjenza li għadda minnha pajjiżna dak iż-żmien - ħafna minna ma jafuhiex dik l-esperjenza għax twieldu wara - kienet esperjenza formattiva taż-żmenijiet imqalba li kienu qed jinbidlu bi kbir. Milli smajt is-Sur Cole kien bniedem fabbli, kien bniedem li jaf jiddjaloga ma' kulħadd, bniedem li kellu spirtu ġentili waqt li kien jieħu pożizzjonijiet ċari u bla ambigwita' mil-lat politiku.
Lil John Cole nibqa' niftakru b'żewġ tifkiriet li għaddihomli Dr Ġuże' Cassar li kien jafu mill-qrib. Waħda minnhom ċertament tillustra t-tip ta' esperjenza li għaddew minnha n-nies tal-ġenerazzjoni tas-Sur Cole, fejn flimkien mal-familja tiegħu kien refjuġat fil-Qrendi fi żmien il-gwerra. Il-mara tiegħu kien se jkollha l-ewwel tarbija u bil-lejl kien qed ikun hemm problemi biex ikun assigurat li jkun hemm infermiera jew majistra li tieħu ħsieb it-twelid tat-tarbija. Effettivament omm Ġuże' Cassar assigurat lill-familja Cole li kienet se tieħu ħsieb it-twelid tat-tarbija li u fil-fatt hekk ġara meta bil-lejl twieldet l-ewwel tarbija tal-familja Cole u omm Ġuze' Cassar tat l-għajnuna li kien hemm bżonn.
Imbagħad insemmi l-esperjenza politika tas-Sur Cole. Il-Ministru Cole immilita fil-Partit Laburista, imbagħad fil-Partit tal-Ħaddiema ta' Dr. Boffa u mbagħad fl-1955 reġa' mill-ġdid mal-Partit Laburista. U effettivament fi żmien meta kien hemm split bejn il-Partit Laburista u l-Partit tal-Ħaddiema, kien hemm kumitat li kien jiltaqa' informalment bejn l-1950 u l-1954 - kien jikkonsisti min-naħa f'Leli Tabone u Ġuże' Ellul Mercer għall-Partit Laburista, u min-naħa l-oħra John Cole u Ġuże' Cassar għall-Partit tal-Ħaddiema - biex jaraw kif jistgħu jerġgħu jiġu flimkien. Dan ix-xogħol kien baqa' sejjer u kien wassal biex il-Ministru Cole baqa' mal-partit ta' Boffa sa l-1954, imbagħad irriżenja, ħaġa li pprovokat l-elezzjonijiet ta' l-1955 u wasslet għar-rebħa Laburista ta' dik is-sena.
Biss barra mill-ħidma politika qawwija tas-Sur Cole, dak iż-żmien kien hemm ħidma oħra soċjali li ta' min ifakkarha f'dan il-parlament, ħidma li tgħodd u li għalina f'dawn iż-żmenijiet tinħass differenti minn esperjenzi li nafu aħna imma li għal dak iż-żmien kienet ta' natura soċjali kruċjali. Qed nirriferi għall-inizjattiva li kien ħa s-Sur Cole fi ħdan il-moviment sindakali biex jorganizza l-emigrazzjoni lejn l-Awstralja u lejn pajjiżi oħra. Dak iż-żmien dan ix-xogħol kien meħtieġ, kien jiftaħ fruntieri ġodda u fih il-Ministru Cole ta kontribut importanti għall-iżvilupp soċjali kif ukoll għall-iżvilupp tal-komunita' Maltija barra pajjiżna.
Minn din in-naħa tal-Kamra nixtieq nagħti l-kondoljanzi lill-familja kollha tiegħu u naħseb li jagħmel tajjeb dan il-parlament li jfakkar u jagħti ġieħ lill-ex-Ministru John Cole. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tassoċja ruħha mas-sentimenti ta' sogħba espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u titlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familja Cole.