Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Arthur Colombo

Back to List

Condolences (17 Feb 1978)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 135 tat-Tnejn, 20 ta' Frar, 1978 tar-Raba' Parlament

Kondoljanzi

ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja, Artijiet, Djar u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, qabel ngħaddu għall-business tal-Kamra, kif taf din il-Kamra, nhar il-Ġimgħa miet Dr Arthur Colombo illi għamel żmien Membru ta' din il-Kamra. U kif soltu jsir meta xi Membru ta' din il-Kamra jiġi nieqes, il-Kamra tikkommemorah u anke turi s-sogħba tagħha.

Dr Colombo għamel żmien qasir ħafna bħala Membru ta' dan il-Parlament u qabel kien għal xi sena u nofs Membru tal-Kunsill tal-Gvern li dik il-ħabta kienet il-Kostituzzjoni li kienet viġenti allura, qabel ma ħadna s-self government fl-1947.

Dr Colombo kien inħatar Ministru tal-Finanzi fl-ewwel Gvern Laburista ta' l-1947 u kien min jafu bniedem attiv ħafna, kien bniedem illi dejjem donnu kellu xi ħaġa illi dejjem tmexxih, dejjem ma għandux kwiet u kien oratur mill-aħjar fil-Parlament, f'din il-Kamra u naturalment bħala Ministru tal-Finanzi, jibqa' jissemma għall-introduzzjoni għall-ewwel darba f'Malta tat-taxxa fuq l-income u wkoll għal-Lotterija Nazzjonali li għal ċertu żmien kienet tissejjah ta' Colombo, tant ismu kien assoċjat magħha.

Jien naħseb, Mr Speaker, illi l-Kamra kollha tkun tixtieq illi tesprimi s-sobgħa tagħha u tibgħat il-kondoljanzi tagħha lill-familjari tiegħu.

MR SPEAKER: L-Onor. Fenech Adami.

ONOR. EDWARD FENECH ADAMI: Mr Speaker, jien wkoll nixtieq nassoċja ruħi mas-sentimenti li għadu kif esprima l-Ministru Cassar. Dr Colombo għalkemm mhux għal żmien twil, imma ċertament ta kontribut tiegħu lejn dan il-pajjiż sakemm iddeċieda li ħajtu jiddedikaha għal xogħol ieħor utili. U jien naħseb huwa dmir tagħna lkoll li f'dan il-mument ta' sogħba li huwa ħalliena nesprimu l-kondoljanzi tagħna lill-familja tiegħu.

MR SPEAKER: Is-Sedja tingħaqad mal-Leader of the House u mal-Kap ta' l-Oppożizzjoni u titlob lill-Clerk sabiex jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familjari ta' Dr Arthur Colombo.