Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Prof Edwin Craig

Back to List

Condolences (23 Jul 1912 - 16 Nov 1996)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 2 tat-Tmien Leġislatura tad-9 ta’ Diċembru 1996

KONDOLJANZI


ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, huwa ta' sogħba għalija li jkolli nagħti l-kondoljanzi lit-tfal tal-Professur Edwin Craig li kien tabib u li għal xi żmien kien anke involut fil-politika kif ukoll elett fil-Parlament. Kif jaf kulħadd, il-Professur Edwin Craig kien radjologu u żmien twil ilu, eżattament fl-1950, kien l-uniku membru elett għall-ħames distrett f'isem il-Partit Laburista. Eventwalment dak kien il-Gvern tal-minoranza ta' żmien Nerik Mizzi li ma tantx dam wisq għax fil-fatt Nerik Mizzi kien miet proprju tliet xhur wara li kien sar Prim Ministru fejn imbagħad kien ħa over l-Onor. George Borg Olivier.

Eventwalment anke l-Professur Edwin Graig kien mar mal-Malta Workers' Party u kkontesta xi elezzjoni jew tnejn f'isimhom. Pero' dan il-bniedem dejjem baqa' attakkat mal-konċċett tal-laburiżmu u fil-fatt niftakar li fl-aħħar xhur ltqajt miegħu - peress li kien baqa' sa l-aħħar jattendi l-attivitajiet tal-partit - u kelli diskursata qasira miegħu. Lill-Professur Craig nafu bħala bniedem li fix-xogħol professjonali tiegħu kien dedikat u kien maħbub ħafna. Barra minn hekk nafu wkoll bħala missier dedikat u niftakar l-okkażjoni meta darba kellu t-tifel tiegħu l-isptar fejn jien kelli x-xorti li nimmedikah u f' dik l-okkażjoni kont rajtu nkwetat ħafn minħabba l-qagħda ta' ibnu. Din l-okkażjoni nibqa' niftakarha għal dejjem. Pero' bħalma għidt, lill-Professur Craig nafu wkoll bħala bniedem dedikat, li kellu viżjoni, li kien jemmen f'ċertu politika u li kien anke baqa' jattenti għal attivitajiet sa l-aħħar ġimgħat minkejja li saħħtu kienet qiegħda tmur lura. Minn hawnhekk jien nixtieq nagħti l-kondoljanzi tagħna lil uliedu u nitlob lill-Bambin jagħtih il-mistrieħ ta' dejjem. Nirringrazzjak.

MADAM SPEAKER (Onor. Miriam Spiteri Debono): L-Onor. Lawrence Gonzi.

ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, imiss lili li f'isem l-Oppożizzjoni ningħaqad mas-sentimenti li għadu kif esprima l-ħabib tiegħi, il-Viċi Prim Ministru fl-okkażjoni tal-mewt tal-Professur Edwin Craig. Nista' ngħid li ma nafux għaliex m'għandix l-eta' li niftakru, pero' anke fil-konfront tal-Professur Craig irrid nesprimi s-sogħba ta' l-Oppożizzjoni għall-mewt tiegħu u l-espressjoni tagħna ta' kondoljanzi għall-familja kollha tiegħu speċjalment għaliex huwa persuna li kkontribwiet fl-Assemblea Leġislattiva u allura fl-esperjenza parlamentari u d-demokrazija ta' dan il-pajjiż. Jidhirli li huwa altru milli xieraq li din il-Kamra tesprimi s-solidarjeta' tagħha u tibgħat il-kondoljanzi tagħha lill-familja tal-Professur Craig u allura f'isem l-Oppożizzjoni ningħaqdu fis-sentimenti espressi mill-kollega tiegħi, il-Viċi Prim Ministru.

MADAM SPEAKER: Jiena ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal dawn ix-xewqat u kondoljanzi lill-familjari tal-Professur Craig.