Tifkira
Tal-Ex Membru Parlamentari
Ċettina Darmenia Brincat
fil-Kamra tad-Deputati
Parlament ta' Malta
10 ta’ Jannar 1931 – 5 ta’ Ottubru 2023
Membru tal-Kamra tad-Deputati
bejn
il-15 ta’ Frar 1982 u t-13 ta’ Frar 1987
Ċettina Darmenia Brincat
Ġurament ta’ Lealtà
bħala
Membru tal-Kamra tad-Deputati
L-Ewwel Diskors
tal-Ex Membru Parlamentari
ĊETTINA DARMENIA BRINCAT
fil-Kamra tad-Deputati
ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 6
tal-Erbgħa, 24 ta’ Frar 1982
IL-ĦAMES LEĠIŻLATURA
INDIRIZZ B’RISPOSTA GĦAD-DISKORS TAL-AĠENT PRESIDENT (KONTINWAZZJONI)
ONOR. ĊETTINA DARMENIA BRINCAT: Mr Speaker, Onor. Prim Ministru, Ministri, Deputati sħabi u pubbliku inġenerali, f’dan l‑ewwel diskors tiegħi, jien insellmilkom f’isem il‑Gvern Laburista, f’isem in‑Nazzjon u r‑Repubblika ta’ Malta u nibda biex nirringrazzja lill‑Aġent President tar‑Repubblika Maltija, Dr Albert Hyzler, għall‑indirizz li huwa għoġbu jagħmel f’din il‑Kamra fl‑okkażjoni tal‑inawgurazzjoni tal‑Ħames Parlament.
F’dan il‑maiden speech jien nixtieq ukoll nifraħ minn qiegħ qalbi lill‑Eċċellenza Tagħha, is‑Sinjorina Agatha Barbara għall‑ħatra tagħha bħala President tar‑Repubblika ta’ Malta, kariga li verament tistħoqqilha għax‑xogħol siewi li tat lin‑Nazzjon u lill‑poplu Malti u Għawdxi.
Illejla jien nixtieq nitkellem fuq wieħed mis‑setturi prinċipali li jien għandi u minn dejjem kelli għal qalbi, is‑settur tal‑edukazzjoni. Sa ftit snin ilu konna nisimgħu li l‑edukazzjoni f’Malta kienet qiegħda toħloq il‑qagħad, u li s‑settur edukattiv kien jitlob li jiżdied in‑numru ta’ impjiegi. Kellna żbilanċ bejn id‑domanda u l‑kwalità, il‑provvista tax‑xogħol. Kellna sitwazzjoni fejn ma kinux jeżistu relazzjonijiet ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi man‑numru ta’ nies li kienu qegħdin ifittxu x‑xogħol. Però l‑ebda amministrazzjoni Nazzjonalista ma meddet għonqha għax‑xogħol bis‑serjetà biex issolvi din il‑problema. Kellu jkun il‑Gvern Laburista bix‑xogħol għaqli tiegħu, kien il‑Gvern Laburista li fetaħ l‑iskejjel tas‑snajja’, l‑iskejjel tekniċi, u introduċa l‑extended courses, l‑Iskema ta’ Apprendist/Skular u tal‑iStudent/Worker. Mr Speaker, l‑istudent/ħaddiem barra milli għandu l‑fakultà li jagħżel kors fl‑Università, kors modern marbut mal‑bżonnijiet tal‑ekonomija tal‑pajjiż, l‑istudent jaf li qed jagħżel kors għal qalbu u li għalih għandu l‑kwalifiki akkademiċi meħtieġa. Però jaf ukoll li dan il‑kors se jwasslu biex igawdi ġid umanitarju, jaf l‑istudent li meta jasal għat‑tmiem b’suċċess tal‑istudji tiegħu, għandu garanzija ta’ impjieg. Għax, kif għidt, dawn il‑courses huma marbuta, relatati mal‑bżonnijiet tal‑ekonomija tal‑pajjiż.
Barra minn hekk, l‑istudent li jikkwalifika għal kors ta’ din il‑kwalità m’għadux piż fuq il‑but tal‑ġenituri tiegħu għaliex matul il‑kors l‑istudent qiegħed jistudja u jaħdem, u tax‑xogħol li huwa jagħti jkun qed jiġi ppremjat, qed jieħu l‑paga, qed jieħu l‑bonus. U fit‑tmiem tal‑kors, meta jieħu l‑impjieg ikun qed inaqqas il‑piż tal‑qagħad mill‑pajjiż, isaħħaħ l‑ekonomija u jgħin l‑iżvilupp ekonomiku ta’ Malta. Ikun qiegħed ibiegħed mill‑pajjiż il‑periklu tal‑abbuż tad‑droga, tas‑serq; ibiegħed mix‑xtut tagħna l‑periklu ta’ xi Brigate Rosse.
Kelli l‑okkażjoni li tul dawn l‑aħħar snin jien inżur pajjiżi tal‑Punent, pajjiżi tal‑Lvant, fl‑Amerika, fi Franza, fl‑Ingilterra, fil‑Ġermanja u fl‑Italja. Min‑naħa l‑oħra, fil‑Jugoslavja u fit‑Tuneżija jien iltqajt u ddiskutejt ma’ diversi studenti universitarji l‑metodi użati f’pajjiżhom u dawn, nassigurak, kollha kienu mimlija kliem ta’ tifħir għall‑mod kif il‑Gvern Laburista Malti qed imexxi l‑Università tagħna. Kont tiltaqa’ ma’ studenti fl‑Amerika, pereżempju f’Las Vegas fejn kont erba’ snin ilu, u hemmhekk dawn l‑istudenti, biex jaqilgħu ftit pocket‑money imorru jittallbu lil xi ħanut biex jagħmluha ta’ salesgirls, assistant shop‑keepers, imorru jaħslu xi taraġ ta’ xi flat f’din l‑Amerika sinjura.
Dan il‑kors tal‑istudent/ħaddiem mhux vera, kif qed jakkużawna n‑Nazzjonalisti, li jnaqqas il‑livell akkademiku tal‑istudent. Dan ipprovawh u jipprovawh eżaminaturi barranin. Min‑naħa l‑oħra mhux vera dak li qalu, mhux vera li l‑istudent huwa limitat, ikkontrollat fl‑iżvilupp tal‑valuri intellettwali tiegħu. Ta’ dan il‑gideb hemm il‑provi tal‑verità. Matul dawn l‑aħħar snin fis‑sistema edukattiva ta’ Malta u Għawdex il‑Gvern Laburista għamel sforzi kbar biex itejjeb il‑progress, ikabbar il‑progress fis‑settur soċjali, kulturali u edukattiv ta’ pajjiżna. Infetħu orizzonti oħra. Daħlet is‑sistema tal‑assessments, sistema ġdida ta’ eżamijiet li jkomplu juru progress fil‑klassi fir‑riżultat tal‑istudent. Barra minn hekk kibru n‑numru ta’ skejjel, infetħu iktar libreriji ... Kien il‑Gvern Laburista li mar, permezz ta’ qbil ma’ pajjiżi oħra, fetaħ sistema tal‑exchange students biex dawn jivvjaġġaw u jkabbru l‑kultura tagħhom billi jitħalltu mal‑istudenti ta’ pajjiżi oħra.
Il‑Gvern Laburista dejjem ħadem biex lit‑tfal tagħna jagħtihom l‑aħjar kwalità ta’ teachers. Hawn nixtieq nagħmel aċċenn biex fl‑iskejjel tagħna, kif qalilna l‑ħabib tagħna d‑Deputat Joe Debono Grech, indaħħlu suġġett obbligatorju f’dak li jirrigwarda l‑edukazzjoni ċivika, paġni storiċi speċjali tal‑istorja ta’ Malta li titkellem fuq dawk l‑eroj Maltin li taw ħinhom u żmienhom għall‑ġid tan‑nazzjon. Fis‑sistema edukattiva ta’ pajjiżna l‑Amministrazzjoni Laburista għall‑ewwel darba fl‑istorja tal‑edukazzjoni introduċiet il‑kindergarten, in‑nurseries u dawn nisperaw li jkomplu jikbru fin‑numri tagħhom anke għat‑tfal ta’ tliet snin. Dawn il‑kindergartens, dawn in‑nurseries qegħdin mhux biss jgħinu lit‑tfal iż‑żgħar biex jikkoperaw ma’ xulxin, imma qed ikunu ta’ fejda għall‑ommijiet ħaddiema, ommijiet li jħossu l‑bżonn li jridu jħallu d‑dar biex imorru jaħdmu, anke għal ftit sigħat, biex itejbu l‑kondizzjoni soċjali tal‑familja tagħhom. U hawn għax qegħdin nitkellmu fuq dawn il‑ħaddiema, fuq il‑mara ħaddiema, nixtieq ukoll nidħol għal suġġett serju, il‑post tal‑mara fuq ix‑xogħol.
Kif nafu, f’dawn l‑aħħar snin, minħabba l‑bidla strutturali fl‑ekonomija ta’ pajjiżna, in‑numru ta’ ħaddiema nisa żdied b’mod konsiderevoli. Infatti jekk nieħdu l‑istatistika, il‑figuri ta’ ftit xhur ilu, sal‑aħħar ta’ Diċembru 1979 insibu li għal kull 100 raġel li kien jaħdem għandna 36 mara ħaddiema, u kien hawn biss 300 mara jirreġistraw għax‑xogħol. Kelli l‑okkażjoni f’dawn l‑aħħar ġranet li nżur fabbriki personalment biex nagħmel find‑out, biex nara kemm kienu l‑bżonnijiet, x’kienu l‑prospetti ta’ xogħol għall‑ħaddiema/studenti u għall‑ischool leavers. U b’sodisfazzjon kbir nixtieq nesprimi l‑faraġ li ħassejt meta rajt li l‑istandard ta’ interviews, ta’ eżamijiet, ta’ tests li jsiru f’xi wħud mill‑fabbriki huwa standard għoli, standard tajjeb. Anke biex jimpjegaw factory girls, dawn qed jitolbu grad sekondarju u anke GCEs. Dan juri li fl‑edukazzjoni, fis‑settur edukattiv ta’ Malta għandna progress sew fil‑qasam soċjali u anke fil‑qasam kulturali. Pereżempju, meta kont qed nistaqsi lil xi kandidati x’kellhom għall‑eżami biex jgħaddu bħala factory girls, dawn tawni sensiela ta’ mistoqsijiet li kienu jirrigwardaw l‑istorja ta’ Malta. Għalhekk anke f’dawn il‑fabbriki nkomplu ninkoraġġixxu din is‑sistema ta’ interviews, ta’ eżamijiet, ħalli l‑factory girls u l‑istudenti boys li qed jippreparaw ruħhom biex jidħlu f’dawn il‑fabbriki, grazzi għat‑tagħlim li qed jingħatalhom fl‑iskejjel tas‑snajja’ li fetaħ għalihom il‑Gvern Laburista Malti, dawn ’il quddiem ikunu iktar jistgħu javvanzaw fl‑impjieg tagħhom, fis‑sens li jistgħu jilħqu anke supervisors, managers u jilħqu wkoll postijiet ta’ livell għoli fil‑management ta’ dawn il‑fabbriki.
Fis‑snin ħamsinijiet, għalkemm in‑numru ta’ nisa jaħdmu ma kienx kbir, però kellna f’Malta dik l‑għaqda li dejjem ħasbet biex tagħti d‑drittijiet lill‑mara fuq il‑post tax‑xogħol. Kienet il‑GWU li f’laqgħa li sejħet lill‑ħaddiema nisa fit‑Teatru Embassy il‑Belt, f’Diċembru 1957, ħatret l‑ewwel kumitat tan‑nisa ħaddiema. Il‑mara ħaddiema setgħet issir shop stewardess, nisa ħaddiema kolletturi, nisa ħaddiema membri tal‑eżekuttiv u membri ta’ delegazzjonijiet li siefru biex jiddiskutu kwestjonijiet trejdjunonistiċi. Kien il‑Partit Laburista, il‑Gvern Laburista Malti li beda jiġġieled biex in‑nisa jkollhom l‑istess drittijiet fuq il‑post tax‑xogħol daqs dawk tal‑irġiel. Kien il‑Gvern Laburista li lill‑mara għollieha fil‑livell politiku u soċjali tagħha. Għalkemm fir‑reġistru elettorali nsibu li 52.2% tal‑votanti huma nisa, kien il‑Gvern Laburista li mill‑1947 dejjem irnexxielu jtella’ mara fil‑Parlament. U hawn nixtieq ukoll nirringrazzja lill‑Ex Deputat Parlamentari, mara oħra kuraġġuża, li fil‑bidu tad‑diskors tiegħi awgurajtilha għall‑ħatra ta’ President il‑ġdid; hekk ukoll f’isem in‑nazzjon nirringrazzja lil Mrs Evelyn Bonaci għall‑kontribut li tat lin‑nazzjon. (Onor. Membri: hear hear).
Kien il‑Gvern Laburista u l‑għaqda tal‑ħaddiema, irrid ngħid il‑GWU, li mhux biss taw id‑drittijiet ugwali lill‑mara fuq il‑post tax‑xogħol, imma wkoll kien il‑Gvern Laburista li lill‑mara poġġieha f’postha fis‑soċjetà. Kif nafu, biex il‑livell soċjali tal‑pajjiż jista’ jkompli jitla’ ’l fuq, juri progress, irid ikun hemm ekonomija tajba. Il‑livell soċjali, il‑progress soċjali huwa bbażat fuq il‑progress ekonomiku. Għalhekk hawn nixtieq nagħti t‑tifsira soċjalista tal‑iżvilupp ekonomiku tal‑pajjiż. Kien il‑Gvern Laburista li barra li ta d‑dritt tal‑vot lill‑mara fl‑1947, lil dik il‑mara ma ħallihiex iktar tbati bħala seftura, taħdem minn xħin titla’ sakemm tinżel ix‑xemx, tallaba, tħabbat għal xi sold minn bieb għal bieb fit‑toroq tagħna. Kien il‑Gvern Laburista li ħaseb għall‑bżonnijiet materjali, fis‑sens li pprovda x‑xogħol, tella’ bini, housing estates, plots lill‑ħaddiema, lil dawk li l‑iktar għandhom bżonn. Kien il‑Gvern Laburista Malti li ħaseb biex jara l‑bżonnijiet kulturali fis‑sens tal‑edukazzjoni, divertiment u ftuħ ta’ ċentri sportivi fil‑pajjiż biex b’hekk il‑livell tal‑poplu Malti dejjem juri progress, grazzi għall‑ekonomija soda li fuqha kienu mibnija dawn is‑servizzi kulturali, illi fuqhom hija mibnija l‑ġenerazzjoni soċjalista, demokratika ta’ Malta. L‑iżvilupp soċjali li wassal għas‑soċjetà avvanzata tal‑mara Maltija ra t‑twelid tiegħu fi ħdan il‑Gvern Laburista. Jekk naraw u naqraw l‑istatistika dwar il‑livell tal‑ħajja soċjali f’pajjiżi iktar sinjuri minna, insibu li f’Malta, grazzi għax‑xogħol fejjiedi li qed jagħmel il‑Gvern Laburista, aħna ngawdu livell għoli soċjali ta’ 75%. Interessanti li mmorru ftit lura fl‑istorja tal‑Ewropa, fl‑istorja ta’ Malta, meta sa minn 100 sena ilu Soċjalisti kbar iddominaw l‑Ewropa, jiġġieldu għad‑drittijiet tal‑bniedem, għad‑drittijiet tal‑mara, u nsibu li anke f’Malta kellna eroj difensur tal‑ħaddiema li ssielet mad‑dlamijiet, mal‑qawwiet mudlama tal‑konservatiżmu u li miet fl‑eżilju. Qed ngħid għal Manwel Dimech li miet fl‑1921. Dak li ppriedka u emmen fih Manwel Dimech qiegħda twettqu llum l‑Amministrazzjoni Laburista permezz tal‑għarfien tad‑drittijiet tal‑bniedem.
Insibu wkoll li matul iż‑żmenijiet, minħabba r‑rivoluzzjoni industrijali ... Għax anke fuq Malta din ir‑rivoluzzjoni industrijali ħalliet l‑effetti tagħha. Il‑mara Maltija kienet taħdem fl‑għelieqi spalla ma’ spalla ma’ żewġha. Sas‑seklu l‑ieħor kellna l‑industrija tal‑qoton. Għad għandna wkoll, speċjalment ġewwa Għawdex, l‑industrija tal‑insiġ, però kif nafu, l‑industrija tal‑qoton li kienet parti mill‑ekonomija tal‑pajjiż, sparixxiet minħabba l‑prodott Amerikan. Il‑mara Maltija kienet tieħu parti, flimkien ma’ żewġha, fl‑għelieqi, fil‑biedja u taħdem għall‑prodotti tal‑ikel u affarijiet oħra. L‑għodda tal‑antik maż‑żmenijiet tbiddlu, kif tbiddlu l‑kondizzjonijiet bir‑rivoluzzjoni industrijali. Il‑ħaddiem ma baqax iktar juża l‑għodda tiegħu. L‑għodda u l‑ħaddiem kienu ħaġa waħda. L‑għodda antiki tbiddlu u l‑għodda saru l‑fabbriki. L‑għodda tal‑lum huma l‑fabbriki u l‑għodda ta’ għada huma l‑fabbriki. U hawn nixtieq ngħaddi nota personali, biex fejn ma hemmx u kemm huwa possibbli, fl‑inħawi tal‑fabbriki jinbnew ċentri sportivi fejn il‑ħaddiem ikun jista’ jirrikrea ruħu fil‑ħin liberu tiegħu.
Ir‑rivoluzzjoni industrijali f’Malta rat it‑twelid tagħha wkoll u l‑effetti tagħha wkoll bix‑xogħol fejjiedi li għamel il‑Gvern Laburista meta fis‑snin ħamsinijiet bena l‑ewwel industrial estates ġewwa l‑Marsa. Il‑mara bdiet issib iktar impjiegi; skrivana, manageress, tajpista, u hekk naraw il‑livell tal‑progress soċjali fil‑qasam tal‑ħajja Maltija. Bir‑rivoluzzjoni industrijali kellna sistema ta’ xogħol mibnija fuq klassi waħda, il‑klassi tas‑sidien, il‑klassi tal‑kapitalist, u hawn daħal l‑intervent tal‑Gvern Laburista. Il‑Gvern Laburista daħħal il‑mixed economy, fejn naqas il‑kapitalist daħal il‑Gvern, bena fabbriki, żied l‑impjiegi, u llum naraw li l‑ħaddiema f’fabbriki privati jgawdu l‑istess privileġġi ta’ ħaddiema fis‑settur governattiv. Kien il‑Gvern Laburista li ta s‑setgħa lill‑ħaddiema li ġġieldu għad‑drittijiet tagħhom, paga minima, paga ugwali. Jekk tħares ftit lura fl‑istorja tax‑xogħol li kienet tagħmel il‑mara Maltija fil‑fabbriki, tibki tara dak is‑serq ta’ flus.
Kont tistħi fl‑imgħoddi tara tfajliet jaħdmu f’ċerti fabbriki privati u anke ġuvintur u rġiel tax‑xogħol miżżewġa, jagħtu s‑sigħat twal mingħajr ebda limiti, sigħat twal ta’ xogħol u misruqin mill‑pagi tagħhom. Dan li messu ra l‑Gvern Nazzjonalista fis‑sittinijiet, jagħti l‑paga ugwali lin‑nisa, jagħmel l‑40 siegħa ta’ xogħol lill‑ħaddiem, in‑nofstanhari li kien diġà qed jaħdem għalihom il‑Gvern Laburista. Il‑kapitalist għandu għalfejn iħoss skruplu ta’ dak is‑serq ta’ flus li kien qed jieħu minn fuq dahar il‑ħaddiem, taħt forma ta’ dritt. Hawnhekk il‑Gvern Laburista wkoll daħħal is‑sistema ta’ parteċipazzjoni fix‑xogħol li qed joħloq fil‑fabbriki, fit‑Tarzna, u qed idaħħal sistema ta’ ġustizzja soċjali, parteċipazzjoni fix‑xogħol li hi mfaħħra mill‑istess Papa. Din is‑sistema ta’ parteċipazzjoni fix‑xogħol rajtha flimkien ma’ sħabi tinħadem perfettament f’pajjiżi fejn hemm is‑sistema soċjalista. Fil‑Jugoslavja kelli x‑xorti s‑sena l‑oħra nakkumpanja 350 Malti, fil‑maġġoranza ħaddiema, rajna sa mill‑management fejn taqta’ t‑ticket tal‑ajruplan, sal‑inqas waitress fil‑lukanda, ix‑xogħol huwa kollu kordinat u l‑parteċipazzjoni fix‑xogħol hija inċentiv biex il‑ħaddiem jagħmel iktar ħiltu u jaħdem iktar b’serjetà u juri iktar progress u jieħu l‑profitt proporzjonali tax‑xogħol tiegħu.
Kif rajna, kien il‑Gvern Laburista li għen għall‑iżvilupp tal‑ekonomija li fuqha hi bbażata l‑ħajja soċjali. Il‑Gvern Laburista, skont il‑Kostituzzjoni Maltija, jagħti l‑istess dritt għax‑xogħol sew lill‑mara, sew lir‑raġel, u dan id‑dritt qatt ma qed jiġi miċħud min‑naħa tal‑Gvern Malti.
Inħoss li fejn jitbattal post li x‑xogħol tiegħu kapaċi jagħmlu raġel u kien xogħol governattiv, xogħol fis‑settur privat, li jista’ jimtela bil‑kapaċità ta’ kwalifiki ta’ mara, jew jekk ikun xogħol, impjieg, li kapaċi jagħmlu raġel jekk tbattal minn post li kienet fih taħdem mara, dan huwa dritt li għandu jingħata lill‑ħaddiema kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni. Ix‑xogħol jingħata lil min kapaċi jagħmlu, min hu kwalifikat, u jingħata wkoll lil min l‑iktar għandu bżonn. U hawn nagħmel appell biex fuq il‑post tax‑xogħol tagħna, sew jekk hu post governattiv, sew jekk hu post fis‑settur privat, jekk hemm – forsi għad hemm – impjegati li iktar qegħdin jitolbu u jaraw x’inhuma d‑drittijiet tagħhom, jien ngħidilhom: Ħarsu wkoll lejn x’inhuma d‑doveri tagħkom. Tistħi, Mr Speaker, meta personalment jiena f’post governattiv, f’uffiċċju nistenna fil‑queue, nisma’ ħafna diskors. Ma flaħtx għal dan id‑diskors, ftaħt il‑bieb, qbiżt il‑queue, staqsejt u għidt: Nispera li din il‑konverżazzjoni tittratta x‑xogħol tagħkom. Għajtuli, għarrfitni waħda mill‑iskrivani u jiena b’kuraġġ għidtilha: Mhux lili aqdi, imma lin‑nies li hemm fil‑queue. Indaħħlu iktar sens morali, sens ta’ responsabbiltà fuq il‑postijiet tax‑xogħol tagħna. Mhux tidħol f’uffiċċju waqt ħinijiet tax‑xogħol u tara xi impjegat bit‑transistor jew bil‑ġurnal f’idejh. Nikkundannawhom lil dawn l‑impjegati u ngħidulhom li mhux il‑ħalliel biss li jmur jiżgassa bieb qed jikkometti serq. Dan ukoll huwa forma ta’ serq mill‑flus tal‑poplu Malti.
U għalhekk kulħadd għandu jħoss id‑dover, sew jekk huma ħaddiema rġiel, sew jekk huma ħaddiema nisa, kulħadd għandu jħoss id‑dover li minnu jiddependi l‑iżvilupp ekonomiku, soċjali, kulturali tal‑pajjiż, li mibni fuq linji ta’ paċi. Repubblika mibnija fuq ix‑xogħol, mibnija fuq il‑paċi li tant jaħdem għaliha l‑Gvern Laburista Malti, immexxija minn dak il‑leader, fundatur tar‑Repubblika tax‑xogħol, fundatur tar‑Repubblika tal‑paċi, irrid ngħid il‑Prim Ministru għażiż Malti, l‑Perit Dom Mintoff.
Fis‑sitwazzjoni li Malta qiegħda llum, il‑poplu Malti jrid jiftaħ għajnejh. Aħna rridu poplu magħqud, poplu ta’ rieda tajba li jaħdem għall‑paċi. U għalhekk ngħidilhom lill‑Oppożizzjoni joqogħdu attenti minn xi għadu moħbi tas‑CIA. Nieħdu l‑eżempju ta’ Ċipru, meta seba’ snin ilu, ftit iktar minn seba’ snin ilu, il‑poplu ta’ Ċipru ġie mifrud mill‑qawwiet tas‑CIA, il‑kurunelli faxxisti Griegi, li ħolqu l‑kolp ta’ stat; l‑armata Torka li invadiet lil Ċipru. L‑Ingilterra, li żammet il‑bażi tagħha tan‑NATO f’Ċipru, baqgħet tħares passiva lejn din l‑invażjoni. U jien ngħidilhom lin‑Nazzjonalisti: Xi swielha Ċipru li kellha garanziji tal‑protezzjoni tal‑indipendenza tagħha minn pajjiżi li jiddelettaw u jħaddnu prinċipji tal‑ideal tal‑libertà u d‑demokrazija? Kienet is‑CIA, ħtija tagħha, li firdet lill‑poplu Ċiprijott. U dan proprju aħna qegħdin ngħassu li ma jsirx ġewwa Malta.
Min‑naħa l‑oħra nixtieq infakkar f’dak il‑messaġġ illi ġewwa Tuneż, f’Ġunju li għadda l‑Ministru tal‑informazzjoni tal‑Iraq; Jossem Nacif, fis‑17‑il sessjoni tal‑Kunsill tal‑Ministri Għarab, fakkar lill‑Ministri sħabu, lill‑pubbliku, lin‑nazzjon Għarbi li l‑ġlieda li teżisti bejn iz‑Zionisti u l‑Għarab hija ġlieda kulturali u xjentifika. L‑att kriminali tal‑Lhud, taz‑Zionisit huwa, kompla jgħid dan il‑Ministru tal‑Iraq, illi dawn iridu jeqirdu l‑volontà tal‑Għarab biex l‑Għarab forsi jitilfu l‑fiduċja tagħhom fihom infushom. Għalhekk dan il‑Ministru Għarbi mar jagħmel appelli, permezz tal‑informazzjoni, biex in‑nazzjonijiet, l‑Għarab, juru aktar rieda soda, l‑Għarab juru aktar paċenzja u perseveranza għax fl‑aħħar – ikompli jgħid – l‑element psikoloġiku jirbaħ a favur ta’ min hu fit‑triq it‑tajba, a favur tagħhom.
U hawnhekk jien nagħmel appell lill‑poplu Malti u Għawdxi biex jibqa’ f’din it‑triq b’rieda tajba, triq ta’ perseveranza, ta’ paċenzja, għax fl‑aħħar l‑element psikoloġiku tal‑Gvern Laburista, tax‑xogħol kollu li qed jaħdem u jagħmel għad jieħu t‑trijonf tiegħu, iż‑żejt għad jitla’ f’wiċċ l‑ilma, it‑tajjeb fl‑aħħar għad jittrijonfa għal Malta Maltija, Malta newtrali, Malta li trid tbiddel il‑baħar Mediterran f’baħar ta’ paċi.
MR SPEAKER: Nattira l‑attenzjoni li l‑ħin biex titkellem, spiċċa. Jekk trid tkompli titkellem teħtieġ il‑permess tal‑Kamra.
ONOR. RENO CALLEJA (Ministru tat‑Turiżmu): Nipproponi li tkompli tinstema’.
ONOR. JOSEPH BRINCAT: Nissekonda.
MR SPEAKER: Hemm oġġezzjoni? (Onor. Membri: No)
Il‑mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. ĊETTINA DARMENIA BRINCAT: Nirringrazzja lill‑proponent, lis‑sekondant u lill‑Kamra talli estendewli l‑ħin biex inkompli nitkellem. Kemm baqagħli ħin, jekk jogħġbok?
MR SPEAKER: Ħin, bil‑permess tal‑Kamra, baqa’ 30 minuta, imma ħin ma baqax minħabba li jridu jitkellmu l‑oħrajn. Jekk tista’ tagħlaq, ma ddumx, aħjar.
ONOR. ĊETTINA DARMENIA BRINCAT: Grazzi ħafna. Kont qiegħda ngħid illi Malta llum trid tbiddel il‑baħar ta’ madwarna f’baħar ta’ paċi. Niftakru f’dak il‑kliem li qal wieħed mill‑ammiralli Franċiżi tal‑gwerra li għaddiet, l‑Ammiral De Belot li ħa parti attiva fil‑gwerra kontra l‑Faxxisti, kontra n‑Nażisti tal‑aħħar gwerra. Dan l‑Ammirall fil‑ktieb miktub bil‑lingwa Franċiża, qal hekk: “Jekk l‑Ingilterra rebħet il‑gwerra, il‑gżira ċkejkna ta’ Malta salvat lill‑Mediterran”. Anke llum Malta trid issalva l‑Mediterran, imma mhux permezz ta’ gwerer, mhux permezz ta’ gżira fortizza minn fejn pajjiż irid jaħtaf pajjiż ieħor, fejn isir it‑tixrid tad‑demm. Malta trid issalva lill‑Mediterran billi tibdlu f’baħar ta’ paċi; nibdlu lil Malta f’pont ta’ paċi mal‑pajjiżi ta’ madwarna, mal‑pajjiżi Għarab, ma’ pajjiżi tal‑bogħod u tal‑qrib għax għalina kulħadd huwa uman, m’għandniex differenza ta’ razez. Il‑prinċipji soċjalisti demokratiċi huma mibnija fuq l‑ugwaljanza tad‑drittijiet tal‑bniedem. Huwa dritt sagrosant uman illi, sew jekk int iswed, sew jekk int abjad, sew jekk int Għarbi, sew jekk int Amerikan, aħna lilek nirrispettawk fuq l‑istess livell.
Kif nafu, l‑istorja ta’ Malta teħodna ’l bogħod meta verament dan il‑baħar kien baħar ta’ invażjonijiet, baħar ta’ gwerer, meta mis‑sekli qrib tal‑istorja tagħna l‑baħar kien il‑bejta tal‑pirati. U kien wara s‑sena 1830, meta Franza rebħet lil Algiers, illi l‑pirati sparixxew minn fuq dan il‑baħar Mediterran, u dan il‑baħar beda jsir il‑baħar kummerċjali. Anke f’Malta, l‑Ingilterra, ftit wara li għamlet trattat ma’ Franza fl‑1814, ukoll bdiet tuża lil Malta, però mhux skopijiet kummerċjali biss, imma għal skopijiet ukoll ta’ gwerra. Kien għalhekk dak li għaddejna minnu matul il‑gwerra meta tkissru l‑20,000 dar, ħadna mat‑3,217‑il attakk tal‑għadu, mietu mad‑9,000 ruħ, skejjel imkissra, u tfal fejn imorru skola ma kellniex. Inkrew sagristiji ta’ knejjes, inkrew swali ta’ djar privati biex il‑Gvern Laburista jeduka lill‑pajjiż, ibiddel is‑sistema ta’ nofstanhar skola għal sistema ta’ ġurnata sħiħa biex b’hekk l‑edukazzjoni timxi ’l quddiem, il‑poplu jsir iktar poplu mgħarraf, jagħraf il‑bżonnijiet ta’ pajjiżna u mhux il‑bżonnijiet iktar ta’ pajjiż ieħor milli tagħna, naħdmu għall‑ekonomija tagħna u mhux għall‑ekonomija ta’ pajjiż ieħor, għax Malta tiġi għalina l‑ewwel u qabel kollox. (Onor. Membri: Hear, hear)
Nixtieq inżid li Malta llum, fil‑qasam ekonomiku qiegħda verament taqdi l‑bżonnijiet tal‑Maltin. Il‑ħaddiema fil‑fabbriki, ħaddiema nisa u rġiel flimkien, f’għaqda trejdjunjonistika, f’għaqda politika, għandhom jaraw li jibdlu lil dan il‑pajjiż għall‑ħtiġijiet tal‑ħaddiema u li fil‑fabbriki u fil‑postijiet tax‑xogħol joħolqu ġid għall‑pajjiż. Malta, fil‑Kostituzzjoni tar‑Repubblika, li għaliha vvutaw anke 80% tan‑Nazzjonalisti, għamlitha ċara li l‑linja tagħna hija linja ta’ newtralità. Iridu nżommu ’l bogħod, l‑istess distanza, miż‑żewġ super‑potenzi; minn naħa waħda l‑Amerika u min‑naħa l‑oħra r‑Russja. Fuq dan il‑prinċipju ta’ paċi nkomplu naħdmu fit‑triq tal‑progress ħalli l‑ġenerazzjoni futura tkun tista’ tiret dawk il‑prinċipji u tiret il‑ġid li qiegħed jaħdem u jwettaq il‑Gvern Laburista għall‑ġid umanitarju soċjali, kulturali u edukattiv tal‑poplu kollu Malti u Għawdxi.
Nagħlaq billi nagħmel appell lil dawk li għandhom verament rieda tajba biex niġbdu ħabel wieħed, biex naħdmu għall‑ġid tan‑nazzjon, għall‑ġid għażiż ta’ Malta tagħna biex il‑poplu ġejjieni ma jisħetniex, biex ma narawx għedewwa jinfiltraw; inżommu l‑paċenzja, inkunu perseveranti ħalli l‑Partit Laburista jkompli juri fid‑dawl tal‑verità l‑prinċipji demokratiċi Nsara. Jalla fl‑edukazzjoni ċivika lit‑tfal iż‑żgħar tagħna neqirdulhom parti mill‑istorja li ma tikkonformax mal‑istorja għażiża ta’ Malta, nuruhom min kienu l‑eroj Maltin. Insemmu lilhom u mhux insemmu biss irjus kbar barranin. Indaħħlu wkoll mal‑istorja tal‑Ewropa, parti mill‑istorja Ewropea tagħna, mill‑istorja Maltija tagħna. Ngħidulhom min kienu dawk li ħadmu, minn liema sagrifiċċji għadda l‑Gvern Laburista Malti biex wasal f’dan il‑livell għoli matur tas‑soċjetà. Nuruhom ukoll min kien dak il‑bniedem li Malta għad tibkih, Malta għad tħaddnu ma’ qalbha, min kien dak l‑għalliem uman, dak l‑istatista, riformista, strateġista, leader internazzjonali, mexxej ta’ Malta Maltija, il‑Prim Ministru Dom Mintoff. Grazzi ħafna. (Onor. Membri: Hear, hear) (Applaws)
Elected on: | 09.01.1982 |
Oath of Allegiance: | 15.02.1982 |
Dissolution of Parliament: | 13.02.1987 |