Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Herman Farrugia

Back to List

Condolences (12 Jan 1934 - 11 Nov 2006)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 460 tal-Għaxar Parlament tat-Tnejn 13 ta' Novembru 2006

KONDOLJANZI

ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern): Sur President, kif nafu l-ġimgħa li għaddiet tħabbret il-mewt ta’ l-ex-deputat nazzjonalista, it-Tabib Hermann Farrugia. Naturalment aħna ta’ din in-naħa konna nafuh sewwa u għalkemm jiena qatt ma kelli x-xorti li nkun miegħu f’dan il-Parlament għaliex hu spiċċa minn membru parlamentari fl-1992 u jien bdejt hawnhekk fl-1992, kont nafu sewwa għaliex bħala familja għal żmien twil kienu joqogħdu Ħal Balzan meta l-familja tiegħu ttrasferiet ruħha fil-gwerra mill-Furjana għal Ħal Balzan. Jiena niftakar li ommu u missieru kienu jgawdu ħafna rispett fil-komunita` u baqgħu joqogħdu Ħal Balzan. U din it-tjubija u rispett li kienu jgawdu l-ġenituri tiegħu ġiet trażmessa wkoll f’binhom Hermann li daħal f’dan il-Parlament fl-elezzjoni ta’ l-1971. Sadanittant hu kien iżżewweġ u reġa’ mar joqgħod il-Furjana. Jiena niftakar ħafna meta tela’ fl-elezzjoni ta’ l-1971 għaliex dakinhar il-partit Nazzjonalista kien tella’ tlieta minn fuq id-distrett tal-Belt meta tilef l-elezzjoni ta’ l-1971. It-Tabib Hermann Farrugia kien l-iżgħar mit-tliet kandidati li kienu telgħu min-naħa tal-partit Nazzjonalista u kien għad kellu biss 37 sena, u minn dakinhar baqa’ jitla’ kontinwament għal 21 sena sa l-1992 sakemm imbagħad warajh għal diversi snin tela’ t-tifel tiegħu, Dr. Jean Pierre Farrugia li għalkemm m’għadux deputat ta’ din il-Kamra għadu attiv ħafna fil-politika għaliex huwa l-president ta’ l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Kif tiddeskrivih lil Dr. Hermann Farrugia? Kieku kelli nuża żewġ aġġettivi ngħid li kien bniedem ġenwin f’kull sens tal-kelma u bniedem twajjeb f’kull sens tal-kelma. Aħna l-Maltin għandna l-espressjoni sabiħa li tgħid “taqta’ u tiekol minnu” għaliex kien joffri l-għajnuna tiegħu mhux għal xi interess finanzjarju imma għaliex ġenwinament kien iħoss għal dak li jkun. Jien bħalek, Sur President, attendejt flimkien mal-Prim Ministru u ħafna persuni oħrajn għall-funeral tiegħu fil-knisja parrokkjali tal-Furjana li kienet imballata bin-nies. Il-Furjaniżi li kellmuni qaluli li kienu tilfu Furjaniż kbir u jiena weġibthom li mhux biss tlifna Furjaniż kbir imma tlifna raġel li kien ġeneruż ma’ kulħadd. Għalkemm il-Furjana kienet l-iktar ħaġa li kien iħobb, kien juri rispett u ġenorożita` lejn kulħadd.

It-tieni ħaġa li niftakar ħafna f’Dr. Hermann kienet il-lealta` tiegħu lejn il-partit. Meta kien jaqbad punt anke ġewwa l-partit kien jibqa’ jsostnih, imma mbagħad fl-aħħar meta konna niddeċiedu kien isostni dejjem il-linja tal-partit, baqa’ dejjem leali lejn il-partit u kulma talbu l-partit dejjem wettqu b’lealta` kbira. U allura mhux ta’ b’xejn li kien hemm dak l-ammont kbir ta’ nies fil-funeral tiegħu biex jagħtu l-aħħar tislima lill-persuna li qdiet l-ewwelnett lil pajjiżna, pero` wkoll lill-partit li kien tant iħobb u lill-Furjana fejn dejjem għex.

Għalhekk nitlob li l-iSkrivan tal-Kamra jiġi awtorizzat jibgħat il-kondoljanzi lill-mara tiegħu Alice li dejjem sostnietu, niftakarha dejjem miegħu fl-attivitajiet politiċi anke meta kien jiġi n-naħat tagħna jagħmel konferenzi politiċi, kif ukoll lit-tfal tiegħu Hermann, Jean Pierre, Marcel u lil Veronique. Grazzi ħafna. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? Insejjaħ lill-Onor. Joe Mizzi.

ONOR. JOE MIZZI: Sur President, min-naħa ta’ l-Oppożizzjoni jiena ningħaqad ma’ sieħbi l-Onor. Tonio Borg biex inwassal dawn il-kondoljanzi. Jien kelli l-unur li nkun nafu wkoll u nafu bħala bniedem ġentlom u sinċier. Tant kien sinċier li niftakar darba konna l-Libja - kien hemm jiena, Renato Agius Muscat, Dr. Hermann Farrugia, mingħalija kien hemm ukoll Dr. Gonzi bħala Speaker dak iż-żmien u Vincent Moran - u waqt li konna fil-hotel, Renato Agius Muscat kien għamillu ċajta u kien ċempillu u qallu li kien hemm bżonn ta’ tabib malajr għaliex kien hemm mara se twelled. U Hermann - għaliex jiena iktar nafu bħala Hermann - qallu li hu ma kellux il-bagalja tat-tabib miegħu imma ta’ raġel li kien niżel bis-serjeta` biex jagħti l-għajnuna. Għalija Dr. Hermann Farrugia kien bniedem ta’ rispett, u anke meta ġġib argument kien jargumenta, u fejn kien ikollok raġun jagħtihulek, u fejn iħoss li ma jaqbilx miegħek kien jgħidlek li ma jaqbilx miegħek, pero` b’sempliċita’ li jiena ma ninsiha qatt. Nista’ ngħid ukoll li jiena tgħallimt ħafna minnu għaliex bniedem bħal dak ta’ min jagħti kas il-mod kif kien jaġixxi meta xi ħadd kien jitolbu l-għajnuna. Naħseb li aħna l-membri parlamentari għandna nħarsu lejn bniedem bħal dan għaliex nistgħu nitgħallmu minnu.
Għalhekk nerġa’ ningħaqad man-naħa tal-gvern u nuri s-sogħba f’iseml-oppożizzjoni u nwassal il-kondoljanzi lill-familja tiegħu.

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u titlob lill-iSkrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu.

Electoral History

Third Legislature (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 17.06.1971
Oath of Allegiance: 16.08.1971
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 09.10.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Co-opted 18.12.1981
Oath of Allegiance: 09.05.1983
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Sixth Legislature (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 13.05.1987
Oath of Allegiance: 09.07.1987
Dissolution of Parliament: 20.01.1992