Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 470 tal-Għaxar Leġislatura tas-27 ta' Novembru 2006
KONDOLJANZI
ONOR. TONIO BORG: Mr Speaker, kif jaf kulħadd, għaliex l-aħbar malajr inxterdet ma’ Malta kollha, fil-25 ta’ Novembru miet it-Tabib Jimmy Farrugia. Naħseb li kulħadd kien jafu lit-Tabib Jimmy Farrugia għaliex okkupa diversi karigi importanti f’pajjiżna, ibda mill-kariga li tokkupa inti, Mr Speaker, bħala president ta’ din il-Kamra. Kien ukoll deputat ta’ din in-naħa tal-Kamra għal għaxar snin sħaħ bejn l-1976 u l-1986. Barra minn hekk għamel żmien twil ukoll jokkupa il-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta, meta kien hemm President ta’ Malta Censu Tabone u anke Ugo Mifsud Bonnici.
Apparti mill-ħajja politika tiegħu t-Tabib Farrugia kien ukoll attiv barra mill-politika. Anzi wieħed għandu jgħid li beda jkun attiv fl-oqsma li se nsemmi qabel ma fil-fatt daħal fil-Parlament. Fil-fatt kien President ta’ l-Azzjoni Kattolika, ħadem ħafna fi ħdan il-knisja, fl-għaqdiet tal-knisja u fil-kumitat tal-lajċi anke fi żmien il-ġunta fl-1962, u ta dejjem dak kollu li jaf f’dak li jemmen, tista’ taqbel jew ma taqbilx miegħu, b’ċerta dedikazzjoni u b’ċerta onesta`.
Niftakar li meta kont ġurnalista tal-ġurnal “In-Nazzjon”, f’dan il-Parlament smajt ministru Laburista, dak iż-żmien fuq din in-naħa tal-Kamra, jgħid li meta jirċievi ċertifikat mediku għas-sick leave mingħand it-Tabib Jimmy Farrugia jemmnu żgur. Jiġifieri kien bniedem li lanqas kienet tgħaddilu minn moħħu li jagħmel xi ħaġa irregolari, inkluż ċertifikat mediku li jiġġustifika jew ma jiġġustifikax il-mard. Dan huwa inċident żgħir li juri kemm it-Tabib Farrugia kien igawdi rispett miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Meta mbagħad daħal f’dan il-Parlament kien deputat li juri interess f’dak kollu li jiġri, b’mod partikolari fil-kostitwenza tiegħu. It-Tabib Farrugia serva f’dan il-Parlament għal għaxar snin sħaħ u wara li spiċċa minn Speaker, eżatt wara l-elezzjoni ta’ l-1987, ġie appuntat ambaxxatur għas-Santa Sede. Din kienet kariga li naf li kienet għal qalbu u naħseb li kienet tixraqlu bħala kariga, għax anke kien ġie dekorat mis-Santa Sede għas-servizz li hu dejjem ta lill-knisja. U allura kien kattoliku ferventi. Ma kienx fundamentalista, imma kien kattoliku ferventi. Tista’ taqbel jew ma taqbilx miegħu, imma għalih il-ħajja politika kienet ukoll vokazzjoni, li wieħed isegwi t-twemmin mhux biss politiku tiegħu, imma anke t-twemmin reliġjuż. Għalih kien impenn li tkun mhux biss nisrani imma nisrani fil-politika. Bħalma hemm nies li huma nsara li jaħdmu fl-isptarijiet fil-professjoni tagħhom, għalih kienet daqstant nobbli l-professjoni ta’ politiku fil-politika fil-Parlament bħala nisrani. Għalih ma kienx hemm kontradizzjoni bejn iż-żewġ affarijiet. Anzi kien verament jemmen li jekk inti nisrani tajjeb u għandek il-kapaċitajiet fil-politika għandek tinvolvi ruħek fil-politika. U hekk ġara, f’eta’ pjuttost kbira tiegħu, għax meta daħal l-ewwel darba fil-parlament kien diġa’ kellu kważi ħamsin sena. Is-soltu l-membri parlamentari jibdew ħafna qabel minn hekk, imma hu ta’ ħamsin sena ħass li kien il-mument li jidħol fil-politika.
Mr Speaker, jien niftakru wkoll - u ppermettuli forsi nieħu ftit iktar ħin illum għax niftakru sew u ħdimt miegħu – għall-imħabba kbira tiegħu lejn il-kultura. Għamel żmien twiel kien shadow minister ukoll fuq il-kultura, u jekk illum wasalna li għandna l-Heritage Malta u dan l-interess u kuxjenza għall-kultura u l-bini storiku, in parti huwa dovut għal dawk l-għaxar snin meta kien fl-oppożizzjoni u kien jisħak fuq l-importanza għat-turiżmu tagħna, imma anke għad-dinjita` tagħna, li jkollna ħarsien b’liġi tal-wirt storiku tagħna. Hu stess, imbagħad kien bniedem kolt u kien bniedem li jifhem. L-iktar li kien jifhem - niftakru għaliex ġieli ġibnieh Birkirkara sabiex jagħmel xi lecture - kien fuq il-fided. Fil-fatt kiteb żewġ kotba fuq il-fided, kemm fided fil-knejjes tagħna kif ukoll fided li huma fid-djar privati. Kont tinduna l-imħabba tiegħu lejn is-suġġett. Meta kien jitkellem fuq il-fidda kien ikun fis-seba’ sema, għax kien jitkellem b’ċertu entużjażmu dwar suġġett li huwa tant kien jifhem fih.
Mr Speaker, il-funeral se jsir għada fis-2.00 p.m. fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien. Nappella lil dawk li jistgħu jkunu preżenti għal dan il-funeral biex nagħtu l-aħħar tislima lil tabib li kien politiku, imma kien ġentlom u onest. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Charles Mangion.
ONOR. CHARLES MANGION: Mr Speaker, fl-eloġju tiegħu, l-Onor. Tonio Borg tista` tgħid li qal kollox dwar il-ħajja tat-Tabib Jimmy Farrugia. Ċertament li kemm fil-ħajja personali tiegħu, kemm f’dik professjonali kif ukoll f’dik bħala politiku, Jimmy dejjem immanifesta integrita’ u onesta` sħiħa. Naħseb li dawn huma l-iktar elementi li għalihom jibqa’ mfakkar. It-Tabib Jimmy Farrugia kellu prattika professjonali ma’ Malta kollha prattikament, imma kellu prattika professjonali estensiva f’Ħal-Luqa u allura hemm ħafna familji li jafuh u jirrispettawh minn dan l-aspett.
Bħala Membru Parlamentari jien nafu iktar fiż-żmien meta kien Speaker u niftakar li dejjem kien jagħmel l-almu tiegħu biex fid-deċiżjonijiet li jieħu ikun ġust u joħloq dak il-preċedent li jservi anke għal ta’ warajh bħala eżempju ta’ kif din il-Kamra għandha timxi. Meta f’ċerti mumenti kien ikun hawn naqra tqanqil u argumenti u nuqqas ta’ qbil ta’ opinjonijiet – għalhekk hija intiża l-Kamra tal-Parlament biex ikun hemm espressjoni ta’ l-opinjoni - nista` ngħid li dejjem għamel l-almu tiegħu biex jagħti deċiżjonijiet fair għaż-żewġ naħat, u naħseb li minn dan l-aspett kellu l-fiduċja ta’ kulħadd.
It-Tabib Farrugia kien konvint ħafna wkoll mill-opinjonijiet tiegħu. Tista’ ma taqbilx ma’ l-opinjoni tiegħu, imma dak li kien jesprimi kien jesprimih f’konvinċiment sħiħ. It-Tabib Farrugia jibqa’ wkoll magħruf għall-hobby tiegħu, ta’ kollezzjonista tal-fidda antika. Kien bniedem għaref ukoll fuq dan is-suġġett li huwa importanti. Fil-qasam tal-kultura kien jagħti l-istess impenn għal dan is-settur bħalma kien jagħti kemm fil-kamp politiku bħala Membru Parlamentari, kemm fis-Sedja bħala Speaker kif ukoll fil-professjoni tiegħu.
Għaldaqstant din in-naħa tal-Kamra tingħaqad mhux biss mal-membri tan-naħa l-oħra imma mal-kumplament tal-pajjiż biex testendi l-kondoljanzi lill-familjari tat-Tabib Farrugia li matul ħajtu mexa b’mod eżemplari. Ċertament dawk kollha li kienu jafuh jibqgħu jiftakru fih bħala bniedem ta’ integrita’ kbira, onest u dak li jagħmlu kien jagħmlu b’konvinċiment. Imma kellu wkoll l-aspett uman u ħanin tiegħu li min kellu x’jaqsam miegħu anke fil-ħajja professjonali jibqa’ jiftakarha. Grazzi.
MR SPEAKER (Onor. Anton Tabone): Is-Sedja tingħaqad ukoll ma’ dak li ġie espress miż-żewġ naħat tal-Kamra. Jien ukoll għamilt żmien naħdem miegħu meta t-Tabib Farrugia kien kien Membru Parlamentari u anke Speaker. Ma rridx nirrepeti dak li diġa’ ntqal, ħlief li rrid infakkar biss li kien hu li oriġina l-idea li jkun hawn ktieb ta’ l-istorja tal-Parlament Malti, li jien imbagħad kelli s-sodisfazzjon li dak li beda hu nkomplih għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd, u dehrli li okkażjoni bħal din wieħed irid ifakkar ukoll dik l-inizjattiva li kien ħa.
Għaldaqstant jiena nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal lill-armla ta’ Dr. Jimmy Farrugia l-espressjonijiet ta’ simpatija u ta’ kondoljanzi li wassalna llejla.
Infakkar ukoll kif fakkar il-Viċi Prim Ministru li l-funeral ta’ Dr. Farrugia huwa għada fis-2.00 p.m. fil-paroċċa ta’ Ħal Tarxien.
Elected on: | 25.09.1976 |
Oath of Allegiance: | 24.11.1976 |
Dissolution of Parliament: | 09.11.1981 |
Elected on: | 18.12.1981 |
Oath of Allegiance: | 29.03.1983 |
Dissolution of Parliament: | 13.02.1987 |
Sworn in as
Speaker of the House
Ceased: 10.10.1988 |