Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Prof Albert Fenech

Back to List
Albert Fenech  

Commemoration Booklet

TIFKIRA TAL-PROFESSUR ALBERT FENECH

FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI

PARLAMENT TA’ MALTA

 


9 TA’ OTTUBRU 1951 - 28 TA’ DIĊEMBRU 2021

 

Membru Tal-Kamra tad-Deputati bejn

Is-6 ta’ April 2013 u l-31 ta’ Marzu 2016

Prof Albert Fenech

Ġurament ta' Lealtà

 

L-EWWEL DISKORS TAL-PROF. ALBERT FENECH
FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI


ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 4
tat-Tlieta, 9 ta’ April, 2013


IT-TNAX-IL LEĠIŻLATURA

ESTIMI ĠENERALI 2013 – KUMITAT TA’ PROVVISTA
IT-TIENI JUM STABBILIT
VOTI TAL-MINISTERI KOLLHA


IĊ-CHAIRMAN (Onor. Ċensu Galea): Grazzi. Iktar rimarki? L-Onor. Albert Fenech.

ONOR. ALBERT FENECH: Sur President, se jkollna ħames snin niffaċċjaw lil xulxin u nidħlu f’dibattitu, però dan id-diskors nixtieq niddedikah għalina d-deputati f’din il-Kamra. Aħna ġejna eletti – u hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill-votanti tal-Għaxar Distrett għall-fiduċja li wrew fija – biex nieħdu deċiżjonijiet importanti ħalli Malta u Għawdex imorru ’l quddiem.

Però biex tieħu deċiżjoni tajba trid tkun b’saħħtek kemm fiżikament kif ukoll mentalment. F’dawn l-aħħar 10 snin sirna nafu li ħaġa waħda li żgur tmarrad huwa l-istress, u jekk hawn kamra f’din il-gżira fejn jeżisti stress bil-galluni huwa hawn ġew.

Nixtieq ngħidilkom li l-istress għandu effett ħażin ħafna fuqna l-bniedem. L-ewwel nett jeffettwa l-aġir tagħna; meta nkunu stressed inkunu irritabbli, ma nistgħux nikkonċentraw, ma norqdux u, kif jgħidu, ikollna fus qasir. Din mhijiex sitwazzjoni tajba kemm għalik, kemm għad-deċiżjonijiet li se tieħu, kif ukoll għar-relazzjonijiet personali u professjonali li se jkollok. Jekk dan l-istress jeżisti fit-tul se jkollu effett psikoloġiku. L-istress għandu wkoll effetti akuti fuq il-fiżjoloġija tagħna l-bnedmin. Meta nkunu stressed il-ġisem jipprepara ruħu għal dak li jissejjaħ il-fight-or-flight reaction. Ġismek se jipprepara jew biex jiġġieled u jissielet jew biex jaħrab. Meta l-ġisem se jiġġieled se jkollu bżonn ħafna enerġija, allura x’jiġri? Il-polz jibda jgħaġġel, il-qalb tibda tgħaġġel biex iċ-ċirkolazzjoni tal-muskolatura tmur għall-aħjar, però biex tagħmel hekk, il-pressjoni tagħna trid titla’. Peress li meta nkunu stressed il-ġisem se jkollu bżonn ħafna enerġija, jitla’ wkoll il-livell taz-zokkor. Sors ta’ enerġija ieħor huwa x-xaħam u meta nkunu stressed, jitla’ wkoll il-cholesterol. Nafu li l-cholesterol, iz-zokkor, il-pressjoni u l-polz mgħaġġel huma ħżiena. Imma hemm iktar! Meta bniedem irid jiġġieled jew jaħrab, jitlef kull interess fis-sess, kemm mara kif ukoll raġel. Li kieku l-istress kellu effett oppost, jiġifieri jżidlek l-interess u l-kapaċitajiet fis-sess, kieku ħadd ma jkun irid jiġġieled jew jissielet jew jaħrab!

Hawnhekk fil-Kamra se jkun hawn żmenijiet fejn se jkun hawn ħafna stress. Għandkom mnejn isserrħu moħħkom għax tgħidu li hawn disa’ tobba fil-Kamra, imma tabib mingħajr għodda għandu potenzjal limitat. Jien ili ntambar ħafna snin bħala kardjologu li, postijiet pubbliċi fejn hemm ħafna nies għandhom ikunu koperti b’sistema ta’ risuxxitazzjoni. Kieku kellna wieħed, forsi l-mikrofonu tiegħi kien jaħdem fil-bidu u ma kienx ikolli għalfejn inbiddel mikrofonu.

IĊ-CHAIRMAN: Onor. Fenech, f’dak il-każ ikollu jkun multi-functional.

ONOR. ALBERT FENECH: Allura, għan-nom tal-Malta Heart Foundation, avviċinajt kumpanija Maltija, it-Technoline li tat bħala rigal lill-Kamra defibrillator li se nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, u li iktar tard inwaħħluh f’post prominenti mal-ħajt.

IĊ-CHAIRMAN: Onor. Fenech, trid tagħti l-permess lill-Ispeaker biex ikun jista’ jużah għax, normalment, l-affarijiet li jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra jitqiegħdu f’kamra msakkra u jibqgħu hemmhekk.

ONOR. ALBERT FENECH: Sur President, ma jimpurtax għax biex tużah int u jużah ħaddieħor irid ikun hemm it-training, u kumpanija oħra Maltija, jisimha Soteria, ġentilment offriet li tħarreġ lill-impjegati t’hawnhekk fuq kif jintuża dan id-defibrillator. Irrid inserraħ moħħ il-Ministru tal-Finanzi, li donnu tani ħarsa kerha, li dan huwa gratis, m’hemmx nefqa għalih. Però fil-futur se niksirlek għajnek biex nonfqu ftit soldi fuq dawn l-affarijiet, li ma jiswewx ħafna flus, biex inpoġġuhom f’postijiet pubbliċi fejn jistgħu jkunu ta’ ġid.

Nirringrazzjak, Sur President.

Condolences (9 Oct 1951 - 28 Dec 2021)

Estratt mis-Seduta Parlamentari nru 531 tat-Tlettax-il Leġislature tat-Tnejn, 10 ta’ Jannar 2022

 

KONDOLJANZI

L-ISPEAKER: Illum l-Kamra se tfakkar lill-mibki Professur Albert Fenech li ġie nieqes fit-22 ta’ Diċembru, 2021. Kif tafu l-Professur Albert Fenech serva bħala Membru Parlamentari fit-Tnax-il Leġislatura bejn is-6 ta’ April 2013 u l-31 ta’ Marzu 2016. Nagħti merħba lill-familjari li qegħdin preżenti hawnhekk li nifhem li għandhom kopja tal-ktejjeb li ħriġna għall-kondoljanzi tal-mibki Albert Fenech meta ħa l-ġurament fis-6 ta’ April, 2013 u l-ewwel diskors tiegħu għamlu tlett ijiem wara.

Insejjaħ lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa l-Onor. Chris Fearne.

ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Meta kont student tal-mediċina - purtroppo ilu naqra, għax ilu xi 35 sena - ma kenitx rari anzi kienet komuni li kont tisma’ b’persuni l-aktar irġiel ta’ 45 sena, 48 sena u 50 sena li jkun jidher li huma fl-aqwa ta’ saħħithom li jaqbadhom attakk tal-qalb u jew jaqgħu u jmutu jew jagħmlu jumejn b’uġigħ f’sidirhom u jmorru għand il-Bambin. Kienet ħaġa komuni ħafna li rġiel - u anke nisa, imma l-aktar irġiel - ta’ bejn l-40 u 50 sena jmutu b’attakk tal-qalb. Dak iż-żmien it-trattament lil persuna bi problema ta’ anġina, ta’ attakk tal-qalb, kien li tagħtih valium biex tikkalmah u jiġi l-kappillan jitlob ħdejh għax ma tantx kien hemm x’tagħmel. 60% jew 70% tal-każijiet kienu jispiċċaw jitilfu ħajjithom anke f’dik l-età relattivament żgħira.

Meta eventwalment sirt tabib u bdejt nistudja biex insir kirurgu, konna bdejna nagħmlu anke ġewwa pajjiżna dak li konna ngħidulu l-open heart surgery. Qabel konna nibagħtu l-pazjent barra imma mbagħad bdejna nagmlu din l-operazzjoni ġewwa pajjiżna. Dawk il-persuni li jkollhom każijiet ta’ anġina konna ndaħħluhom l-isptar, kien jiġi professur minn barra u nagħmlu l-operazzjoni tal-bypass. Konna nlaqqgħu xi 30 ruħ, kollha jiġu f’din is-sala jistennew it-turn tagħhom biex jagħmlu l-operazzjoni għax kien jiġi l-professur minn barra u jerġa’ jitlaq. Kienu jidħlu 30 ruħ u joħorġu 25 ruħ għax konna nitilfu 10% jew 15% ta’ dawk il-każijiet waqt jew eżatti wara l-operazzjoni tal-bypass jiġifieri ma kenitx ħaġa faċli.

Eventwalment daħal dak li llum insejħulu l-intervention cardiology jiġifieri inti li għandek problema tal-qalb, minflok jew taqa’ u tmut b’attakk tal-qalb jew tispiċċa tagħmel il-bypass b’rata ta’ mortalità għolja, isirlek intervent ħafna drabi mill-arterja tal-koxxa u b’molla jew bi proċedura oħra jiftħulek l-arterja u tiffranka din il-biċċa xogħol kollha. Il-persuna li daħħlet l-intervention cardiology ġewwa Malta kienet preċiżament il-Professur Albert Fenech.

Lil Albert l-ewwel darba li rajtu kien xi 25 sena ilu. Dawk li huma familjari mal-angio-suites jafu li hemm ħajt kbir ta’ ħġieġ naħa, fejn ikun qed isir l-intervent u n-naħa l-oħra jkun hemm il-monitors. Jien kont qiegħed nitkellem ma’ xi ħadd ħdejn dawn il-monitors u nara raġel - u ma kienx raġel żgħir Albert, kien fih raġel mhux ħażin - liebes l-ilbies kollu protettiv kontra r-raġġi qed jagħmel dan l-intervent u qed ikanta. Għax Albert apparti li kien kardjolġist bravu ħafna kien naqra showman ukoll, però l-fatt hu li din il-proċedura ta’ stress hu kien kapaċi jeħodha bħala ħaġa ta’ kuljum u jagħmilha b’tant ħila. Din hija xhieda ta’ kemm kellha kapaċità din il-persuna. Hu mhux biss kien il-bniedem li kien jagħmel l-interventi fuq il-pazjenti b’mod individwali imma hu bena dan il-unit tal-intervention cardiology ġewwa pajjiżna u salva eluf ta’ ħajjiet. Jiġifieri fejn qabel il-mortalità ta’ attakk tal-qalb kienet 70% jew 80% imbagħad bil-open heart surgery niżlet, bl-intervention cardiology llum diffiċli tmut b’attakk tal-qalb. Dan grazzi primarjament għax-xogħol kbir b’dedikazzjoni u ħila li għamel Albert Fenech.

Lil Albert jien nafu bħala bniedem ġenwin ħafna. Ħdimna flimkien u ġejna lura mill-Ingilterra piu o meno fl-istess żmien. Jien bdejt il-pediatric surgery u hu beda l-cardiology ġewwa Malta però Albert ma kellux biss il-kapaċità li jagħmel interventi u li jintroduċi ħafna interventi u bena setup ġewwa pajjiżna fejn tidħol il-kardjoloġija imma ħaġa kbira li kellu kienet li kien kapaċi jgħallem lit-tobba ż-żgħar, lit-tobba ta’ madwaru biex illum għandna wieħed mill-aqwa dipartimenti tal-kardjoloġija mhux fl-Ewropa, imma fid-dinja. Illum id-Dipartiment tad-Kardjoloġija huwa mmexxi - u nsellimlu minn hawn - mill-Professur Robert Xuereb li huwa magħruf li huwa wieħed mill-aqwa fil-kardjolġija fid-dinja. Dan grazzi primarjament għax-xogħol li beda Albert Fenech u għall-mod ta’ kif irnexxielu jtella’ grupp ta’ tobba speċjalisti tal-qalb madwaru biex komplew ikabbru fuq dak li għamel hu.

Apparti li kien dan il-kardjoloġist bravu li mess il-ħajja ta’ eluf ta’ pazjenti u ta’ familji ġewwa Malta, Albert għamel perjodu ta’ kważi tliet snin ġewwa dan il-Parlament. Niftakru fil-Parlament l-antik u f’din il-Kamra koll għax kien Membru Parlamentari għal kważi tliet snin bejn l-2013 u l-2016. Anke f’dan iż-żmien qasir Albert għallimna xi ħaġa f’dan il-Parlament. Albert ma tantx kien jitkellem, ftit diskorsi għamel fi tliet snin. Forsi għamel nofs tuzzana, għaxar diskorsi kollox imma jekk tara d-diskorsi ta’ Albert ma naħsibx li ssib diskors li kien itwal minn għaxar minuti. Kienu jkunu diskorsi ta’ ħames minuti jew sitt minuti però f’dawk il-ħames u sitt minuti kien jgħid ħafna affarijiet ta’ sustanza, ħafna aktar minn kultant dak li ngħidu aħna fi tliet kwarti. Jiġifieri forsi wieħed jista’ jitgħallem ukoll minn dan li mhux t-tul tad-diskors jgħodd imma dak li tgħid meta tkun qiegħed titkellem. Albert għallimna – u forsi dan huwa l-moħħ xjentifiku kliniku - li dak li għandek tgħid għidu to the point, għidu b’mod li jagħmel sens u m’għandekx għalfejn toqgħod tilgħab għall-gallarija. U anke fil-ħajja tiegħu għalkemm kien showman nerġa’ ngħid hekk kien jagħmel mal-pazjenti, ma kellux sinifiteti żejda, u dak li għandu bżonn isir kien jagħmlu. U fil-politika ġabha wkoll u naħseb dik nistgħu nitgħallmu minnha.

Ovvjament l-aktar li se jħossuh huma l-qraba tiegħu, huma ħbiebu, in-nies li kienu jafuh mill-qrib u lil dawn in-nies kollha l-qraba tiegħu u l-ħutu speċjalment nagħtuhom il-kondoljanzi. Però se jimmisjawh żgur l-eluf ta’ pazjenti li mess mhux biss bl-interventi li kien jagħmel imma anke bil-mod ta’ kif kien kapaċi jasal għall-problema u jsib is-soluzzjoni tagħha. Jasal għall-problema u jsib is-soluzzjoni tagħha – u din forsi fil-politika tajjeb li neħduha on board ukoll -b’mod xjentifiku, b’mod eżatt u dak li huwa abjad huwa abjad u dak li huwa iswed huwa iswed. Anke f’din il-Kamra ġieli għamilha Albert. Dak fejn kellu jikkritika kkritikah u fejn ħass li an-naħa l-oħra kienu qed jagħmlu sew, ma ddejjaqx li jgħidu. F’dak jien dejjem apprezzajt ħafna x-xogħol ta’ Albert.

L-aħħar ġranet tas-sena u l-ewwel ġranet ta’ din is-sena ma kenux sbieħ għall-qasam, għall-fraternità, għall-komunità medika għax tlifna żewġ pilastri kbar. Tlifna lil Albert Fenech u tlifna lil Victor Calvagna. Jien se nieħu din l-opportunità biex proġett li ilna biex nagħmluh issa se nagħmluh. Aħna beħsiebna li dawk il-persuni li jkunu ħallew impatt fuq il-qasam mediku fil-ħafna istituzzjonijiet u fil-ħafna ċentri tas-saħħa għandna nibdew nikkommemorawhom. Pereżempju fil-berġa, ċentru komunitarju tas-saħħa ta’ Ħaż-Żabbar se nfakkru l-mibki Professur Anġlu Psaila. Fid-Dipartiment tal-Ortopedija se nfakkru l-mibki Charles Grixti. Fid-Dipartiment tat-Tfal se nfakkru lil seħibna Victor Calvagna u fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija kif inhu xieraq se jkollna tifkira wkoll tal-Professur Albert Fenech. (Onor.Membri: Hear,hear)

Jien f’ismi, f’isem il-familja tiegħi għax lil Albert konna nafuh anke bħala familja, f’isem din in-naħa tal-Gvern, f’isem imma jien ċert l-eluf ta’ pazjenti u familjari li miss Albert Fenech matul ħajtu - u issa anke l-frott ta’ dak li għallem u dak li bena se jibqgħu jgawduh anke l-pazjenti tal-lum u l-pazjenti ta’ għada - nixtieq inwassal il-kondoljanzi lill-familjari u l-qraba tiegħu. Minn hawnhekk mill-qalb nirringrazzja lil Albert tax-xogħol kbir li għamel u nwegħdu li mhux se jibqa’ jgħix fil-memorja tagħna biss imma fil-memorja kollettiva tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Grazzi.

L-ISPEAKER: Nirringrazzjak. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR.BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożozzjoni): Sur President, huwa b’sogħba kbira li ningħaqad mal-Viċi Prim Ministru, Kap tal-Kamra biex f’isem l-Oppożizzjoni nfakkar lill-Professur Albert Fenech, persuna ġenwina u ġentili li serviet fuq din in-naħa tal-Kamra bejn l-2013 u l-2016 u li sfortunatament ħalliena ħmistax ilu fit-28 ta’ Diċembru, 2021. Irrid l-ewwel nesprimi n-niket, is-solidarjetà u l-kondoljanzi lill-partner tiegħu s-Sinjura Simone Micallef u lill-familja kollha estiża tal-Professur Fenech speċjalment lil ħutu s-Sinjura Priscilla Camilleri u s-Sinjura Moira Laferla għat-telfa għal għarrieda li sofrew li ħasdet mhux biss lilkom imma lis-soċjetà Maltija kollha kemm hi.

Il-midja kollha speċjalment dik soċjali f’dawn l-ħmistax kienet mimlija messaġġi u riflessjonijiet ta’ xokk. Fil-fatt sfortunatament kellna xokk doppju l-ewwel bil-mewt għal għarrieda tal-Professur Albert Fenech imbagħad fl-istess ġurnata l-inċident traġiku u fatali tal-Professur Victor Calvagna, konsulent speċjalista tal-kanċer fit-tfal, pedjatra u onkologu. Nitlobkom tippermettuli wkoll biex nieħu minuta sabiex f’isem l-Oppożizzjoni u ċert f’isem il-Kamra kollha nesprimi s-sogħba kbira wkoll għat-telfa tal-Professur Victor Calvagna li b’dedikazzjoni u impenn eċċezzjonali kellu f’idejh il-kura tat-tfal fid-Dipartiment tal-Kanċer. (Onor. Membri: Hear,hear) Huwa kien il-President ta’ Puttinu Cares li f’messaġġ pubbliku qalu hekk dwaru:

“Dr Calvagna kien bniedem umli li ta ħajtu kollha lit-tfal morda u lill-ġenituri tagħhom li tant kien iħobb. Għallimna kif inkunu ta’ servizz għall-oħrajn mingħajr ma nistennew xejn lura.”

Meta fissirt is-sentimenti tiegħi dwaru fuq il-facebook ħassejt li għandi nikteb hekk:

“Missejt ħafna qlub u slift ħafna tama. Il-poplu Malti u Għawdxi hu grat lejk kemm bħala tabib speċjalista mat-tfal u anke għas-sehem kbir li tajt f’Puttinu Cares”

Inwassal f’ismi u f’isem l-Oppożizzjoni u anke din il-Kamra l-kondoljanzi lil martu s-Sinjura Carmen Calvagna, lil uliedu, lill-familja kollha u lill-Għaqda Puttinu Cares. L-aħħar tislima jekk Alla jrid nagħtuha lill-Professur Calvagna proprju pitgħada.

Minbarra t-telfa kbira għall-familji tagħhom il-mewt ta’ dawn iż-żewġ professuri hija telfa kbira wkoll għall-poplu kollu li f’temp ta’ 24 siegħa tilef riżorsa umana imprezzabbli tal-ogħla valur f’kull sens li għal snin sħaħ issarrfet f’servizz ta’ kura medika speċjalizzata mogħtija bl-akbar intelliġenza, kompetenza, professjonalità u umanità lill-eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin. Tlifna żewġt imħuħ. Tlifna żewġt iqlub li għal snin twal kienu dedikati għall-istudju, riċerka u prattika u li kienu fl-aqwa mument tagħhom għall-edukazzjoni u taħriġ tat-tobba, nurses u paramediċi żgħażagħ.

Il-Professur kardjologu Albert Fenech flimkien mal-Professur Alex Manche huma l-pijunieri per eċċellenza għat-twaqqif tas-servizz tal-kura moderna tal-mard tal-qalb. Huma waqqfu d-Dipartiment tal-Kardjoloġija 26 sena ilu fl-1995. Huma laqgħu l-istedina tal-Gvern Malti ta’ dak iż-żmien l-ewwel Albert Fenech u ftit snin wara Alex Manche u telqu warajhom il-kundizzjonijiet u l-ħlasijiet vantaġġjużi li kellhom fl-isptarijiet u kliniċi fl-Ingilterra fejn kienu qegħdin iservu u ġew Malta għas-servizz tal-poplu Malti u Għawdxi. Bis-saħħa tal-kontribut ewlieni tagħhom, Malta llum, kif anke spjega tant tajjeb l-Onor. Fearne, tgawdi minn wieħed mill-aqwa Dipartimenti tal-Kardjoloġija fl-area tal-Mediterran. Hemmhekk jaħdmu tim sħiħ ta’ speċjalisti Maltin tal-aqwa kalibru flimkien ma’ tobba u nurses speċjalizzati. Sa qabel ġew Fenech u Manche mijiet ta’ pazjenti kienu ilhom jintbagħtu l-Ingilterra għall-kura speċjalizzata tal-qalb.

F’intervista riċenti li kont qed naqra l-Professur Albert Fenech ġie kwotat li qal hekk dwar il-vokazzjoni tiegħu medika:

“The whole purpose of medicine is to allow people to lead a normal life, so I derive much pleasure in getting the feedback and see patients having a good time and leading normal lives as a result of my handywork. That at the end of the day, is what we are here for.”

Kliem li fih messaġġ għal kull min jagħti servizz pubbliku b’sens ta’ vokazzjoni.

Anke s-servizz li ta f’din il-Kamra bejn l-2013 u l-2016 bħala Membru Parlamentari ma setax ma jkunx ispirat minn din il-vokazzjoni tiegħu ta’ tabib dedikat għall-fejqan tal-bniedem. Meta rriżenja minn din il-Kamra m’għamilx dan għax kien imdejjaq fil-politika imma għax ħaseb li fil-qafas tal-Vitals Global Healthcare seta’ jwettaq servizz konkret aktar milli seta’ jagħmel f’din il-Kamra cjoè dak li jwettaq il-viżjoni tiegħu ta’ taqsima tal-kardjoloġija ġewwa Għawdex. Din il-ħolma sfortunatament ma setax iwettaqha proprju minħabba l-imbrolju ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ tliet sptarijiet pubbliċi.

Il-Professur Albert Fenech kien strumentali fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna u hija ħasra, kif stqarr huwa stess, li huwa ħassu mwarrab, imxekkel mill-qadi ta’ dmirijietu bħala tabib fl-aħħar snin. Fl-ewwel diskors tiegħu f’din il-Kamra fil-maiden speech fid-9 ta’ April 2013 – li għandna proprju kopja tiegħu hawnhekk illum – il-Professur Fenech iffoka fuq element importanti li jolqot is-saħħa tal-bniedem, l-impatt negattiv tal-istress. Beda billi rrifletta fuqna f’din il-Kamra u kien qal hekk:

“Biex tieħu deċiżjonijiet tajba trid tkun f’saħħtek kemm fiżikament u kemm mentalment. L-istress imarrad u jekk hawn kamra fejn jeżisti stress bil-galluni huwa hawn ġew”.

Hu spjega l-parir professjonali dwar l-effett ħażin ħafna tal-istress fuq saħħet il-bniedem li jista’ jikkawża żieda fil-cholesterol, iz-zokkor, il-pressjoni, stress fuq il-qalb u effett negattiv saħansitra fuq is-saħħa mentali. Huwa sostna li din il-kundizzjoni mhi tajba xejn la għall-bniedem u lanqas għad-deċiżjonijiet li jrid jieħu. Mit-teorija hu għadda għall-azzjoni u l-prattika. Hu nnota li fil-Kamra għandna diversi tobba imma sostna li tabib bla għodda għandu potenzjal limitat. Huwa kompla jispjega li kien ilu jtambar ħafna bħala kardjologu li postijiet pubbliċi fejn hemm ħafna nies għandhom ikunu koperti b’sistema ta’ risuxxittazzjoni u reġa’ insista fuq appell biex dawn il-magni jitpoġġew f’ħafna postijiet pubbliċi. Il-Professur Fenech mhux biss tkellem iżda ta l-eżempju billi rregala magna automated external defibrillater, jiġifieri defibrillater mobbli. Dan sar bl-għajnuna tal-Heart Foundation li twaqqfet fl-2009 fost oħrajn mill-President Emeritus Guido DeMarco, Alex Manche u l-istess Albert Fenech. Il-Professur Fenech irranġa wkoll kors ta’ taħriġ f’Lulju 2013 għall-impjegati tal-Parlament dwar kif tintuża din il-magna f’każ ta’ xi attakk tal-qalb. B’hekk il-Parlament seta jadotta safe heart policy.

Għalkemm jien ma kellix ix-xorti li naħdem ma’ Albert Fenech f’din il-Kamra, kelli biżżejjed konoxxenza u kuntatti miegħu biex stajt nifhem il-kwalitajiet sbieħ tiegħu bħala bniedem. Albert kellu kuxjenza soċjali ġenwina u qawwija u kellu mudell tal-iprem kwalità f’missieru t-tabib tal-familja Bertu Fenech li għadu magħruf sal-lum snin sħaħ wara mewtu għad-dedikazzjoni u l-ġenorożità tiegħu mal-eluf ta’ pazjenti li huwa serva b’umiltà u kapaċità professjonali s-snin kollha ta’ ħajtu. Albert kellu esperjenza twila ta’ ħajja barra minn Malta u f’diversi pajjiżi kellu qalbu kollha kemm hi marbuta ma’ pajjiżna. F’pajjiżna kien jara kwalitajiet u sbuħija mill-aqwa. Għadda ħajtu jikkura l-morda u jagħtihom saħħithom. Għamel ukoll li seta’ biex itejjeb il-qagħda ta’ pajjiżna u tal-poplu tagħna. Ilkoll kemm aħna grati bil-kbir lejh u se nibqgħu napprezzaw dak kollu li għamel fostna. B’hekk, Sur President, f’ismi, f’isem il-familja tiegħi u l-Oppożizzjoni nsellem u nirringrazzja lill-Professur Albert Fenech għall-persuna li kien u nagħti minn qalbi f’isem anke l-Oppożizzjoni l-kondoljanzi lill-familja tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi, Kap tal-Oppożizzjoni. Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti taż-żewġ naħat tal-Kamra. Ovvjament jien fuq Albert Fenech nista’ nitkellem ukoll minn meta ħa l-ġurament fl-2013 sakemm dam fl-2016 u nista’ niddiskrivih fi ftit kelmiet. Kien persuna simpatika ħafna u persuna dejjem bi tbissima ikunu kif ikunu ċ-ċirkostanzi. Kien ukoll altruwist.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni għadu kif semma meta għamel l-ewwel diskors tiegħu li nzerta kien waqt il-kumitat ta’ provvista u kien għamel rimarka lill-Ministru tal-Finanzi u qallu: Jien se nippreżentaha u nispera li ma taħsibx li se nitlob ħlas tagħha. Imbagħad għamilna ftehim fejn anke għamilna training tal-istaff kif għedt, biex ikun jaf kif jaġixxi u jħaddem dan l-apparat tar-risuttixxazzjoni f’każ li jkun hemm il-bżonn jew emerġenza.

Il-Ministru Chris Fearne iddiskrivih ukoll li meta jagħmel diskors kien dejjem iffokat u ta mudell kif għandna nispjegaw l-affarijiet tagħna mhux b’ħafna kliem żejjed imma to the point. Ċertament huwa ġej mill-kamp tal-mediċina. Ġeneralment dawk li jiġu mill-kamp tal-mediċina jkunu clinical ħafna imma Albert Fenech kien persuna li kien maħbub minn kulħadd.

La ssemma wkoll Victor Calvagna jien ukoll ningħaqad magħkom fis-sentimenti. Lil Victor nafu sew, kien ġar tiegħi joqgħod kantuniera ‘l bogħod minni u kien bniedem dedikat b’mod assolut għall-professjoni tiegħu speċjalment fejn għandu x’jaqsam il-kanċer tat-tfal. Huwa ikona oħra nazzjonali. Ovvjament jien ningħaqad magħkom fis-sentimenti u nsellem lill-membri tal-familja tal-Professur Fenech hawnhekk. Ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal b’mod formali l-kondoljanzi lill-familjari

 

Electoral History

Twelfth Legislature (2013 - 2017)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 03.04.2013
Oath of Allegiance: 06.04.2013
Resigned from Parliament: - 31.03.2016

Electoral Districts