Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru . 491 tar-Raba’ Parlament tat-Tlieta, 14 ta’ April , 1981
Kondoljanzi
ONOR. JOSEPH BRINCAT (Ministru tal-Ġustizzja, Artijiet, Djar u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, ġejt informat illi miet is-Sur Tumas Fenech , kif kien magħruf, fl-eta’ venerabbli ta’ 91 sena, li barra li kien Deputat, huwa wkoll il-papa’ ta’ Dr Joe Fenech tal-Partit Nazzjonalista , Membru ta’ din il-Kamra.
Dr Tumas Fenech, illi ilu avukat mill-1910, ċertament baqa’ jitkaxkar fil-Qorti, anke f’età venerabbli, speċi li ta’ kuljum irid ikun jiswa xi ħaġa’ billi jattendi ġewwa l-Qorti allavolja b’assistenza ta’ ħaddiehor. Il-preżenza tiegħu kienet preżenza simpatika, bħal ta’ nies anzjani oħra illi xorta baqgħu jmorru fuq il-post tax-xogħol, allavolja setgħu rtiraw qabel, iħalli fin-nies li jkunu jafuh tifkiriet , fosthom l-arguzia tiegħu, il-kapaċita’ illi jagħtik il-botta u r-risposta , l-ispirtu pront ta’ bniedem illi kien jaħdem ħafna man-nies tal-kampanja li kien jifhimhom u kienu jifhmuh . Jekk kellna f’pajjiżna xi ħadd li jerġa’ lejn il-figura ta’ sindiku, żgur is-Sur Tumas Fenech kien it-tip ta’ sindiku illi wieħed jiftakar. Qed nitkellem b’dan il-mod għaliex ċertament ma’ nistax nesprimi rispett iktar milli kif nafu jien, il-figura simpatika li nafu jien , u li nirriproduċiha anke bit-tbissima fil-mument li ħalliena, meta ħalliena ta’ 91 sena .
Dan kien Membru ta’ din il-Kamra, Mr Speaker , fl-1927, u reġa’ ġie elett fl-1932 u kien ukoll Deputy Speaker ta’ din il-Kamra . Jiġifieri ċertament kellu ħajja varjata , ħajja illi it was worthwhile living . Da parte tagħna naghtu l-għomor lill-familja tiegħu u lil uliedu . Jien ċert ma’ din in-naħa tingħaqad il-Kamra kollha illi nsellmu lil dan il-bniedem li kien Membru ta’ din il-Kamra u li ta’ wkoll wieħed minn uliedu bħala Membru ta’ din il-Kamra.
MR SPEAKER (Onor. Calċidon Agius): Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni .
ONOR. EDWARD FENECH ADAMI : Mr Speaker, aħna wkoll nassoċjaw ruħna ma’ dak li qal il-Ministru Brincat u nixtiequ wkoll nibagħtu l-kondoljanzi lill-familja tas-Sur Tumas Fenech , hekk magħruf minn kulħadd , lill-armla tiegħu , lil uliedu , fosthom id-Deputat ta’ din il-Kamra .
Is-Sur Tumas Fenech , kull min jafu , bilfors li kien jammirah . Kien jammirah għall-mod, l-ewwelnett, kif kien jaf imur man-nies . Jekk kellu xi kwalita’ li tispikka, kienet illi kien jagħraf in-nies , fil-professjoni kien jittratta b’mod l-iktar uman fil-problemi familjari ta’ nies , l-inkwiet fil-familja , li kienu jmorru għandu . Kien bniedem li jagħraf x’inhuma l-problemi u jagħmel ħiltu kollha mill-lat uman biex isib is-soluzzjonijiet. Kien bniedem ta’ tenaċja kbira . Biżżejjed ngħid, kif qal Dr Brincat qabli , li sa ftit xhur ilu, jiġifieri meta kellu diġa’ 90 sena , kien jiġi l-Qorti kuljum . Mhux biss kien jiġi l-Qorti , sa ftit żmien ilu kien ikun l-ewwel wieħed il-Qorti li jkun hemm fid-9.00 a.m. proprju żgur biex jilħaq il-kawżi li jsiru għalkemm kien f’eta’ li ma’ kienx jista’ verament isegwi l-kawżi , imma l-ftit kawżi li kien jaf li kien baqagħlu u kien jagħmilhom ħaddieħor floku , kien jiġi jara b’interess kbir x’qed isir minnhom. Kien raġel, ċertament tal-familja , li ħa ħsieb il-familja tiegħu , raġel eżemplari , raġel li ta’ kontribut ukoll fil-ħajja politika ta’ pajjiżna . Kważi 55 sena ilu, kważi 60 sena ilu, huwa kien Membru ta’ din il-Kamra . Għal xi żmien okkupa wkoll is-siġġu ta’ Deputy Speaker, ta’ l-Assemblea ta’ dak iż-żmien . Id-dover tagħna huwa li nsellmu lilu għax-xogħol li ta’ pajjiżu , għall-eżempju li tana u nagħtu l-kondoljanza tagħna lill-familja tiegħu .
MR SPEAKER: Is-Sedja tingħaqad mal-Gvern u ma’ l-Oppożizzjoni u nitlob lill-Clerk li jibgħat il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu kif espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra.