Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Victor Galea Pace

Back to List

Commemoration Booklet

TIFKIRA TA’ VICTOR GALEA PACE FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

 

16 ta' Novembru 1942 – 6 ta' Marzu 2015

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn id-29 ta’ Ottubru 1996 u l-10 ta’ Marzu 2003

Victor Galea Pace

Ġurament ta' Lealtà

 

L‑EWWEL DISKORS TA' VICTOR GALEA PACE FIL‑KAMRA TAD‑DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 26 TAS‑7 TA’ FRAR 1997 IT‑TMIEN LEĠIŻLATURA

KUMITAT TA' PROVVISTA ESTIMI ĠENERALI 1997 IT-TMIEN JUM STABBILIT MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U KUNSILLI LOKALI

 ONOR. VICTOR GALEA PACE:  Sur President, issa li għaddew kważi erba' xhur mill‑bidla fil‑Gvern, wieħed jibda jinnota ċerti differenzi u jibda jagħmel il‑paraguni bejn iż‑żewġ naħat tal‑Kamra.  Min-naħa għandna Gvern li issa li għaddew erba' xhur wieħed jippretendi li beda jingrana biex bil‑mod il‑mod ikompli bil‑mixja tal‑progress u jżid mal‑ġid li kien hawn sas‑26 ta' Ottubru filwaqt li l‑poplu tagħna jibqa' jgħix fil‑kwalità ta' ħajja li s'issa dara jgħix fiha, u min‑naħa l‑oħra għandna Oppożizzjoni li lanqas tista' temmen f'dak li qed tara u qed tisma', jiġifieri f'dak li qed iseħħ.  Qiegħed ngħid dan mhux għax ninsab fuq in‑naħa tal‑Oppożizzjoni għaliex jien nemmen li jekk il‑Gvern ikun qed jipproponi xi ħaġa pożittiva wieħed għandu jinkoraġġiha u jfaħħarha, però b'dispjaċir ngħid li mill‑ewwel erba' xhur dan il‑Gvern mhux biss mhux qiegħed juri fiduċja fil‑poplu, mhux biss qed jirrifjuta li jżomm il‑wegħdiet tiegħu lejn il‑poplu, mhux biss qed ipoġġi f'qagħda prekarja l‑għajxien tal‑poplu tagħna, iżda talli diġà beda jnaqqar id‑drittijiet tal‑lokalitajiet tagħna mxerrda ma' Malta u Għawdex.  Qed ngħid hekk għaliex filwaqt li l‑poplu tagħna sal‑elezzjoni li għaddiet kellu dik il‑fiduċja neċessarja li jibqa' miexi 'l quddiem, dik il‑fiduċja neċessarja li kienet timmotivah biex idawwar lira, iħaddimha u jonfoq minnha, issa din il‑fiduċja qiegħda tinħass li hija nieqsa.  Il‑poplu tagħna huwa poplu ħawtiel u ħabrieki u filwaqt li jagħmel minn kollox biex ipoġġi lill‑familja tiegħu fuq pedamenti sodi  biex tkun tista' tgħix aħjar, huwa wkoll poplu li jaf iġemma' l‑flus.  Dan kollu ma jiġix b'kumbinazzjoni, imma jiġi għaliex ikun hawn il‑klima neċessarja li timmotiva lill-poplu biex jaħdem aktar, jistinka aktar u jibqa' motivat sabiex jibqa' miexi 'l quddiem. 

Ġara iżda li minħabba l‑wegħdiet li għamel il‑Partit Laburista qabel l‑elezzjoni, il‑poplu tagħna ġie ngannat b'dak li kien mitmugħ fejn wegħduh li kien se jkollu triq libera, mingħajr indħil u li kien se jkollu parti mit‑tmexxija f'idejh. Allura l‑poplu tagħna qal:  "Hekk sew, mhux se jindaħlulna. Ħadd mhu se jkun jaf x'qiegħed indaħħal allura se nivvota lill-Partit Laburista".  U fdawh, tawh il‑vot tal‑fiduċja u vvotawlu għal ħajja aħjar.  Kif rajna mill‑ewwel erba' xhur, il‑poplu beda jaqla' bil‑ħarta, ix‑xogħol beda jnaqqas ir‑ritmu tiegħu kważi mill‑bidunett u issa li ħareġ dan il‑budget tal‑ħofor, għall‑kuntrarju ta' dak li kien isir qabel fejn il‑budget kien ikun ħaġa normali, taħt Gvern Laburista kulħadd huwa konxju ta' x'se jivvinta l‑Gvern, x'se jogħla u kif se jolqotna.

Sur President, iż‑żmien tana raġun.  Il‑poplu tagħna diġà beda jara d‑differenzi li jeżistu bejn iż‑żewġ naħat.  Fid‑disa' snin u nofs li għamel il‑Partit Nazzjonalista fil‑Gvern il‑poplu lanqas biss kien jinduna li riesaq żmien il‑budget.  Kienet ħaġa normali li f'Novembru l‑Gvern iressaq il‑budget u l‑ħajja tibqa' għaddejja normali.  Il‑poplu la kien jinkwieta fuq prezzijiet, la fuq nollijiet, la fuq liċenzji u lanqas  fuq xejn.  Dan għaliex kellu l‑fiduċja sħiħa fil‑Gvern tal‑ġurnata u fejn hemm il‑fiduċja hemm iċ‑ċaqlieq tax‑xogħol, hemm is‑sens ta' ċertezza li toħroġ lira u jidħlu tnejn u mhux l‑oppost.  Dan kollu ġara għaliex kellna Gvern li wera fiduċja sħiħa fil‑poplu u minkejja d‑difetti tiegħu, Gvern Nazzjonalista, qatt ma nissel inċertezza imma mexa b'direzzjoni ċara u l‑poplu kien jaf fejn kien miegħu.  Il‑poplu kellu l‑kuraġġ, kien lest li jiddejjen sabiex jinvesti għax ma kienx hemm il‑biża' li l‑Gvern se jivvintalu xi ħaġa. 

Bil‑miżuri li introduċa dan il‑Gvern wera kemm hu nieqes mill‑ideat, kemm m'għandux fiduċja fil‑poplu u li riżultat ta' dan, u anke għaliex ma żammx kelmtu, ġab din l‑inċertezza kollha, liema inċertezza sa erba' xhur ilu ma kenitx teżisti u li issa qed toħloq ħafna inkwiet fil‑familji.  Ninsab żgur li l‑intenzjoni taż‑żewġ naħat hija dik li jitkattar ix‑xogħol, dik li l‑qgħad dejjem jinżel, dik fejn il‑poplu jġemma' l‑flus iżda fl‑istess ħin ikun motivat biżżejjed biex jaħdem aktar, dik fejn il‑poplu tagħna jkun f'pożizzjoni li jkun jista' jdawwar lira b'moħħu mistrieħ.  Jien ċert li l‑intenzjoni kemm tal‑Onor. Sant kif ukoll tal‑Onor. Fenech Adami hija din, iżda b'dispjaċir ngħid li bejn wieħed u ieħor hemm baħar jaqsam. 

Sur President, kont nemmen li l‑Onor. Sant kien se jimxi b'mod aktar għaqli u hekk ta x'wieħed jifhem fid‑diskorsi tiegħu.  Skont diskorsu kont nemmen li se jimxi fuq il‑passi tal‑Gvern preċedenti fejn kien se jtejjeb fuq dak li kien hemm u jirranġa l‑iżbalji li saru biex ma jiġux ripetuti.  Issa għax sab ruħu fit‑tmun qed juri li qed isibha diffiċli biex imexxi dan il‑vapur li huwa Malta tagħna u qed iġib l‑iskużi biex jitfa' dell ikrah fuq il‑Gvern Nazzjonalista.  Kien joħroġ iktar ta' raġel li kieku ammetta li kellu bżonn aktar żmien biex jingrana.  Mhux kulħadd jaf li r‑riżultat tal‑elezzjoni kien sorpriża għaż‑żewġ naħat?  X'ġara b'daqshekk?  Mill‑ewwel erba' xhur dan il‑Gvern wera b'mod l‑aktar ċar il‑politika li se jimxi biha u għall‑kuntrarju ta' dak li wiegħed qabel l‑elezzjoni li għaddiet, għall‑kuntrarju ta' dak li ta x'jifhem lill‑poplu tagħna, dan il‑Gvern b'mod konsistenti qiegħed ineżża' lill‑poplu mid‑drittijiet tiegħu.  Dan qed narawh fid‑diversi oqsma tal‑pajjiż.

Għal dak li jirrigwarda lil Għawdex u lill‑Għawdxin hemm storja aktar ħarxa li qiegħda tirrepeti ruħha.  Mill‑ewwel ġurnata dan il‑Gvern beda jneżża' lil Għawdex mid‑drittijiet tiegħu u l‑ewwel ħaġa li għamel kienet li minflok Ministru ħoloq Segretarju Parlamentari għal Għawdex biex l‑ordnijiet jibdew jittieħdu minn Malta jekk mhux b'xi mod ieħor.  Jekk wieħed irid jirraġuna jkollu jammetti li hija ħaġa impossibbli li kull Għawdxi jibda jaħdem f'Għawdex.  Il‑Gvern Nazzjonalista ħaseb kif jista' jagħmilha aktar faċli biex il‑ħaddiema u l‑istudenti jaslu fuq il‑post tax‑xogħol jew tal‑istudju tagħhom billi pprovda servizz effiċjenti u ta' malajr, u hawn qed nirriferi għall‑catamaran.  Dan juri li l‑Gvern Nazzjonalista verament kien ipoġġi liċ‑ċittadin l‑ewwel iżda l‑Gvern preżenti ħares lejn dan is‑servizz mil‑lenti kummerċjali biss u mingħajr l‑ebda ħsieb għaċ‑ċittadin ikkanċella dan is‑servizz.  Biex tagħqad, wara ftit beda jberraq, din id‑darba fuq il‑ħofra tal‑Gozo Channel.  U lil min għabbew b'dan il‑piż mingħajr ebda diskussjoni ta' xejn u ma' ħadd?  Għabbew lill‑poplu Għawdxi, Sur President. 

L‑inċertezza teżisti anke fid‑dipartimenti tal‑Gvern għaliex ħadd ma jaf fejn hu.  Illum erġajna għall‑passat, għaż‑żmien tat‑transfers u allura kulħadd huwa inċert dwar is‑sitwazzjoni tiegħu.  Din qisha xi ħaġa sistematika. Fejn jidħol il‑Partit Laburista qisu l‑pajjiż ikun fil‑baħħ, ħadd ma jaf fejn hu u lejn fejn sejjer.  Imbagħad jgħidu li huma tbiddlu!  S'issa ma tidher imkien din il‑bidla, Sur President, ħlief fin‑negattiv.  L‑istorja qiegħda tirrepeti ruħha.  U jien nistaqsi:  "X'wiċċ irid ikollok li qabel l‑elezzjoni tgħid ħaġa imbagħad meta ssib ruħek fil‑gvern tagħmel oħra?  X'kuraġġ irid ikollok biex mill‑ewwel erba' xhur tieħu miżuri li bihom tolqot lis‑setturi kollha tal‑poplu tagħna?  Kif jista' l‑poplu jafdak u jemmnek meta mill‑bidunett tieħu miżuri fejn bdejt tnaqqar id‑drittijiet taċ‑ċittadin?"  Il‑poplu tagħna li jifforma l‑bliet u l‑irħula tagħna stenna aktar saħħa biex il‑lokalitajiet tagħhom permezz tal‑kunsilli lokali jmorru aħjar.  Jekk kien hawn liġi li verament bdiet iġġib bidla fil‑mentalità kienet dik fejn ġew maħluqa dawn il‑kunsilli lokali.  Anke l‑wegħdiet tal‑Partit Laburista kienu li jekk jirbħu l‑elezzjoni kienu se jsaħħu lill‑kunsilli lokali.

Sur President, illum wara tliet snin naraw li l‑kunsilli lokali, minkejja l‑problemi li kellhom fil‑bidu sakemm bdew jingranaw, mhux biss irnexxew iżda l‑poplu aċċettahom u jħossu kburi li għandu sehem fit‑tmexxija tar‑raħal jew belt tiegħu.  Sar il‑punt ta' riferenza għalih, beda jinvolvi ruħu u issa bdejna naraw din il‑mentalità ġdida, mentalità li bil‑mod il‑mod qed tressaq l‑accountability bħala prijorità tal‑poplu.  Illum wara tliet snin mill‑ħolqien tagħhom qed naraw lil dawn il‑kunsilli lokali jieħdu d‑deċiżjonijiet f'dak kollu li jolqot lil‑lokal tagħhom.  Kull fejn tmur tara xogħol li sar b'mod professjonali, xogħol li sar bis‑saħħa ta' dawn il‑kunsilli għaliex f'ħafna każi l‑Gvern ċentrali, lanqas biss kien joħlom biex jagħmel il‑kwart ta' dak li sar bis‑saħħa tagħhom.  Kulħadd jista' jara x‑xogħol li sar li juri li verament hemm xi ħadd responsabbli li qed jagħmel dan ix‑xogħol kollu.  Kull lokal għandu nies responsabbli u dedikati li jaraw il‑ħteġijiet tal‑lokal tagħhom, jistinkaw biex ix‑xogħol isir kemm jista' jkun malajr sabiex bl‑istess xogħol isebbħu l‑lokal tagħhom u anke jagħmlu l‑pressjoni meħtieġa sabiex fejn jiddependi mill‑Gvern ċentrali l‑affarijiet jiċċaqalqu kemm jista' jkun malajr.  Dawn in‑nies jaraw ukoll li l‑flus tagħhom ma jiġux imberbqa, jaraw kif se jinvolvu aktar lill‑volontarjat sabiex  ikun ta' aktar għajnuna għall‑komunità.  Dawn huma l‑kunsilli lokali; dan huwa x‑xogħol tant utli li qed jagħmlu, mhux biss għal‑lokal tagħhom iżda wkoll għall‑pajjiż inġenerali. 

Huwa ħasra li qisna qed nagħmlu minn kollox biex din l‑inizjattiva tinħonoq.  Dnub li mill‑ewwel erba' xhur tiegħu dan il‑Gvern ta daqqa ta' ħarta lill‑kunsilli lokali.  Issa minħabba t‑tnaqqis ta' Lm1 miljun fil‑Vot allokat għalihom ħafna minn dawn il‑kunsilli se jsibuha ferm diffiċli biex iħallsu l‑kuntratti tagħhom u oħrajn se jkollhom inaqqsu b'mod goff dawk ix‑xogħlijiet kollha li kellhom ippjanati li jsiru.  U dan kollu għad‑detriment tal‑lokalitajiet.  Filwaqt li dawn il‑kunsilli lokali bdew ibiddlu l‑mentalità minn dik ta' kollox jgħaddi, isir kif isir, għal dik ta' accountability fejn l‑affarijiet għandhom isiru kif suppost, fi żmien stipulat u b'mod professjonali, issa, minħabba dan it‑tnaqqis kollu, mhux biss se tiġi mxellfa l‑inizjattiva, mhux biss ma jistgħux jagħmlu ħafna mix‑xogħol li kien previst li jsir, iżda talli bdejna anke noħolqu xi ftit ta' inċertezzi. 

Mr Chairman, hawnhekk inħoss li għandi nsemmi xi ftit figuri.  Rigward l‑allokazzjoni, fl‑opinjoni tiegħi, mhux biss hemm dawk l‑14% nieqsa fuq is‑sena l‑oħra imma jekk wieħed jara kif żdiedu l‑kunsilli lokali minn sena għal oħra jtella' dan il‑kalkolu għal aktar minn 25%.  Per eżempju, is‑somma allokata għall‑Kunsill Lokali tar‑Rabat Għawdex fl‑1995/96 kienet ta' Lm92,610 u fl‑1996/97 din telgħet għal Lm106,718; differenza ta' 13%.  Is‑sena d‑dieħla dan l‑istess kunsill se jkollu 12% inqas mis‑somma tas‑sena l‑oħra u fejn il‑Kunsill Lokali tar‑Rabat Għawdex ‑ bħall‑kunsilli l‑oħra ta' Malta u Għawdex ‑  kien qed jaħseb li se jiżdiedlu l‑ammont iktar mis‑sena l‑oħra, fil‑fatt spiċċa biex għandu din id‑diskrepanza ta' madwar 27%.  Allura kif jista' jkun li dawn il‑kunsilli lokali ma jħossuhomx inċerti? 

Nixtieq nagħmel punt ieħor għall‑osservanza tal‑Ministru rigward il‑Korporazzjoni Enemalta.  Biex din il‑korporazzjoni twaħħal bozza lill‑kunsill qed tiċċarġjah Lm244.  Għal żewġ bozoz ġo triq qed iżżomm Lm286 filwaqt li għat‑twaħħil ta' żewġ bozoz ġo triq partikolari ġor‑Rabat Għawdex din iċċarġjat Lm753.  Kif jista' jkun li l‑kunsilli ma jmorrux għand il‑privat meta l‑Korporazzjoni Enemalta qiegħda timponi dawn il‑prezzijiet fuqhom?  L‑istess qed jiġri fejn jidħlu l‑Works Department u l‑Water Services Corporation u allura bilfors li l‑kunsilli lokali jkollhom imorru għand il‑privat jekk verament iridu jiffrankaw il‑flus sakemm il‑korporazzjonijiet u d‑dipartimenti tal‑Gvern ma jkunux kompetittivi daqs il‑privat.

Biex nagħlaq, Mr Chairman, nixtieq nagħmel appell lill‑Gvern preżenti biex jieqaf minn din il‑kampanja sfrenata li jipprova jħammeġ u jdgħajjef ix‑xogħol ta' Gvern Nazzjonalista u minflok imidd għonqu biex iġib lil pajjiżna 'l quddiem.  Il‑poplu tagħna issa xeba' jisma' fuq il‑ħofor li suppost instabu fil‑pajjiż.  Dawn l‑akkużi żgur li ma jagħmlux ġid għal pajjiżna għax l‑ebda investitur serju, barrani jew lokali, mhu se jinvesti bi kbir f'pajjiż li suppost huwa fallut.  Għalhekk nerġa' nappella lill‑Gvern sabiex jagħmel minn kollox biex jitkattar il‑ġid u titkabbar il‑fiduċja f'Malta u Għawdex tagħna.  Grazzi, Sur President.

Condolences (16 Nov 1942 - 6 Mar 2015)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 250 tat-Tnax-il Leġislatura tat-Tnejn is-16 ta' Marzu 2015

KONDOLJANZI

ONOR. CHRIS CARDONA (Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar): Sur President, dan se jkun intervent pjuttost spontanju għax issa għadni kif ġejt mitlub nagħmel dan l-indirizz però nilqa’ l-għażla tal-Gvern għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett nixtieq nagħti l-kondoljanzi lill-familja tas-Sur Galea Pace. Lil Victor jien kont ilni nafu f’dan il-Parlament u minbarra li kien maħbub miż-żewġ naħat tal-Kamra, kellu popolarità li ma kenitx ibbażata fuq il-politika imma fuq is-simpatija tiegħu. Qed ngħid hekk għax is-Sur Galea Pace kien persuna li kienet toffri lilha nnifisha.

Kif għedt, lis-Sur Galea Pace ilni nafu għal diversi snin. Jien dħalt f’din il-Kamra fl-1996 meta kelli 23 sena u bejn l-1996 u l-1998 niftakru jagħtini l-parir għax hu kien persuna li lilna ż-żgħar, miż-żewġ naħat tal-Kamra, kien jagħtina pariri mhux politiċi imma pariri ta’ missier. Dan hu l-aspett ta’ Victor Galea Pace li se jibqa’ dejjem f’moħħi. Victor kien mhux biss politiku, imma politiku tal-qalb.

Niftakar darba konna qegħdin nieħdu t-te u kien qalli: Chris, taf li aħna niġu minn xulxin? Għedtlu: Kif jista’ jkun niġu minn xulxin? Qalli: Mela! Xi nannu jew nanna tal-familja tiegħi hija oħt missier in-nannu tiegħek. Jien bħal speċi qgħadt fuq il-kelma tiegħu però mbagħad kien hemm xi ħadd li jgħallem l-Università u ġabli l-family tree u sibt li kellu raġun! Il-familja ta’ Victor Galea Pace hija relatata mal-familja Cardona. Din kienet xi ħaġa li ovvjament ilqajtha bi pjaċir peress li Victor kien persuna li kelli simpatija lejh. Kien xi ħadd li jħallilek memorji sbieħ ħafna, xi ħadd li naħseb li ħares lejn ir-rwol tiegħu fil-politika b’mod ġenwin ħafna.

Kien bniedem umli u, kif għedt aktar qabel, kien maħbub minn ħafna nies u kien rispettat ukoll għaliex kien jitkellem b’mod apert fuq il-politika. Ma kienx jiddejjaq jikkritika lill-Partit Laburista però ma kienx jiddejjaq jikkritika lill-partit tiegħu stess u kien jagħmilha b’maturità u b’għaqal u mhux b’xi fini. Minbarra li nibqa’ niftakru għal kemm kien ġentlom, nibqa’ niftakru wkoll għall-fatt illi dejjem kien jitkellem fuq il-possibilità li f’dan il-pajjiż xi darba jista’ jkollna dik li hu kien isejjaħ “gvern wieħed”. Hu kien jemmen, u kien jgħidha pubblikament, jiġifieri ma kienx xi sigriet, li għad jiġi żmien fejn iż-żewġ partiti jagħmlu gvern ta’ koalizzjoni f’dan il-pajjiż. S’issa ma jidhirx li hemm dik il-possibilità però hu kien jemmen fiha u jien m’għandix dubju li kien jemmen fiha b’mod ġenwin.

Sur President, il-memorji tas-Sur Galea Pace se jibqgħu mhux biss f’dan il-Parlament bħala memorji ta’ politiku, imma memorji ta’ persuna li ħabbet lil pajjiżha. Ovvjament ħabbet lil Għawdex u m’għandniex dubju li din l-imħabba lejn Għawdex kienet raġuni ewlenija li xprunatu jidħol fil-politika. Għalhekk, għan-nom tal-Gvern jien nestendi l-kondoljanzi tiegħi lill-familja Galea Pace u nassigurahom, u nassigura wkoll lill-Oppożizzjoni, li Victor se jibqa’ fil-memorji tagħna kif ukoll f’qalbna. Grazzi.

MR SPEAKER (Onor Anġlu Farrugia): Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. SIMON BUSUTTIL (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, nixtieq qabelxejn nilqa’ fostna lill-familjari tas-Sur Victor Galea Pace li huma preżenti f’din il-Kamra għal din it-tislima. Kulħadd, b’xi mod, tinteressah u tinfluwenzah il-politika, imma ftit huma dawk li jagħmlu l-pass li jidħlu fil-politika biex jagħtu servizz u jbiddlu l-affarijiet għall-aħjar tal-pajjiż b’mod kollettiv. Victor Galea Pace kien wieħed minnhom.

Minbarra li kkontesta diversi elezzjonijiet ġenerali sa mill-1987 u kien ukoll membru fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, il-bidu tas-servizz politiku tiegħu kien fir-rivoluzzjoni siekta li seħħet f’pajjiżna permezz tal-kunsilli lokali.

Din rajnieha ħafna f’Għawdex fejn il-kunsilli seddqu l-identità ta’ diversi lokalitajiet Għawdxin, u anke Maltin, fosthom Victoria f’Għawdex, li Victor Galea Pace kien l-ewwel Sindku tagħha. Bħala Sindku tal-kapitali Għawdxija, Victor Galea Pace beda l-ewwel proġetti li saru mill-Kunsill Lokali ta’din il-belt kif ukoll ħa passi biex il-kunsilli lokali jiksbu r-rispett li jistħoqqilhom bħala awtoritajiet pubbliċi awtonomi rappreżentattivi tar-residenti tagħhom. Victor kien enfasizza ħafna proġetti bħal, pereżempju, il-pavimentar u t-tisbiħ tal-kapitali Għawdxija u anke t-tħawwil ta’ siġar u ħafna proġetti żgħar li flimkien iħallu impatt kbir fuq ir-residenti tal-lokalità.

Victor Galea Pace ta servizz ukoll fil-politika nazzjonali meta ġie elett f’dan il-Parlament fl-elezzjonijiet tal-1996 u tal-1998. Dan kien żvilupp ieħor li rajna fil-politika f’dawn l-aħħar 20 sena, kemm ilhom imwaqqfin il-kunsilli lokali għax diversi deputati parlamentari kienu bdew il-karriera politika tagħhom, biex ngħidu hekk, fuq livell lokali bħala kunsilliera u mbagħad imxew għall-Parlament nazzjonali. Fil-fatt, Victor għaqqad iż-żewġ tipi ta’ politika għax anke bħala Deputat f’din il-Kamra dejjem saħaq fuq l-ambjent Għawdxi u fuq li anke l-agrikoltura tista’ tgħin l-ambjent tipiku Għawdxi. Kien jiddejjaq li r-raba’ ma tinħadimx għax b’hekk ikun qed jinħela riżors importanti. Kellu wkoll ħolma li jkun restawrat l-Akwedott li jwassal mill-Għarb sar-Rabat, Għawdex, ħaġa li biex issir trid ovvjament il-koperazzjoni ta’ diversi kunsilli kif ukoll tal-Gvern Ċentrali.

Apparti f’Għawdex, li ried iżomm il-karattru distint u sabiħ tiegħu, Victor kien jemmen ħafna wkoll li l-Pulizija trid tkun istituzzjoni li tafdaha, u dan wara l-esperjenza kerha tas-snin tmenin f’dan ir-rigward. Victor kien jemmen ukoll li l-isport jagħti saħħa u stil ta’ ħajja sana u kellu wkoll il-ħolma li ssir pixxina f’Għawdex li tagħti spinta lill-waterpolo u lill-għawm għal kulħadd f’kull żmien. Kien jemmen bis-saħħa wkoll li l-pajjiż kellu jkun membru tal-Unjoni Ewropea. Dan, Victor, kien jemmnu bis-sħiħ għax kienet xi ħaġa mhux biss ta’ ġid għall-pajjiż kollu, imma anke għal Għawdex li tant gawda mill-enfasi li l-Unjoni Ewropea u l-programmi tagħha jagħmlu fuq l-ambjent, fuq l-iżvilupp rurali kif ukoll fuq il-mużajk ta’ karattri u identitajiet li reġjuni differenti fl-Unjoni Ewropea jġibu u li jarrikkixxu ħafna lill-Ewropa tagħna.

Interessanti li meta seta’ joħroġ għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali fil-kostitwenza tal-Victoria, Victor għamel dan u kompla jagħti s-servizz tiegħu lir-residenti anke wara l-2006 meta reġa’ daħal fil-kunsill. Allura rrid ngħid grazzi lil Victor Galea Pace għas-servizz li ta u ngħid ukoll grazzi lil dawk li għenuh jagħti dan is-servizz, lill-familja tiegħu, lit-tfal tiegħu, imma b’mod speċjali lill-mara tiegħu, Vivienne Galea Pace, li qiegħda hawnhekk magħna llum. Insellmilha. Hi kienet ukoll membru f’żewġ kunsilli lokali u għadha membru ta’ wieħed minnhom. Bħal żewġha, kienet Sindku tal-Victoria u llum kunsillier ta’ Tas-Sliema. Vivienne, biex ngħid hekk, in her own right hija mara li tara l-politika bħala servizz u kienet tat appoġġ kbir lil żewġha Victor fis-servizz li ta fil-politika.

Sfortunatament, ħafna jaraw il-politika bħala xi ħaġa maħmuġa imma nies bħal Victor Galea Pace, bl-appoġġ li sab minn oħrajn, fosthom martu u wliedu, juru li l-politika tista’ tbiddel il-ħajja tan-nies għall-aħjar u li fuq kollox il-politika tista’ tkun ukoll xi ħaġa nadifa. Din ir-riflessjoni twassalni biex inħeġġeġ lil min irid jagħti dan is-servizz biex jersaq ’il quddiem u jipparteċipa, hu f’liema partit politiku hu. Dan hu ta’ ġid għall-pajjiż kif juri bl-aktar mod ċar l-eżempju ta’ Victor Galea Pace. Grazzi.

MR SPEAKER: Nirringrazzja lill-Kap tal-Oppożizzjoni u anke lill-Ministru Chris Cardona. Jien ukoll xtaqt nagħmel ftit riflessjonijiet fuq Victor. Jien sirt naf lil Victor meta dħalt l-ewwel darba fil-Parlament fl-1996. Kien magħruf bħala “Tal-Erbgħa” u niftakru persuna ta’ prinċipju qawwi u sod fit-twemmin tiegħu fil-Partit Nazzjonalista, però kien joqgħod attent li ma jattakka qatt personalment lin-naħa opposta, jiġifieri lill-Partit Laburista. Ta’ dan jien kont nammirah għax kien bniedem ta’ prinċipju però aktar minn hekk, kellu ħafna għal qalbu l-familja u dik kienet waħda mir-raġunijiet għaliex jien u hu bqajna nirrispettaw lil xulxin sal-aħħar.

Jien niftakar li meta konna sifirna flimkien fuq xogħol parlamentari. Quddiemi qed nara wħud mill-membri li kienu magħna, fosthom l-Onor. Chris Agius. Victor kien jirrispetta l-preparazzjoni ta’ kull wieħed minna u kien igawdi rispett fost il-parlamentari kollha, anke tan-naħa opposta. Kien ġentlom fil-manjieri tiegħu, tant li fil-Parlament il-Perit Dom Mintoff kien jistaqsi għalih u kien ikun irid jitkellem miegħu! Kien jgħidli: Anġlu, fejn hu Tal-Erbgħa ħalli nkellmu? Din xi ħaġa li ma kenitx b’kumbinazzjoni, ir-rispett kont tħossu joħroġ minn ġo fih b’dik id-daħka simpatika, dejjem irid ikollu kelma sabiħa u mingħajr ħafna storbju u ħafna għajjat.

Għalhekk, jien ningħaqad mas-sentimenti espressi mill-Ministru Chris Cardona u mill-Kap tal-Oppożizzjoni u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familja tas-Sur Victor Galea Pace li qegħdin preżenti hawnhekk. Grazzi.

Electoral History

Eighth Legislature (1996 - 1998)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 26.10.1996
Oath of Allegiance: 05.12.1996
Dissolution of Parliament: 03.08.1998

Electoral Districts

Ninth Legislature (1998 - 2003)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 05.09.1998
Oath of Allegiance: 24.10.1998
Dissolution of Parliament: 10.03.2003

Electoral Districts