Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Joe A Grima

Back to List

Condolences (1 Nov 2009)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 153 tal-Ħdax-il Leġislatura tat-2 ta' Novembru 2009

KONDOLJANZI

MR SPEAKER (Onor. Louis Galea): Nistieden lill-Kamra sabiex tingħaqad miegħi għall-kondoljanzi tal-mewt tas-Sur Joe A Grima, ex Membru Parlamentari, li seħħet fl-1 ta’ Novembru 2009. Il-Ministru Tonio Borg.

ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin): Sur President, nibda billi nsellem il-memorja tal-ex-membru parlamentari Nazzjonalista Joe A Grima li miet il-bieraħ fl-età relattivament żgħira ta’ 65 sena. Jiena, li ilni attiv fil-partit għal żmien twil, niftakar lis-Sur Joe A Grima jimmilita fil-Partit Nazzjonalista b’diversi metodi, imma niftakru b’mod partikolari qabel ma sar deputat permezz tal-artikoli li kien jikteb regolarment u assidwament fil-ġurnali tal-partit tagħna, b’mod partikolari fil-gazzetta “The Democrat” u ‘Il-Mument”. Okkupa wkoll diversi karigi qabel ma daħal fil-politika. Fil-fatt kien jispeċjalizza bħala konsulent tar-relazzjonijiet pubbliċi u dan jispjega għaliex meta daħal fil-Partit kien jgħin lill-gazzetti tal-Partit sabiex iwasslu l-messaġġ tagħhom.

Kien ukoll impjegat mal-gvern u assistent segretarju-ġenerali tal-Malta Employers Association. U kif kien jagħmel is-soltu, hekk kif daħal fil-politika, ħadha bis-serjetà ħafna. Għalkemm għal żmien twil kien joqgħod il-Mosta, huwa twieled f’Ħaż-Żebbuġ u kkontesta dak id-distrett. Fl-1981, meta tħabbar ir-riżultat elettorali, il-Partit Nazzjonalista għall-bidu ma kienx ikkontesta l-by-elections. Imma meta mbagħad id-deputati tal-Partit tagħna reġgħu daħlu fil-parlament fl-1983, u saret il-co-option, l-eżekuttiv tal-Partit kien iddeċieda favur il-co-option biex b’hekk is-Sur Joe A Grima kien wieħed mid-deputati Nazzjonalisti li ġew co-opted għal-leġislatura tal-1983. Huwa baqa’ jokkupa l-kariga ta’ deputat Nazzjonalista sal-elezzjoni tal-1987.

Madankollu l-politika ma kenitx l-unika ħaġa li kien jimmilita fiha jew li kien juri interess fiha. Per eżempju, apparti istituzzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ min iħaddem, bħall-Institute of Directors, is-Sur Joe A Grima kien ukoll wieħed mill-fondaturi tal-moviment “Qawmien Letterarju”. Waħda mill-ispeċjalizzazzjonijiet tiegħu, apparti l-letteratura, kienet l-ekonomija. Fil-fatt kien iħobb jikteb ħafna fuq suġġetti tal-ekonomija. Jiena l-aħħar li rajtu kien xi ftit tas-snin ilu, meta kien qiegħed jaħdem f’attività kummerċjali mhux ‘il bogħod mill-parlament u konna ħadna kafè flimkien. Nista’ ngħid li kien għadu his true self, jiġifieri b’dik it-tbissima u dejjem irid jgħaddilek xi suġġeriment jew kumment. Kien jurik li jħobb jgħix u jħobb jara lil ħaddieħor kuntent. Niftakar ukoll kemm kien jagħti attenzjoni fid-dettal għall-bżonnijiet tal-kostitwenti tiegħu.

Għaldaqstant f’dan il-mument ta’ niket nixtieq li kif isir is-soltu, għan-nom tal-Kamra kollha, nibagħtu l-kondoljanzi lill-mara tiegħu Rita, kif ukoll lit-tlett itfal tiegħu Claude, Christopher u Clyde. Nirringrazzjak.

MR SPEAKER: Grazzi. Rimarki? Il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat.

ONOR. JOSEPH MUSCAT (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, din in-naħa tal-Kamra tingħaqad ukoll fil-kondoljanzi lejn is-Sur Joe A Grima. Jiena kont nafu personalment u kont inqisu bħala ħabib tiegħi. Ilni nafu s-snin u konna niltaqgħu ta’ spiss. Xi ħaġa li dejjem laqtitni fih kien il-fatt tal-pinna prolifika tiegħu kif ukoll l-entrepreunership li kien juri f’dak kollu li kien jagħmel, dan l-aħħar fil-qasam tat-turiżmu, fejn matul dawn l-aħħar snin kien daħal f’ventures, kemm ta’ pubblikazzjoni kif ukoll ventures oħra, li permezz tagħhom kien qiegħed jipprova jgħin fit-titjib tal-prodott turistiku Malti u ta’ dak kollu li Malta tista’ toffri bħala destinazzjoni turistika. Bla dubju ta’ xejn din in-naħa tal-Kamra tingħaqad bil-kbir fil-luttu li qiegħed jintwera’ u fil-kondoljanzi li se jitwasslu lill-familja kollha tiegħu.

MR SPEAKER: Min-naħa tiegħi nixtieq nissekonda kemm is-sentimenti li esprima l-Ministru Tonio Borg kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat. Nixtieq ngħid li jiena kelli x-xorti li naħdem flimkien mas-Sur Joe A. Grima meta flimkien irrappreżentajna d-distrett li fuqu kkontesta f’din il-Kamra. Filwaqt li huwa mmilita u kkontesta f’isem il-Partit Nazzjonalista, kemm fil-Partit Nazzjonalista u wisq aktar f’din il-Kamra, is-Sur Joe A. Grima ġab ruħu dejjem bħala Malti u bħala persuna li kellu għal qalbu l-interess nazzjonali Malti. Kellu għal qalbu l-ilsien Malti u ma niftakarx okkażjoni waħda li fiha ma tkellimx bis-sens favur Malta jew li ma ġabx ruħu b’manjiera li jġib ‘il quddiem l-interessi tal-poplu tagħna. Fuq kollox is-Sur Joe A. Grima kien ukoll bniedem ta’ sostanza, bniedem ta’ familja u m’għandix dubju li martu Rita u wliedu se jħossu ħafna t-telfa tiegħu. Għaldaqstant nixtieq nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex twassal is-sogħba tagħna - dan il-kliem li forsi jista’ jfarraġ - lill-familja tiegħu.

Electoral History

Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Co-opted 18.12.1981
Oath of Allegiance: 09.05.1983
Dissolution of Parliament: 13.02.1987