Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 152 tal-Ħames Parlament tat-Tnejn 6 ta' Frar 1984
KONDOLJANZI
ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, kif jafu l-Onor. Membri, matul ir-recess tal-Milied li għadu kif spiċċa, u proprju fil-11 ta' Jannar li għadda miet il-ħabib tagħna Nestu Laiviera.
Nestu Laiviera kien bniedem li għadda żmien twil fil-politika; għadda żmien twil f'dan il-Parlament; u f'dan iż-żmien kollu Nestu Laiviera kemm bħala politiku u kemm bħala Membru ta' dan il-Parlament qeda sewwa ħafna d-dmirijiet tiegħu. Barra li kien Membru ta' dan il-Parlament għal iktar minn 26 sena, kien ukoll Deputy Speaker għal ħames snin sħaħ bejn l-1971 u l-1976; u kien ukoll Deputy Speaker fl-1955. Barra minn hekk Nestu Laiviera kien ukoll Speaker ta' dan il-Parlament kemm bejn l-1955 u l-1958, kif ukoll dan l-aħħar bejn l-1976 u l-1978. Fil-politika fejn beda ta' żagħżugħ ta' 19-il sena, kien attivissimu mill-ewwel, u beda bħala segretarju tal-Partit Laburista tal-lokal, tal-Birgu, fl-1927; għalkemm minn snin qabel kien diġa' fil-Partit u baqa' fil-Partit sakemm miet; baqa' dejjem fi ħdan il-Partit Laburista, fit-twemmin sħiħ tal-Partit u konvintissimu mill-prinċipji Soċjalisti u dejjem lealissimu lejn il-mexxejja tal-Partit, speċjament il-leader preżenti, il-Perit Mintoff.
Nestu Laiviera fil-ħajja tiegħu politika kien ukoll ġurnalista u kellu f'idejh it-tmexxija tal-ġurnali tal-Partit Laburista kemm"Is-Sebħ" bejn l-1949 u l-1955 u anke "Il-Ħelsien" speċjalment fiż-żminijiet diffiċli meta dan il-ġurnal kien ikkundannat mill-Knisja. Laiviera bħala politiku kien ukoll wieħed mill-kelliema tajbin tal-Partit u kellu bażi mhux biss ta' politiku imma wkoll tax-xogħol; għax hu kien l-ewwelnett ħaddiem, veru ħaddiem, ta' l-id jiġifieri. Kien wieħed mill-pijunieri tat-trejdjoniżmu f'Malta. Tant hu hekk li kien fil-General Workers' Union sa mill-ħolqien tagħha u dam għal snin twal membru ta' l-eżekuttiv tal-General Workers' Union. U din il-pożizzjoni ta' trejdunjonista antik, veteran, u membru attivissimu u konvintissimu tat-twemmin Laburista għamlitu bniedem ideali, bniedem ta' eżempju għal dawk ta' warajh, għal dawk kollha li jridu jsegwu ħajja politika. Barra li kien bniedem politiku fil-kamp tal-Partit Laburista, kien ukoll, kif diġa' għidt, Membru ta' dan il-Parlament għal fuq minn 26 sena. Hawnhekk fil-Parlament hawn ħafna minna, naħseb, li jiftakruh bħala Membru attivissimu li jieħu parti fid-debates. Kien debater tajjeb ħafna u kellu dak is-sens of humour li kien kapaċi jieħu ċajta kontra tiegħu u daqstant ieħor kien kapaċi jagħmel ċajta kontra ħaddieħor mingħajr ma joffendi lil ħadd. Meta okkupa l-kariga ta' Deputy Speaker u anke ta' Speaker, din okkupaha bl-akbar dinjita', bl-akbar responsabbilta' u fl-ebda mument ma ċekken ir-rispett tal-Membri tal-Parlament lejn is-Sedja bid-deċiżjonijiet tiegħu, bit-treġija tiegħu tad-diskussjonijiet f'dan il-Parlament.
Nestu Laiviera, kif għidt, kien ukoll ġurnalista tajjeb; kellu pinna tajba, pinna mexxejja ngħidilha jien, li tieħu gost taqraha. Barra minn hekk, għalkemm għamel żmien twil fil-ġurnaliżmu rari, jekk qatt, li qala' xi libell. Din ukoll speaks for itself, li kien verament ġurnalista tajjeb u wkoll prudenti. Imma dejjem kien kapaċi - għax jien kont insegwi u rajt ħafna mill-kitba tiegħu - jagħmel il-punt tiegħu b'saħħa u konvinzjoni.
Mr Speaker, Nestu Laiviera barra li kien politiku, Membru tal-Parlament u ġurnalista kien ukoll bniedem tal-familja, kellu familja kbira, familja li ħass il-piż tagħha, familja li bata għaliha, familja li tellagħha sewwa ħafna u għalhekk jien, Mr Speaker, insellimlu l-veteran Nestu Laiviera bħala ħabib tiegħi, li ilni nafu sa mill-1944. Jien, lil Nestu Laiviera, insellimlu u filwaqt li nagħmel dan, naħseb jien għan-nom ta' kulħadd, żgur għan-nom ta' din in-naħa, nitolbok, Mr Speaker, li tibgħat il-kondoljanzi ta' din in-naħa lill-familja tiegħu, lit-tfal tiegħu kemm subien u n-nisa tagħhom, u kemm bniet u l-irġiel tagħhom u anke fosthom lil bintu s-soru. Nixtieq, Mr Speaker, li tibgħat il-kondoljanzi ta' din il-Kamra għat-telfa li huma sofrew. (Onor. Membri: Hear, hear)
ONOR. EDWARD FENECH ADAMI: Mr Speaker, jien nixtieq għan-nom ta' din in-naħa u għan-nom tiegħi personalment ukoll nassoċja ruħi ma' dan il-messaġġ li l-Ministru Cassar talbek tibgħat lill-familja ta' Nestu Laiviera.
Jien niftakru lil Nestu Laiviera, dħalt fil-Parlament ħafna warajh, fl-1969, pero' lħaqtu biżżejjed biex nifforma jien ukoll opinjoni fuqu. U nista' ngħid, kemm nafu jien f'dan il-Parlament, huwa ta verament servizz lil pajjiżu u kien eżemplari. L-ewwelnett li niftakar sinċerament hu l-mod kif dejjem kien bi tbissima, kif tiltaq' miegħu dejjem kellu spirtu ferrieħ, u niftakar ukoll f'diversi mumenti sħan li kultant ikollna f'dan il-Parlament, kien il-bniedem li tinduna malajr li l-karattru tiegħu kien li jippaċifika, li jara kif jagħmel u verament kien jagħti s-sehem tiegħu biex iġib l-għaqda. U naħseb li hu ta' eżempju għalina lkoll bħala bniedem li minkejja li kien iħaddan prinċipji li mhux kulħadd jaqbel magħhom, pero' ċertament dawk il-prinċipji qatt ma ġiegħluh jew jimxi b'xi mod li jġib il-firda jew b'xi mod li jista' jfixkel il-ġid tal-pajjiż. Jien verament ngħid li hu ta' eżempju għalina għaliex ma ħalliex, nerġa' ngħid, mill-esperjenza ta' kemm nafu jien, li ċertament hija esperjenza ta' ħajtu kollha, ma ħalliex li l-opinjonijiet politiċi, li bilfors jeżistu f'kull demokrazija, iwasslu biex ikun hemm esaġerazzjoni fil-konfrontazzjoni bejn il-fehmiet politiċi. Niftakru wkoll bħala Speaker. U jien nikkonferma wkoll li kemm dam jokkupa s-Sedja, Mr Speaker, li tokkupa int illum, okkupaha b'dinjita', okkupaha b'imparzjalita', u qeda verament dmiru. GĦalhekk, kif għidt diġa', jien ukoll għan-nom ta' din in-naħa nassoċja ruħi u nitlob lilek Mr Speaker, biex għan-nom tagħna wkoll twassal il-kondoljanzi tagħna lill-familja tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER (Onor. Daniel Micallef): Is-Sedja tassoċja ruħha mad-diskorsi li saru hawnhekk u l-istima tiegħi lejn Nestu Laiviera nuriha bit-tama tiegħi li qatt ma nonqos kif ma naqasx hu fid-dmirijiet tiegħu lejn din il-Kamra. Għalhekk nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra jwassal il-kondoljanzi lill-familja ta' Nestu Laiviera.
Elected on: | 18.02.1962 |
Oath of Allegiance: | 26.04.1962 |
Dissolution of Parliament: | 15.02.1966 |
Elected on: | 18.04.1966 |
Oath of Allegiance: | 25.04.1966 |
Dissolution of Parliament: | 24.04.1971 |
Elected on: | 17.06.1971 |
Oath of Allegiance: | 16.08.1971 |
Dissolution of Parliament: | 13.08.1976 |
Sworn in as
Speaker of the House
Ceased: 16.01.1978 |