TIFKIRA TAD-DOTTOR KARMENU MIFSUD BONNICI
FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI
PARLAMENT TA’ MALTA
17 TA’ LULJU 1933 - 5 TA’ NOVEMBRU 2022
Membru tal-Kamra tad-Deputati
bejn
It-2 ta’ Mejju 1983 u t-23 ta’ Settembru 1996
Prim Ministru
bejn
it-22 ta’ Diċembru 1984 u l-11 ta’ Mejju 1987
Karmenu Mifsud Bonnici
L-EWWEL DISKORS TA’ KARMENU MIFSUD BONNICI
FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI
ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 113 tat-Tlieta, 28 ta’ Ġunju 1983
IL ĦAMES LEĠIŻLATURA
ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR ID DEVOLUZZJONI TA’ ĊERTA PROPRJETÀ TA’ KNEJJES
DEVOLUTION OF CERTAIN CHURCH PROPERTY BILL
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI (Ministru tax Xogħlijiet u Servizzi Soċjali): Il-poplu Malti u Għawdxi qed jara u jisma’ kif il-Gvern Laburista qiegħed imexxi l-pajjiż, u qiegħed jinnota wkoll b’dispjaċir kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għal darba oħra qed tittradixxi l-mandat li taha l-poplu li taqdi lill-poplu billi tikkritika lill-Gvern u jekk tħoss li l-Gvern qiegħed jagħmel pass ħażin tispjega lill-poplu fiex il-Gvern qiegħed jiżbalja. (Onor. Membri: Hear, hear) Qegħdin ukoll nagħtu prova ta’ kif il-Gvern ma jibżax jispjega lill-poplu dak li jħoss li huwa fl-interess tal-poplu, ma jibżax jagħmel dak li jħoss li huwa għall-ġid tal-poplu. U f’din il-kwestjoni li llum qed niddiskutu, tajjeb li l-poplu jifhem x’inhi l-kwestjoni. Il-kwestjoni mhix xi ħaġa li ma tinftehimx jekk wieħed joqgħod attent għal dak li hemm fin-nofs. Fin-nofs hemm żewġ affarijiet. L-ewwel ħaġa hemm li l-Gvern Laburista talab lill-Knisja biex hija minn jeddha, volontarjament iċċedi dik il-proprjetà li l-Knisja ma tistax turi kif inhi tagħha, kif ġiet għandha, min tahielha u għalfejn qiegħda għandha. Talab lill-Knisja biex hija minn jeddha tagħmel dan ħalli din il-proprjetà tintuża għal skop soċjali bi ftehim bejn il-Knisja u l-Gvern. Din kienet it talba li d-delegazzjoni Maltija għamlet fil-Vatikan fit-taħditiet tal-14 u l-15 ta’ Frar. Il-Vatikan dakinhar ma qalx li din it-talba mhix f’lokha. Qal biss li ħa nota ta’ din it-talba u se jagħti t-tweġiba tiegħu fil-laqgħa li kellha ssir fil-11 ta’ April u, kif jaf il-poplu, dik il-laqgħa ma saritx fuq insistenza tal-Vatikan, għaliex il-Vatikan qal li x-xogħol li kien meħtieġ isir biex jitkomplew in-negozjati ma kienx tlesta sal-11 ta’ April u talab li n-negozjati jitkomplew fis-16 ta’ Mejju. In-negozjati tkomplew fis-16, 17 u 18 ta’ Mejju, u tajjeb li l-poplu jkun jaf x’kienet it-tweġiba tal-Vatikan għal din it-talba. Nerġa’ ngħid li l-Knisja minn jeddha tħoss id-dmir morali li trodd lura dik il-proprjetà li ma tistax turi li hija tagħha. Il-Vatikan qal hekk:
‟Id-delegazzjoni tas-Santa Sede taqbel li l-Knisja ma tistax tqis biss l-aspetti ġuridiċi iżda trid tqis ukoll l-aspetti morali ta’ kif akkwistat il-proprjetà u tal-użu tagħha.”.
Mela l-Vatikan hawnhekk, bil-miktub, aċċetta li f’dik li hija proprejtà tal-Knisja ma tridx biss tara jekk il-liġi tal-pajjiż tagħtikx is-setgħa li żżomm dak li ħadd ma tak imma li ħadt inti, imma trid tara wkoll l-aspetti morali ta’ kif ġiet din il-proprjetà f’idejk. It-talba tal-Gvern kienet ibbażata proprju fuq dak, li l-Knisja bħala għaqda morali għandha iktar minn ħaddieħor trodd lura proprjetà li hi ma tistax tispjega kif ġiet għandha. (Applaws) Il-Vatikan aċċetta li fil-każ tal-Knisja wieħed irid iqis l-aspett morali, l-aspett morali li fuqu insista l-Gvern Malti. Allura meta l-Vatikan ammetta bil-miktub li wieħed, f’din il kwestjoni, għandu jqis l-aspett morali, ma tiswa xejn iktar il-kritika li saret li l-Gvern m’għandux dritt jgħid lill-Knisja li l-proprjetà li hija akkwistat bla ma taf kif ġiet f’idejha, hija għandha tikkonsidra li dik il-proprjetà ma tibqax iktar għandha imma għandha tużaha għal skop li jiġi miftiehem mal-Gvern ladarba hija stess, il-Knisja, aċċettat li dak li tgħid il-liġi m’għandux ikun dak biss li jirregola din il-kwestjoni. L-aspett morali huwa importanti. Il-fehma tal-Gvern hija li meta qed nitkellmu fuq knisja, meta qed nitkellmu fuq għaqda spiritwali, l-aspett morali huwa l-aktar ħaġa importanti u għandu jorbot x’għandha tagħmel dik l-għaqda spiritwali. (Applaws) Dan ngħiduh b’wiċċna minn quddiem hawn Malta u f’Għawdex u ngħiduh ukoll, kif għidnieh, Ruma u kullimkien.
Issa ladarba l-Knisja trid tqis l-aspett morali ta’ din il-kwestjoni, aħna għidnielha wkoll li dik il-proprjetà li qiegħda għandha bla ma taf kif ġiet għandha, ma tistax tgħid il-Knisja li hija marbuta li tużaha għal xi skop speċifiku. Għaliex la ma tafx min tahielha, la ma tafx kif ħaditha, m’hemmx skop speċifiku marbut mal-użu ta’ dik il-proprjetà. Allura m’hemm xejn xi jżomm, la r-rieda tal-individwu li taha l-proprjetà għax dik il-proprjetà ma tahiex individwu lilha la ebda liġi, la ebda artikolu tal-liġi tal-Knisja, m’hemm xejn xi jżomm lill-Knisja li tagħmel użu minn dik il-proprjetà differenti mill-użu li għalih qiegħda tagħmel il-Knisja llum. Meta l-Gvern Laburista talab lill-Knisja biex dik il-proprjetà tintuża għal skop soċjali miftiehem, il-Vatikan ma qalx li dik it-talba hija barra minn lokha, imma kompla jgħid li ma jeskludix li wara li jsir iċ-ċensiment, is-Santa Sede tqis li dik il-proprjetà tiġi użata għal skopijiet ta’ siwi soċjali. Mela anke l-iskop li għalih il-Gvern Laburista qal lill-Vatikan li dik il-proprjetà għandha tintuża, anke dak l-iskop ġie aċċettat bil-miktub mill-Vatikan fl-agreed minutes tas-16, 17 u 18 ta’ Mejju. Għal darba oħra ngħidu li mhux biss dak li qal il-Gvern Laburista mhuwiex ħażin, jiġifieri li l-Knisja għandha d-dmir morali li trodd lura dik il-proprjetà, imma anke t-talba li għamel il-Gvern li dik il-proprjetà tintuża għal skop soċjali, anke dik it-talba ġiet iddikjarata mill-Vatikan li mhix barra minn lokha. Kull skuża li ġab il-Vatikan kienet li ma jistax jikkonsidra li dan isir, jiġifieri li din il-proprjetà tintuża għal skop soċjali siewi, ma jistax jikkonsidra dik it-talba qabel ma jitlesta ċ-ċensiment tal-proprjetà tal-Knisja f’Malta.
Issa fit taħditiet tal-Vatikan u dan jirriżulta mill-minuti miftiehma taż-żewġ naħat il-Gvern Malti qal lill-Vatikan għal aktar minn darba li l-Gvern ikun lest li jistenna għal żmien raġonevoli li jitlesta ċ-ċensiment kemm-il darba iżda l-Knisja, il-Vatikan, jaċċetta l-prinċipju li dik il-proprjetà li l-Knisja m’għandhiex titolu għaliha, dik il-proprjetà tintuża għal skop soċjali. Il-Vatikan ma ħassx li seta’ jaċċetta dan il-prinċipju, u fit-taħditiet qalilna ċar u tond li dan ma setax jagħmlu dakinhar minħabba l-oppożizzjoni ta’ parti mill-Knisja ta’ Malta li ma riditx tifhem għaliex il-Knisja ma kellhiex tistrieħ fuq ir-raġuni li tagħtiha l-liġi, jiġifieri jekk proprjetà ħaditha mingħand xi ħadd u żammitha għal numru ta’ snin, anke kontra l-kunsens ta’ min kienet il-proprjetà, dik il-proprjetà saret tagħha. Ma riditx parti mill-Knisja f’Malta taċċetta li ħaġa bħal din il-Knisja ma setgħetx issostniha moralment. Allura d-delegazzjoni tal-Gvern Malti, meta saret taf b’din l-oppożizzjoni ta’ parti mill-Knisja f’Malta, ma setgħetx taċċetta li dan il-punt jitħalla sakemm jitlesta ċ-ċensiment qabel ma l-Vatikan u l-Knisja jaċċettaw il-prinċipji li anke wara li jsir iċ-ċensiment din il-proprjetà tintuża għal skop soċjali. Iżda d-delegazzjoni tal-Gvern Malti u tajjeb li dan il-poplu, speċjalment dawk li ma qrawx il-ktieb tad-dokumenti ppubblikat mill-Gvern, ikun jaf anke f’dak l-istadju ta’ taħditiet għamlet pass, ġest ta’ kompromess u ssuġġeriet lis-Santa Sede biex taqbel li ssir reviżjoni flimkien ta’ dawk l-oqsma ta’ proprjetà li għandha l-Knisja u li l-Knisja ma tistax iġġib provi dokumentarji validi tat-titlu tagħha sabiex il-Gvern iqis, jagħti s-setgħa lill-Knisja żżomm dawk l-oqsma li jsir qbil fuqhom, biex jibqgħu jintużaw għall-għanijiet reliġjużi, soċjali jew filantropiċi speċifiċi. Il-Gvern Malti għamel dan is-suġġeriment li bih il-Gvern kien lest li jħalli f’idejn il-Knisja parti minn din il-proprjetà biex tintuża għal dawn l-iskopijiet soċjali. Is-Santa Sede xorta waħda ma setgħetx dakinhar taċċetta anke dan is-suġġeriment tal-Gvern Malti. Tajjeb allura li l-poplu jkun jaf kemm il-Gvern Malti wera mhux biss rieda tajba imma anke sens ta’ ġenerożità, li kien lest li jħalli lill-Knisja parti minn din il-proprjetà kemm-il darba din il-proprjetà tintuża għal skopijiet soċjali speċifiċi. Is-Santa Sede ma setgħetx taċċetta dan is-suġġeriment. Ma qalitx li huwa suġġeriment ħażin, imma qalet li qabel ma jitlesta ċ-ċensiment tal-proprjetà f’Malta hija ma kenitx f’qagħda li taċċetta suġġeriment bħal dan.
It-tieni kwestjoni li għandna quddiemna hija l-kwestjoni tal-fondazzjonijiet tal-quddies għall-mejtin. U hawn tajjeb li l-poplu jifhem sewwa x’inhi l-kwestjoni u ma jiġix ingannat minn stqarrijiet li jistgħu joħorġu, li jħawdu l-mħuħ billi jingħad li l-Gvern Laburista huwa kontra l-quddies għall-mejtin. Tajjeb li l-poplu jkun jaf li l-Vatikan l-ogħla awtoritajiet tal-Knisja f’Ruma illum aċċetta bil-miktub li-quddies perpetwu, jiġifieri li jibqgħu jitqaddsu għal dejjem għall-mejtin, hija xi ħaġa ħażina. Mhix ħaġa li għandha tibqa’, mhix ħaġa li l-Knisja sejra tħalli. Din għamlitha bħala regola fil-liġi tagħna stess. Mela mhux il-Gvern Malti li qed jgħid dan, qed tgħidu l-Knisja stess fil-liġi tagħha, il-Liġi Kanonika, li quddies perpetwu hija ħaġa ħażina li ma tistax issir aktar. Il-Vatikan qal ukoll li dawk il-fondazzjonijiet ta’ quddies li ilhom aktar minn mitt sena, il-proprjetà mħollija għall-quddies m’għandhiex tibqa’ tintuża aktar għall-quddies, imma tintuża għal skop ieħor.
Hawnhekk wieħed irid jagħmel ċerti riflessjonijiet. L-ewwel nett dan ifisser li l-Knisja, meta hija ma tħallix li l-fondazzjonijiet għall-quddies għal dejjem ma jkomplux iseħħu, tkun hija qiegħda tinjora, twarrab, ma tagħtix kas aktar ir-rieda tal-fondatur ta’ dawk il-quddies. (Onor. Membri: Hear, hear) Mela kull min bħalma għamlu l-isqfijiet fl istqarrija tagħhom tat-18 ta’ Ġunju jgħid li mhux sewwa li twarrab ir-rieda tal-fondatur ikun qed jinsa li hija l-Knisja stess li qiegħda twarrab ir-rieda tal-fondaturi ta’ dawn il-quddies. (Onor. Membri: Hear, hear) Għax hija stess qed tgħid li dawk il-fondazzjonijiet li ilhom aktar minn mitt sena mhumiex se jsiru aktar quddisiet bihom. Mhuwiex il-Gvern Laburista li qed jgħid dan, imma qed tgħidu l-Knisja stess. Naturalment, il-Gvern Laburista dan qabel miegħu u għandu għaliex jiftaħar u jgħid li l-poplu Malti u Għawdxi sar jaf b’dan bis-saħħa tal-ħidma tal-Gvern Laburista għax kieku ma konniex inkunu nafu b’dan it-tibdil. (Onor. Membri: Hear, hear)
Il-Knisja u l-Vatikan qalu bil-miktub li l-Knisja m’għandhiex taċċetta li jkun hemm aktar flus u proprjetà mħollija għall-quddies għal aktar minn 25 sena u jekk dan isir, wara 25 sena l-proprjetà ma tibqax tintuża għall-quddies, imma tintuża għal xi skop ieħor. Mela dan ifisser li kemm jekk dawn il-fondazzjonijiet isiru minn bniedem f’ħajtu b’kuntratt mal-Knisja, kemm jekk jagħmilha b’testment wara mewtu, xorta waħda l-quddies ma jibqgħux isiru wara 25 sena. Il-Gvern fil-liġi qiegħed proprju jagħmel dan, li-fondazzjonijiet ta’ quddies għal itwal minn 25 sena huma invalidi, huma kontra l-liġi. F’din il-ħaġa l-Gvern qiegħed jaqbel max-xewqa tal-isqfijiet ta’ Malta u Għawdex li skont il-Vatikan għandna bil-miktub kienu diġà aċċettaw għalkemm aħna u l-poplu Malti u Għawdxi ma jafx b’dan li m’għandhomx isiru aktar fondazzjonijiet għal itwal minn 25 sena. Allura anke fuq din il-ħaġa l-Gvern jaqbel mal-Knisja f’Malta u ma narawx għaliex fuq din il-kwestjoni għandu jinqala’ dan l-għawġ u l-għagħa kollu. Imma dan ifisser ukoll li dawk li qalu, bħalma qalu l-isqfijiet, li mhux sewwa li l-flus imħollija għall-quddies ma jibqgħux jintużaw għall-quddies għax b’hekk se jonqos l-introjtu għas-saċerdoti, dan ifisser li meta l-Vatikan u l-Knisja aċċettaw li l-fondazzonijiet ta’ fuq il-mitt sena kif ukoll il-fondazzjonijiet ta’ aktar minn 25 sena ma jibqgħux jintużaw għall-quddies, allura l-introjtu minn dawn il-fondazzjonijiet huma stess qalu li m’hemmx bżonn li jintuża għaż-żamma tas-saċerdoti għaliex huma stess aċċettaw li dawn il-flus ma jintużawx aktar għall-quddies. Min jattakka lill-Gvern li b’dan il-pass li qed jieħu dwar il-quddies għall-mejtin ikun qiegħed iċaħħad lis-saċerdoti mill-mezz tal-għajxien tagħhom, irridu nfakkruh li hija l-Knisja stess, il-Vatikan u l-isqfijiet ta’ Malta li ċaħħdu lis-saċerdoti mill-mezzi tal-għajxien tagħhom għax huma stess aċċettaw li-fondazzjonijiet għal dan il-quddies ma jibqgħux imorru aktar għall-quddies, jiġifieri ma jibqgħux imorru, għaż-żamma tas-saċerdoti. Għaliex jekk allura jingħad li l-fondazzjonijiet tal-quddies ma jmorrux għaż-żamma tas-saċerdoti jew għall-għajxien tas-saċerdoti imma meta ma jibqgħux jitqaddsu l-quddies aktar allura xorta waħda tista’ tużahom għas-saċerdoti, aħna nistaqsu: Allura x’differenza hemm bejn quddies li jitqaddes skont ir-rieda tal-fondatur u l-flus mill-proprjetà tmur għas-saċerdoti, u quddies li ma jibqax jitqaddes aktar skont ir-rieda tal-fondatur, imma l-flus imħollija xorta waħda jmorru għas-saċerdoti? Fi kliem ieħor ...
ONOR. DOM MINTOFF (Prim Ministru): ... mingħajr ma jqaddes.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: ... l-introjtu u din il-proprjetà xorta waħda allura qed tintuża jew hu l-ħsieb li tintuża għall-għajxien tas-saċerdoti. Issa tajjeb li wieħed jinnota li ladarba l-Knisja għandha proprjetà ta’ ammont kbir f’Malta, hija l-Knisja li trid tipprova li bil-proprjetà li mhux se tibqa’ tintuża aktar għall-quddies allura se jkun hemm xi periklu għall-għajxien tas-saċerdoti, ħaġa li l-Knisja ma tistax tagħmilha għaliex hija qiegħda tiddikjara li għadha ma tafx xi proprjetà għandha għax tant għandha li f’għaxar snin għadha ma waslitx biex tara x’għandha! (Onor. Membri: Hear, hear) Allura min jgħid li b’dan il-pass il-Gvern qiegħed jipperikola l-eżistenza tal-Knisja, ikun qiegħed jiżbalja għaliex m’hemmx mezz kif wieħed iqis kemm fil-fatt il-Knisja se tibqa’ sinjura wara li din il-proprjetà ma tibqax tintuża kif qed tintuża llum imma tiġi użata għat-tagħlim b’xejn.
Issa ġie allegat li mhux veru l-Gvern beħsiebu juża l-proprjetà li semmejna għat tagħlim b’xejn. Dan qed ngħidu għaliex mhux biss nies politiċi qalu dan, imma fi stqarrija li ħarġu l-isqfijiet illum stess, 28 ta’ Ġunju, qalu:
‟Hu allegat li din il-liġi hija intiża biex jinstabu fondi mill-proprjetà tal-Knisja għall-edukazzjoni.”.
‟Hu allegat”, jiġifieri huma qegħdin jgħidu li għalkemm wieħed qed jgħid hekk mhux neċessarjament huwa hekk. Aħna niddikjaraw quddiem il-poplu ta’ Malta u Għawdex li din il-proprjetà se tittieħed mill-poplu għax il-Gvern mhux se jeħodha għalih, imma għall-ġid tal-poplu biex tintuża għall-edukazzjoni b’xejn. (Onor. Membri: Hear, hear) Meta huma qalu ‟hu allegat” qed juru li mhux neċessarjament, mhux bilfors fehmu x’inhu l-iskop li għandu l-Gvern. Imma meta qalu dan insew li huma diġà ħarġu stqarrija tat-18 ta’ Ġunju, fejn qalu dan il-kliem:
‟Mill-korrispondenza li għaddiet f’dawn l-aħħar ġranet bejn is-Santa Sede u l-Gvern Malti, l-Isqfijiet jinnotaw li l-Gvern Malti ma għalaqx il-bieb biex jitkompla djalogu li, fil-fatt, ta’ ... ir-riżultati mixtieqa miż-żewġ naħat.”.
Mela allura huma fit-18 ta’ Ġunju ddikjaraw li jafu x’inhu r-riżultat mistenni u mixtieq minn din in-naħa, tant li qalu li r-riżultati mixtieqa miż-żewġ naħat huma l-istess. Qalu li d-djalogu diġà ta u li ‟żgur jagħti fi żmien qasir ir-riżultati mixtieqa miż-żewġ naħat”. Huma stess għalkemm fl-istqarrija tal lum tefgħu dell fuq l-iskop tal-Gvern li qed iressaq il-liġi fit-18 ta’ Ġunju ddikjaraw li jafu x’inhuma r-riżultati mixtieqa mill-Gvern u jafu wkoll li bi ftit sforz aktar u rieda tajba minn naħa tagħhom biex ipattu għar-rieda tajba li wera l-Gvern f’dawn in-negozjati, għad jista’ jintlaħaq ftehim. U ftehim li jkun ta’ unur għaż-żewġ naħat jista’ jintlaħaq anke wara li dan il-Parlament, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, ikun għadda din il liġi. Dan qiegħed ngħidu għaliex donnu hija x-xewqa ta’ ħafna forzi f’Malta li għalkemm jgħidu kemm jixtiequ ġid għall-Knisja f’Malta, jagħmlu u għamlu u qed jgħidu u jieħdu ħafna inizjattivi biex jisfrattaw iċ-chances li għad hemm li l-Knisja f’Malta tifhem ir-rieda soda tal-Gvern tal-ħaddiema, li dak li l-Gvern iħoss li huwa fil-ġid u għall-ġid u fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi li jsir, donnhom iridu jisfrattaw li ftehim bħal dan jintlaħaq. Fost dawn li jridu jisfrattaw dan il-ftehim għax minn kliem li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni nhar il-Ħadd wieħed jista’ jifhem li ma jiħux gost li ftehim isir hemm żgur il-Partit Nazzjonalista, għaliex fil-qasam tat-tagħlim ir-record tal-Partit Nazzjonalista huwa mill-agħar. Il-Partit Nazzjonalista hemm bżonn infiehmu lill-poplu twieled għal tapposta ̓l fuq minn mitt sena ilu biex jopponi riforma fl-edukazzjoni żewġ riformi tant li kien jissejjaħ l-‟anti reform party” ... (Onor. Membri: Hear, hear) Dawn li llum iridu jipperswadu liż-żgħażagħ, li ma jafux l-istorja politika ta’ pajjiżna, li huma favur il bidliet, ir-riformi, dawn twieldu biex jopponu r-riformi u għal żmien kienu jissejħu, u jiftaħru li jissejħu, li huma l-‟anti reform party”. U tajjeb li l-poplu Malti u Għawdxi jiftakar li l-Partit Nazzjonalista twieled biex jopponi żewġ riformi: Waħda li titneħħa t-taxxa fuq il-qamħ li l-iktar li kienet tolqot hija lill-poplu ż-żgħir, u t-tieni, biex jopponi r-riforma fl-edukazzjoni. Dan għamlu għaliex il-maġġoranza tal-poplu ma kienet qed tgawdi xejn mill- edukazzjoni ta’ dak iż-żmien u kienu qed igawdu biss ftit nies privileġġjati. Il-Partit Nazzjonalista donnu jrid iżomm ir-record tiegħu li kif twieled biex jopponi riforma fl-edukazzjoni, matul ħajtu ġġieled kontra l-edukazzjoni obbligatorja, iġġieled kontra l-ilsien Malti fl-uffiċċji tal-Gvern u biex tkun lingwa uffiċjali ta’ Malta, iġġieled kontra l-edukazzjoni teknika, iġġieled ukoll kontra l-ikbar riforma li saret s’issa fl-edukazzjoni, l-Iskema ta’ Ħaddiem/Student, qed jiġġieled issa wkoll u jopponi li jidħol u jitwettaq il-prinċipju tal-edukazzjoni b’xejn għal kulħadd anke fl-iskejjel sekondarji u elementari. Nesa li huwa jiftaħar li kien favur li l-iskola universitarja għandha tkun b’xejn. U l-poplu jistaqsih: Kif tista’ inti tinsisti li l-edukazzjoni fl-Università, li tiġi wara l-edukazzjoni sekondarja, għandha tkun b’xejn u ma taċċettax il-prinċipju li anke l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja għandha tkun b’xejn għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi? (Onor. Membri: Hear, hear) (Applaws)
Estratt mis-Seduta Parlamentari 48 tal-Erbatax-il Leġislatura tal-Ħamis 10 ta' Novembru 2022
KONDOLJANZI
L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Skont il-ftehim milħuq fis-seduta 46 tas-7 ta’ Novembru, 2022 illum il-Kamra se tkun qed tiltaqa’ biex jingħataw il-Kondoljanzi wara t-telfa tal-maħbub Eks Prim Ministru u Eks Membru Parlamentari, Dr Karmenu Mifsud Bonnici li ħalliena nhar is-Sibt, 5 ta’ Novembru, 2022. Ninforma wkoll lill-Kamra li skont il-ftehim milħuq fis-seduta tal-bieraħ il-membri tal-media se jkunu permessi jidħlu fil-Kamra biex jieħdu ritratti u filmati matul is-seduta u għalhekk issa nistedinhom biex jidħlu mill-ewwel fil-Kamra.
Nibda billi nsejjaħ mill-ewwel biex jagħmel l-intervent tiegħu lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Sur President, kull persuna li tkun fil-politika x’aktarx toħloq narrattiva dwarha nnifisha ta’ kif dak li jkun ikun irid jippreżenta jew jippromwovi lilu nnifsu jew aktar minn hekk jippromwovi l-immaġini tiegħu ta’ kif ikun irid li jarawh in-nies ovvjament biex meta tiġi l-elezzjoni jivvutawlu. Min ikun fil-politika b’mod prominenti x’aktarx ikollu aktar min-narrattiva waħda. Ikollu n-narrattiva tal-partit li jappoġġa jew il-partit tiegħu li x’aktarx tkun ħarira aħjar mill-verità però mbagħad ikollu n-narrattiva tal-partit oppost u allura xogħlu jkun li jipprova jpinġih f’dawl li mhux neċessarjament ikun l-aħjar dawl.
Kull min huwa prominenti - u ċertament li tkun Prim Ministru u mexxej ta’ partit tkun prominenti - ikollu żewġ narrattivi; waħda li jkun qed jimbotta l-partit tiegħek, li x’aktarx tkun aħjar mill-verità, u oħra li jkun qed jimbotta l-partit oppost li ovvjament jenfasizza l-punti li mhumiex tajbin u forsi wkoll, għaliex fil-politika teżisti l-ispin, idawwar daqsxejn fatti biex ipinġik ġo dawl ikrah. Kull wieħed u waħda minna għandna din it-tip ta’ narrattiva.
Għal xi wħud dawn in-narrattivi ma jaqbdux, għal xi oħrajn jaqbdu t-tnejn u jkun hemm min jemmen waħda u min jemmen l-oħra u għal xi oħrajn taqbad waħda iżjed milli taqbad l-oħra. Min ikun qiegħed jikteb u jirrakkonta l-istorja jew jirrakkonta fuq persuna storika li tkun fil-politika snin ilu jagħmel sew li jiftakar li dawk in-narrattivi li jkunu tpinġew mill-partiti mhux neċessarjament ikunu veritieri. Min irid jikteb l-istorja jagħmel ħażin li jirrepeti n-narrattiva li kienet tingħad fil-media ta’ partit jew ta’ ieħor u jagħmel sew jekk jirriċerka fuq il-persuna verament.
Din qed ngħidha għaliex f’dawn l-aħħar ġranet wara l-mewt tal-mibki Karmenu Mifsud Bonnici ntqalu ħafna affarijiet minn ħafna nies. Kulħadd faħħar il-mod kemm kien bniedem eżemplari, kemm kien bniedem ġust, kemm kien bniedem ħanin, kemm kien bniedem rett u onest però mbagħad rajt xi artikli fil-gazzetti, inkluż editorjal, li minflok irriċerkaw il-persuna ta’ vera, qabdu waħda minn dawn in-narrattivi u rrepetew lilha. Fil-każ ta’ Karmenu Mifsud Bonnici nkunu onesti meta ngħidu li n-narrattiva li kien hemm tal-partit oppost kienet ħadet aktar f’ċertu oqsma min-narrativa li kien irid jibni hu jew li kienu riedu jibnulu tal-partit tiegħu. Qed ngħid dan biex min forsi xi darba juża dawn it-transcripts ta’ dawn il-kondoljanzi biex jikteb il-karattru veru ta’ Karmenu Mifsud Bonnici, joqgħod attent li ma jużax dik in-narrativa politika imma jara dak li kien verament Karmenu Mifsud Bonnici.
X’kienet in-narrattiva tal-partit oppost fil-konfront ta’ Karmenu Mifsud Bonnici? Jien ċert li l-kelliema l-oħrajn sħabi, kif ġara matul din il-ġimgħa, se jitkellmu ħafna fuq il-preġji ta’ Karmenu Mifsud Bonnici u allura m’iniex se nuża dan il-ħin biex noqgħod nirrepetihom. Però n-narrattiva tal-partit oppost ta’ Karmenu Mifsud Bonnnici dak iż-żmien u li sfortunatament rajtha prodotta anke issa kienet prattikament fuq żewġ prinċipji.
L-ewwel nett kien jipprova jitpinġa bħala persuna tant twajba u kwieta li ma kellux awtorità fuq il-persuni ta’ madwaru u fuq il-politiċi tal-partit tiegħu u kważi ma kienx kapaċi jmexxi lil sħabu. L-istampa l-oħra tiegħu li kienet tipprova titpinġa kienet li dan kien persuna li minflok jagħġen l-istorja hu kif jagħmlu l-mexxejja, kien jimxi mal-kurrent. Min kien jafu jew min irriċerkah jew inkella min bħali ħadem miegħu jaf li din kienet l-istampa li kienet tipprova titpinġa fuqu mill-Oppożizzjoni imma hu ma kienx verament hekk. Hu veru kien bniedem kalm, ma kienx isabbat fuq l-imwejjed u kien iħallik titkellem ħafna però kellu moħħ inċiżiv ħafna u l-argumenti tiegħu kien jagħmilhom u kien jirbaħhom kważi dejjem. Allura mhuwiex minnu li ma kienx kapaċi jmexxi lil ta’ madwaru u li ma kienx mexxej ta’ veru. Jien se nirrakkonta u se ngħid ħaġa waħda biss biex nuri kemm Karmenu Mifsud Bonnici verament kien bniedem ta’ stoffa, b’saħħtu u awtorevoli anke jekk kien jagħti l-impressjoni u kienet tingħata l-impressjoni li dan kien qisu mhux kapaċi jmexxi lil ta’ madwaru.
Sur President, kull min jiftakar jew studja l-epoka jew għexha bħalna jiftakar li fil-Partit Laburista kien hemm Lorry Sant li kien persuna kontroversjali. Mhux se noqgħod nidħol fil-karattru ta’ Lorry Sant imma ċertament kien hemm nies li kienu jadurawh - fil-fatt f’waħda mill-pjazez prominenti ta’ Raħal Ġdid għandna statwa tiegħu - u kien hemm ħafna oħrajn li kienu jħossu li dan kien bniedem arroganti u ma kenux iħobbuh. Żgur li kien persuna aggressiva fil-mod kif kien imexxi l-politika tiegħu u żgur li għall-Partit Laburista kien dak li l-Ingliżi jgħidulu a loose cannon tant li anke meta kien mexxej Duminku Mintoff, mhux dejjem kien isibha faċli li jikkontrolla lil Lorry Sant.
L-unika persuna li rnexxielha ġġib lil Lorry Sant to order kienet Karmenu Mifsud Bonnici. Taħt it-tmexxija ta’ Karmenu Mifsud Bonnici – u Karmenu Mifsud Bonnici baqa’ mexxej sal-1992 - Lorry Sant kien sospiż mill-Partit Laburista. Din ħadd ma kellu s-saħħa li jagħmilha jiġifieri altru li Karmenu Mifsud Bonnici ma kienx kapaċi jmexxi lil ta’ madwaru jew kien jitmexxa jew inkella kienu jmexxuh kif iridu huma. Kien bniedem li għalkemm ma kienx jgħajjat u jsabbat u ma kontx tisimgħu jitkellem ħażin – ċertament qatt ma smajtu jitkellem ħażin lil Karmenu Mifsud Bonnici u wara kollox m’għandekx għalfejn titkellem ħażin biex tkun mexxej - madanakollu l-istil tiegħu kien xorta jwasslu fejn irid. Għalhekk dik il-myth li jipprovaw ipinġu li dan kien persuna li ma kienx kapaċi jmexxi imma kien jitmexxa fil-Partit Laburista jew fil-Gvern Malti meta kien Prim Ministru, mhijiex minnha.
L-istess għall-ġrajjiet kurrenti. Kulħadd jiftakar jew kulħadd qara, almenu min hu interessat fil-politika Maltija, li fl-1981 il-Partit Laburista kien ġab inqas voti mill-Partit Nazzjonalista imma minħabba li s-sistema elettorali kienet kif kienet ġab iżjed siġġijiet u baqa’ jiggverna hu. Dak kien żmien turbulenti. L-ewwel żmenijiet tas-snin tmenin bil-Partit Laburista fil-gvern kienu żmenijiet turbulenti. Fl-1981 ma kienx Karmenu Mifsud Bonnici Prim Ministru imma fl-1987 kien hu, u dakinhar l-iżjed ħaġa faċli għal Prim Ministru Laburista kienet tkun li ma jibdel xejn mill-Kostituzzjoni, ma jibdel xejn mis-sistema elettorali, terġa’ tiġi l-elezzjoni u r-riżultat jerġa’ jkun simili għal dak tal-1981 fejn għalkemm il-Partit Laburista ma jġibx il-maġġoranza tal-voti xorta jkompli jmexxi.
Karmenu Mifsud Bonnici, għaliex ma kienx iħalli l-mewġ jieħdu miegħu, għaliex ma riedx iħalli l-kurrent imexxih, - u ngħiduha kif inhi, ħafna mil-Laburisti ma xtaqux li jibdlu l-Kostituzzjoni ovvjament għax xtaqu li jibqgħu fil-gvern - għax kien jemmen verament fid-demokrazija u għax kien jemmen li l-pajjiż jiġi qabel il-partit u qabel l-individwu, under his watch, f’Jannar tal-1987 inbidlet il-Kostituzzjoni b’żewġ terzi ta’ din il-Kamra biex fl-elezzjoni ta’ wara, min ġab l-aktar voti, anke jekk ma ġabx l-aktar siġġijiet, tela’ fil-gvern. Din kienet xi ħaġa li kienet aġevolat sewwa lill-Partit Nazzjonalista.
Jien qed nuri, Sur President, kif in-narrattiva li sfortunatament kien hemm min pinġa anke fil-gazzetti din il-ġimgħa u f’editorjal partikolari mhijiex dik li turi min verament kien Karmenu Mifsud Bonnici. Karmenu Mifsud Bonnici kien bniedem sod, kien bniedem onest, kien mexxej ta’ veru bl-istil tiegħu u kien persuna li ħalla legat kbir fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, f’dan il-Parlament, fil-mod kif jitmexxa l-pajjiż u f’affarijiet ta’ relazzjonijiet industrijali wkoll.
Jien ċert li sħabi se jitkellmu dwaru, però ċertament li din il-Kamra, pajjiżna u anke l-Partit Laburista għal raġunijiet oħrajn għandu ħafna għalxiex ikun grat lejn Karmenu Mifsud Bonnici. Minn hawnhekk f’ismi, f’isem il-familja tiegħi u f’isem il-Grupp Parlamentari Laburista nixtieq nestendi l-Kondoljanzi tiegħi lill-familjari tiegħu u lil kull min ħabb u għożż lil Karmenu Mifsud Bonnici. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, qed niltaqgħu llum f’seduta speċjali tal-Parlament Malti biex infakkru l-memorja tal-Eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici. Jien se nintrabat mal-fatti u se nsellem lil Karmenu bħala persuna, bħala kollega avukat u bħala politiku.
Fuq livell personali kien persuna kwieta u naħseb li nikkondividi mad-Deputat Prim Ministru dwar numru ta’ dettalji li semma dwar il-karattru ta’ Karmenu Mifsud Bonnici. Huwa kellu sens kbir ta’ umoriżmu u kien iħobb jiġbidlek saqajk. Għalkemm kien kwiet kien bniedem determinat. Kien jgħidlek u kien isostni dak li jemmen.
Insellimlu wkoll bħala kollega. Bħala kollega kien avukat intelliġenti. Ikkollaborajna flimkien f’numru ta’ biċċiet ta’ xogħol u niftakar li anke għaddieli xi xogħol. Xi ħaġa li kont napprezza fih kienet li bħala avukat kien għen lil ħafna nies. Niftakar li ħafna drabi kien ikun fuq l-aħħar bank qabel tidħol fil-kamra tal-avukati fil-qorti. Ġieli kont tarah ukoll fi Pjazza Reġina, dejjem ikellem lil xi ħadd, jgħin lil xi ħadd u jagħti l-parir.
Karmenu kien politiku li ħaddan konvinzjoni politika li ma nbidlitx maż-żmien. Kien Prim Ministru li kif anke għadu kif qal id-Deputat Prim Ministru, mexxa lil dan il-pajjiż f’wieħed mill-aktar perjodi diffiċli tal-istorja politika Maltija fis-snin tmenin. Aħna l-politiċi għandna l-obbligu li nittrasformaw il-prinċipji u l-valuri tagħna f’politika ta’ ġid għall-poplu, politika li fiha l-poplu jkollu d-dritt li jagħmel l-għażliet liberi tiegħu fis-setturi kollha fosthom l-edukazzjoni, id-dritt tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni. Nonqsu aħna jekk dan ma nagħmluhx u nonqsu lejn il-poplu Malti. L-obbligu tagħna l-politiċi, partikolarment aħna l-mexxejja tal-partiti, hu li nieqfu quddiem l-abbużi, ma nittollerawx il-vjolenza politika u nkunu hemm fuq quddiem għal dawk li jkunu qed ibatu l-inġustizzja soċjali. Irridu nkunu aħna li nwaqqfu d-diskriminazzjoni fis-soċjetà. Aħna rridu mmexxu bl-eżempju. Irridu nwettqu fil-prattika t-twemmin tagħna.
L-istorja politika ma tinkitibx biss mill-istoriċi iżda tinkiteb ukoll minn min għex perjodi partikolari u minn dawk li jesperjenzaw avvenimenti. Kull politiku jidħol fil-politika biex jagħmel il-ġid skont il-valuri u l-prinċipji li jemmen fihom hu. Huma dawn il-valuri li għandhom imexxuna biex fil-ħajja tagħna, politika u mhix, nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Aħna obbligati nagħżlu s-sewwa dejjem.
Għalhekk għan-nom tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u l-Partit Nazzjonalista nagħti l-kondoljanzi lil ħutu Antoine u Dun Ġużepp, lilek Paula, lilek Carmelo kif ukoll lin-neputijiet u kuġini, l-assistent personali, lill-qraba u l-familja kollha u anke lilkom li għextu, ħdimtu u anke servejtu flimkien miegħu. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.
ONOR. ANDY ELLUL (Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali): Sur President, nirringrazzjak li tajtni din l-opportunità li llum niċċelebraw il-ħajja ta’ bniedem li aktar ma kien iżomm lilu nnifsu umli, illum aktar qed nitkellmu fuq il-kobor tiegħu. Jien se nitkellem mil-lenti ta’ student tal-liġi dak iż-żmien u se mmur lura għall-2005. Xtaqt insellem il-memorja ta’ Dr Karmenu Mifsud Bonnici għax inħoss obbligu lejh li bħala tifel tal-ħaddiem li ma kelli lil ħadd avukat fil-familja, tani l-opportunità li nagħmel il-prattika miegħu. Dak li ħadt mingħandu, dak li tgħallimt mingħandu, anzi dak li jgħaddilek b’mod sottili, ħassejtu li kien stepping stone b’saħħtu fil-karriera tiegħi biex illum qiegħed anke hawnhekk f’din il-Kamra.
Inħossni mċekken ħafna meta nisma’ nies bħad-Deputat Prim Ministru li ħadmu aktar viċin miegħu, il-kollega tiegħi l-Ministru Owen Bonnici li għamel ħafna aktar prattika miegħu u nies bħas-sindku ta’ Marsaxlokk li qatta’ l-aħħar disa’ snin miegħu. Mhux biss kien jgħinna bħala studenti tal-liġi mil-lat ta’ prattika imma niftakar ħafna episodji li meta kien jarana ftit preokkupati kien imur out of his way biex jgħinna. Niftakar darba kont ftit konfuż dwar x’suġġett se nagħżel għat-teżi tad-dottorat u dak iż-żmien kien għamilli appuntament mal-Ministru tal-Ġustizzja ta’ dak iż-żmien, l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici li qiegħed hawn fostna u li huwa ġentlom ieħor. Niftakar li kienet l-ewwel darba li dħalt f’Ministeru u l-ewwel darba li tkellimt ma’ Ministru. Dak iż-żmien kienet ħarġet white paper fuq il-liġi tal-mandati, li mhuwiex xi suġġett sabiħ biex tagħmlu bħala student, imma niftakar li s-sentejn ta’ wara qattajthom nieħu ras Karmenu bil-mistoqsijiet biex jgħinni nifhem din il-proċedura tal-qorti.
Però l-aktar li xtaqt naqsam magħkom illum huma erba’ kwalitajiet li rawwem fija li mbagħad ipprovajt ngħaddihom lil kull student li eventwalment kien ġie għall-prattika miegħi. Dawn il-kwalitajiet kien ifakkarhomli kważi ta’ kuljum. Kien jaqbadli jdejja qabel nitlaq u dejjem ifakkarhomli. Dawn baqgħu mnaqqxin f’moħħi. Waħda minnhom kienet l-umiltà; kien jgħidli li you always have to be nice to people. L-umiltà li kellu kulħadd tkellem fuqha. Kwalità oħra kienet li trid tkun ippreparat f’dak li tagħmel; the art of preparation meta tmur għal kawża. Kwalità oħra kienet li dak li tista’ tagħmel illum ma tħallihx għal għada. L-aħħar kwalità kienet li dak kollu li tagħmel irid ikollok bażi legali għalih. Meta tkun għadek student jew avukat fil-bidu jkollok dik it-tendenza li dejjem tistaqsi lil sieħbek jekk għamilx dik il-kawża jew l-oħra imma hu kien jgħidilna: Le, ara xi tgħidlek il-liġi. Naħseb li dawn il-prinċipji huma bażiċi, huma riċetta ta’ suċċess u għalhekk dejjem ipprovajt ngħaddihom lil ħaddieħor.
Jien ħassejt l-obbligu li naqsam magħkom din il-ftit esperjenza li nħossni privileġġat li għextha ma’ persuna li llum qegħdin nitkellmu fuq il-kobor tagħha. Dawn il-prinċipji li dak iż-żmien, mil-lenti ta’ student, kont narahom b’saħħithom ħafna tista’ ġġorrhom f’kull qasam tal-ħajja speċjalment fil-politika. X’hawn isbaħ milli fil-politika tkun umli, ippreparat biex tgħin lir-rappreżentanti tiegħek u lill-poplu u li dak li tagħmel ikun sostnut b’bażi legali? Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Paula Mifsud Bonnici.
ONOR. PAULA MIFSUD BONNICI: Sur President, wara kull wiċċ politiku għandek persuna li għandha l-karattru tagħha u għandha l-personalità tagħha. Forsi għal ħafna nies uncle Karm - għax jien dejjem uncle Karm għajjattlu - kien politiku u forsi ħafna nies ma kenux jafu l-persuna tiegħu. Forsi għax, kif smajna diversi drabi, kien bniedem riżervat ħafna.
Għalina, il-familja, ma kienx il-politiku imma kien biss persuna, u għax għandna rispett kbir lejn xulxin ma ħallejna lil ħadd u lil xejn jifridna. Għalkemm hawn min din ma jemminhiex, il-politika fil-familja tagħna kienet ineżistenti. Jien, bħala n-neputija taz-ziju Karm irrid nibqa’ niftakar liz-ziju Karm bħala dak iz-ziju li ħabb lin-neputijiet tiegħu u l-proneputijiet tiegħu daqslikieku kienu t-tfal tiegħu, li ħabb bla qies lil ħutu fosthom lil missieri u lil Dun Ġużepp li llum għadhom magħna.
Irrid nibqa’ niftakar liz-ziju tiegħi bħala dak iz-ziju li flimkien maz-zija Ċettina kien jaqbad il-Volkswagen Beetle tiegħu u jeħodna ngħumu Birżebbuġa. Irrid nibqa’ niftakar liz-ziju tiegħi bħala dak iz-ziju li biex jinkina meta mmorru għand in-nannu u n-nanna kien jistaħba qalb il-mijiet ta’ kotba, mijiet ta’ dokumenti, karti, teżijiet fosthom it-teżi ta’ missierek, Prim Ministru, għax naf li kien it-tutor tal-papà tiegħek, u wkoll teżijiet ta’ ħafna nies fosthom anke tal-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Irrid niftakar liz-ziju tiegħi bħala dak iz-ziju li meta kien Prim Ministru kien jagħti ċ-ċavetta tal-karozza tiegħu lill-pulizija li kien ikun għassa barra l-bieb tiegħu biex ma joqgħodx barra imma joqgħod fil-karozza tiegħu. Meta kien joħroġ filgħodu kien isib il-pulizija rieqed għax kien ikun għajjien ukoll u minflok iqajmu kien iħallih hemm u Uncle Karm kien jimxi sa Kastilja.
Nixtieq nibqa’ niftakar liz-ziju tiegħi bħala z-ziju li ċ-ċekk tiegħu ta’ Prim Ministru kien iqassmu lil min kien ikun bil-ġuħ u lil min verament kellu bżonn. Irrid nibqa’ niftakar liz-ziju tiegħi bħala dak iz-ziju li għax kien jemmen li għandek kawża ġusta, avolja ma jkollokx flus, kien jiftaħlek il-kawża hu a spejjeż tiegħu. Irrid nibqa’ niftakar liz-ziju tiegħi bħala dak il-bniedem li kien jagħmel minn kollox għall-ħaddiem u kien jagħmel kollox għal min hu batut.
Sur President, jien niddeskrivi liz-ziju bħala a walking encyclopedia għax kien għaref, kien espert tal-liġi tat-tassazzjoni u kien espert tal-liġi tal-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali. Kien istruwit ħafna. Jien hekk nixtieq niftakar liz-ziju tiegħi.
Nixtieq niftakru bħala dak iz-ziju li bata ħafna matul is-snin għax is-saħħa tiegħu kienet batuta. Nixtieq nirringrazzja lill-professjonisti kollha li ħadu ħsiebu mhux fl-aħħar snin imma matul is-snin kważi kollha ta’ ħajtu għaliex kien ibati minn diversi kondizzjonijiet imma qatt ma gerger. Qatt u qatt ma gerger. Anzi meta kont nistaqsih: Illum kif int? Kien jirrispondini: Mhux aħjar tgħidli kif int l-ewwel? Hekk kien iz-ziju tiegħi. Allura nixtieq nirringrazzja lill-konsulenti u lit-tobba kollha fosthom lill-Ministru Jo Etienne Abela. Diġà għidtlek kemm iz-ziju tiegħi kien jirrispettak. Kien jirrispetta lil kull wieħed u kull waħda.
Wara li f’dawn il-jiem smajna diversi nies jitkellmu fuq iz-ziju Karmenu naħseb li allura lkoll fhimna għaliex iz-ziju ma riedx funeral statali. Meta l-Prim Ministru ċempel lill-papà forsi ħadtha b’sorpriża, Sur Prim Ministru, imma aħna konna qegħdin insegwu x-xewqa li kellu z-ziju Karm. Min kien jaf liz-ziju Karm ma kellux għalfejn jieħu sorpriża li ma riedx funeral statali. Jien napprezza, Sur Prim Ministru, li fhimt. Napprezza wkoll li anke permezz tal-uffiċċju tiegħek, permezz tas-Sur Aaron Zahra, għentna biex inkunu nistgħu nagħtu tislima sabiħa fil-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni l-Ħamrun, fejn fl-aħħar mill-aħħar għex għal ħafna u ħafna snin. Uncle Karm kien Bormliż u allura ma setax jonqos żgur li wkoll inkunu qed nagħmlu ċ-ċelebrazzjoni ġewwa l-Immakulata Kunċizzjoni, l-Ħamrun, għaliex kien iħobbha.
Sur President, fl-aħħar nett nixtieq nirringrazzja lilek bħala l-Ispeaker ta’ din il-Kamra imma wkoll bħala ħabib taz-ziju tiegħi għal ħafna u ħafna snin. Naf li l-ħbiberija tagħkom tmur lura ħafna. Nixtieq ukoll nirringrazzjak talli f’dawn l-aħħar snin inti kont hemm għalih. Inti kont iżżuru ħafna u kont tixtrilu l-ħelu, għax naf, għax jien anke doughnut ħadt mingħandek. Allura nixtieq nirringrazzjak tal-kumpanija li inti żammejt liz-ziju tiegħi. Nirringrazzja lil kulħadd tal-attendenza tagħkom anke fil-funeral. Nirringrazzja lill-membri kollha ta’ din il-Kamra li attendew jew urew solidarjetà magħna.
Fl-aħħar nett nixtieq nagħmel żewġ punti żgħar. Uncle Karm fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu - nistqarr li konna kollha madwaru - nissel dawn il-kliem. Beda jiltob lill-ħallieq tiegħu biex jieħdu lejn l-isbaħ post tad-dinja u jien persważa li uncle Karm qiegħed fl-isbaħ post tad-dinja.
Sur President, issa nixtieq nippreżenta lill-Parlament, lilek bħala l-President tal-Kamra, it-teżi li għamel iz-ziju Karmenu: The law in Malta on industrial disputes. Huwa l-Parlament li jagħmel il-liġijiet u jien xtaqt li din it-teżi dwar il-liġijiet fuq ir-relazzjonijiet industrijali nkun qed nippreżentaha lilek biex mil-librerija taz-ziju Karmenu tgħaddi għal-librerija ta’ dan il-Parlament. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI (Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali): Sur President, Karmenu Mifsud Bonnici kien bniedem uniku. Jien nixtieq li Malta kollha tkun taf il-Karmenu li naf jien. Politikament jien nemmen li l-istorja għandha u għad tiġġudika aħjar l-irwol li kkonduċa fil-kwiet Karmenu Mifsud Bonnici, biex fl-appuntament veru mad-destin ta’ pajjiżna, waqt li Malta kienet qed tikber biex minn ġens issir nazzjon, tirbaħ id-demokrazija. Huwa kien l-eroj fis-skiet u kontra ħafna elementi biex isir dak li huwa sewwa. Sakemm isir dan il-ġudizzju korrett, jekk qatt isir, irrid insellem lil Dr Karmenu Mifsud Bonnici li naf jien: Forza pożittiva ta’ imħabba soċjali għall-proxmu bil-fatti u dixxiplu ferventi tat-tagħlim Soċjalista Demokratiku u l-fidi Nisranija b’mod assolut.
Kif qalu diġà sħabi, jien qattajt żmien sabiħ għal ħafna snin flimkien miegħu fil-prattika legali tiegħu ninvesti l-ħin kollu li nista’ biex nitgħallem minn dan il-bniedem intelliġentissimu, b’sense of humour inkredibbli u b’integrità li tispikka. Għadni sal-lum, kif nara Volkswagen Beetle fit-triq indur biex nara nilmaħx lil Karmenu wara l-isteering wheel. Għadni sal-lum kif nara l-bandiera tal-Unjoni Ewropea niftakar meta kont nixtri l-posters tal-bandiera blu bl-istilel sofor u nitfagħhomlu bil-moħbi bejn il-karti fil-basket tax-xogħol ħalli nimbxu u jsibhom kif jasal id-dar. Niftakar meta wara ħafna ġlied kien, darba fill, iħallini nħallaslu kafè fil-kafetterija li konna mmorru flimkien. Kif issa ġie stabbilit, kien iħobb ħafna l-ħelu, bħali. Niftakar id-daħka tiegħu bil-qalb meta kont ngħidlu: Dr Karm, jew b’xejn jew xejn.
Karmenu kien loġiku immens u jekk idaħħal xi ħaġa f’rasu ma jaqlagħhielu ħadd. Karmenu l-avukat, Karmenu l-lecturer, Karmenu t-trejdunjonista, Karmenu l-politiku, Karmenu l-attivista, Karmenu n-Nisrani, Karmenu li għall-Għawdxin kien jagħmel kollox, Karmenu l-bniedem li kien iħobb iż-żgħir u li kellu paċenzija u imħabba ġenwina u San Franġiskana u Karmenu l-istraordinarju. Nagħti l-kondoljanzi minn qalbi lill-familja Mifsud Bonnici. Qed nara lil Dr Antoine li ili ma narah, lill-Onor. Paula Mifsud Bonnici, li kien iħobbok ħafna, lill-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici u lil Stephen Grech li tant kien għamel miegħu fl-aħħar snin. Illum verament, Malta u Għawdex kollha, f’din it-tislima minn qalbna nistgħu ngħidu li ma’ Karmenu magħqudin. Grazzi ħafna. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Sur President, kollegi, kull persuna tiġi bit-talenti tagħha u bil-virtujiet li tħaddan u Karmenu Mifsud Bonnici kellu ħafna, u dawn kollha qegħedhom għas-servizz ta’ dan il-pajjiż. Kien bniedem mogħni b’intelliġenza kbira, kapaċi jifhem, u jfiehem lill-oħrajn. Kien bniedem li ta ħafna f’ħajtu lid-diversi li b’xi mod kellmuh jew talbuh l-għajnuna. Kien avukat li ħadem għan-nies mingħajr ma fittex li jitħallas anzi kien joħroġ minn butu għall-oħrajn u kien bniedem tal-liġi f’kull sens. Kull kawża kienet tkun studjata sewwa u kull klijent kien ikun mogħti l-aqwa difiża. Ftit kawżi tilef u kull avukat li kien ikun fuq in-naħa l-oħra kien jibża’ minnu jew joqgħod aktar attent.
Fl-imħabba lejn il-liġi, fl-imħabba lejn id-dritt u l-ġustizzja, kien konsultat sewwa u kien hu li kiteb il-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali tal-1976 li wara kien jgħallimna. Mhux biss, imma kien għalliem ġeneruż fl-Università. Ma żammx dak li kien jaf għalih imma għallem lil ħafna sabiex ikunu aħjar minnu. Lili wkoll, għallimni dawk il-lezzjonijiet ċari u preċiżi. Kull student kien jgħaddi u hu kien jgħin u jassigura li kull student jgħaddi. Mhux biss, imma l-onorarju tiegħu li kien jirċievi mill-Università kien jiġbru biex fl-aħħar tas-sena jeħodna nieklu fl-ikla famuża miegħu.
Kellu klijenti bil-bosta u kien deċiż li fir-relazzjonijiet tiegħu man-nies iħaddem il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali li xorob mid-duttrina soċjali tal-Knisja. Kellu klijent predilett li kien il-General Workers’ Union li naf li taha servizz twil u kostanti u ma tħallasx tiegħu. Niftakar li tant kienu jħossuhom imbarazzati li ġurnata minnhom il-General Workers’ Union kienu xtrawlu karozza. Dak iż-żmien kienu xtrawlu l-aktar riċenti, Mazda 323 kulur oranġjo, u kienu riduh jeħodha biex jibdilha minflok il-famuża Volkswagen Beetle li semma l-kollega. Karmenu ma ridhiex imma huma riedu bilfors jagħtuhielu. Ħaduhielu wara l-bieb tad-dar, ipparkjawhielu u xeħtu ċ-ċavetta fil-bieb għand Ċettina. Wara li għamlet ġimgħa hemmhekk, tittanta lin-nies li jisirquha, il-General Workers’ Union fehmu li mhux se jegħlbuh u din il-karozza spiċċat tiġi użata minn ħaddieħor.
Din l-imħabba wasslitu li jidħol fil-kamp diffiċli u kkomplikat tal-politika f’jiem meta l-vjolenza u l-korruzzjoni kienu jimxu id f’id. Ma kienx żmien faċli, imma fit-tul, speċjalment wara l-1987, u serva biex naddaf u ddritta kemm seta’ dak li sab fil-Partit Laburista. Fuq kollox, kien il-bniedem li kien it-transit biex Malta tgħaddi b’mod demokratiku, mingħajr problemi, mingħajr ġlied, mingħajr ebda diffikultà f’idejn il-Partit Nazzjonalista li kien ġie vvotat mill-poplu minn taħt il-Gvern Laburista. Kien il-bniedem li hawn ġew kien determinanti f’diversi liġijiet li saru. Niftakar lil missieri jgħidli li kien ikun hu li jikkoreġi jew jipperfezzjona ħafna liġijiet li kien ressaq il-Partit Nazzjonalista.
Kien ukoll bniedem ta’ kultura. Kien bniedem ta’ qari varji, kien jaqra sew u minn kollox. Niftakru fil-Kamra tal-Avukati jaqra r-Repubblica jum wara jum, tidħol meta tidħol, dejjem jifli kollox. Niftakarhom jirrakkontawli kemm nies għaddewlu kotba. Smajt b’każ wieħed biss li rrifjuta ktieb; meta xi ħadd offrielu l-bijografija ta’ Marilyn Monroe u deherlu li m’għandux jaqraha.
Xi ħaġa li forsi ma ssemmietx hi li Karmenu kellu wkoll l-aspett sportiv tiegħu. Kif nafu, fid-dar taz-ziju Wenzinu kien hemm tifoseria kbira għat-tim tal-Juventus imma Karmenu kien iżomm mal-Milan. Meta konna mmorru hemmhekk konna nsibu liz-ziju Jojo li kien iżomm mal-Inter, lil missieri li jżomm mar-Roma, liz-ziju Antoine u z-ziju Wenzinu li kienu jżommu mal-Juventus u kien ikun hemm diskussjoni mill-aktar interessanti.
Kienu x’kienu l-merti tiegħu, fi tmiem il-ħajja l-bniedem għandu jibqa’ mfakkar għall-merti tiegħu. Kien x’kien il-legat tiegħu, ċert li sab jistennewh liz-ziju Wenzinu u liz-zija Kitty. (Onor. Membri: Hear, hear) Bnedmin mimlija qdusija flimkien ma’ oħtu Josette, Ċettina u Mario u fuq kollox l-Immakulata Kunċizzjoni. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Prim Ministru.
ONOR. ROBERT ABELA (Prim Ministru): Sur President, Karmenu Mifsud Bonnici, il-bniedem, l-avukat, it-trejdjunjonista, il-politiku. Ippermettuli nirreferi għalih bħala Karm kif dejjem irreferejna għalih fil-Partit Laburista b’sens ta’ rispett lejh imma wkoll b’sens ta’ apprezzament lejn l-umiltà li kellu. Fuq livell personali dejjem bqajt insejjaħlu, anke sal-aħħar telefonata li kellna ftit tal-jiem ilu, bħala Dott.
Lil Karmenu hemm min jafu forsi l-aktar fir-rwol politiku tiegħu u hemm min jafu fil-qasam tal-avukatura, kif nafu aktar jien bħala avukat. Kif semma l-Onor. Mifsud Bonnici aktar kmieni, kien assidwu fix-xogħol li għamel imma kien bniedem li dejjem libes il-kappell legali b’rispett u ġab dekor lejn il-qrati tagħna. Titkellem ma’ min titkellem dwar Dr Karmenu Mifsud Bonnici, se tislet dejjem għan wieħed komuni u b’saħħtu li kien iżomm f’dak li dejjem kellu quddiemu; l-imħabba kbira li kellu lejn il-ħaddiem. Għalih il-kawża tal-ħaddiem, is-saħħa tal-ħaddiem, id-drittijiet tal-ħaddiema, ix-xewqa li kull ħaddiem, ġej min fejn ġej, jimxi ’l quddiem kienu prinċipji li mhux biss dejjem emmen fihom imma għexhom f’ħajtu. Għexhom bl-akbar konvinzjoni u bl-akbar determinazzjoni mhux biss fl-isfera politika meta kien Mexxej tal-Partit Laburista, meta kien Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż imma għexhom f’kull sfera ta’ ħajtu inkluż fil-qasam legali u dak trejdunjonistiku.
Bħala persuna kien bniedem li jagħder. Sema’ u għen lil kulħadd. Tista’ tgħid li ddedika ħajtu għall-kawżi l-oħra kollha li għadni kif tkellimt dwarhom. Bħala avukat niftakru sew. Fl-20 sena li għamilt fil-qrati ltqajt miegħu diversi drabi. Kien bniedem bravu partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-labour law. Kien espert f’dan il-qasam. Ma nafx min kellu kawżi kontrih hawnhekk imma kien avversarju formidabbli fis-sens li l-kawża tal-klijent kien jagħmilha tiegħu u jekk kien jemmen f’xi ħaġa m’intix se jirnexxilek tikkonvinċih b’mod divers. Primarjament kont tiltaqa’ kontrih fit-Tribunal Industrijali fejn kien ikun dejjem fuq in-naħa tal-ħaddiem.
Fattur konsistenti ieħor kien li ma kien iżomm flus lil ħadd, anzi bil-kontra, kien jaħdem pro bono. Ix-xogħol kollu tiegħu kien jagħmlu pro bono imma kien jgħin anke finanzjarjament lil kull min kien ikollu bżonn l-għajnuna tiegħu. Ta’ spiss konna nisimgħu li fl-uffiċċju tiegħu tal-Ħamrun kien ikun hemm queue ta’ nies; min jibbenefika mill-assistenza legali tiegħu pro bono u oħrajn jibbenefikaw għax kien idaħħal idu fil-but u mill-kappell li kellu kien isellimlu. Kien jgħin lil kulħadd.
Niftakru wkoll bħala avukat, l-ewwel fit-Tribunal Industrijali u niftakru jimmilita wkoll fi ħdan il-General Workers’ Union. Imbagħad meta saħħtu bdiet iċċedi xi ftit, mill-qrati fejn kien litigation lawyer kien jinżel fir-reġistru, u fir-reġistru tal-qorti konna niltaqgħu ta’ sikwit. Forsi inti tiftakru wkoll, Sur President, bilqiegħda madwar waħda mill-imwejjed. Baqa’ jidħol il-qorti sakemm saħħtu ppermettietlu.
L-Onor. Owen Bonnci semma l-kafejiet li kien joffrielna ta’ sikwit. Tkun għaddej mill-Belt, issellimlu u jgħidlek biex tpoġġi ħdejh biex nieħdu kafé. Hemmhekk kelli l-privileġġ, ngħid aktar milli esperjenza, u x-xorti li qsamt miegħu diversi esperjenzi kemm dawk ta’ politika, kemm dawk legali kif ukoll dawk li jkun qed jara fuq il-livell ta’ politika internazzjonali li tant kienet għal qalbu, ibda minn dak li kien jaf x’ikun qed jiġri fil-Libja li kien tant istruwit dwaru. Tista’ tgħid li kien jaf x’ikun qed jiġri madwar l-Ewropa kollha u madwar id-dinja. Id-dritt internazzjonali u l-politika internazzjonali kienu affarijiet verament għal qalbu.
Imbagħad it-trejdjunjoniżmu. Hemmhekk ma nistax nagħmel diskors aqwa milli poġġieh in-neputi tiegħu, l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici. Ta servizz għal tant snin mingħajr ħlas lill-General Workers’ Union u hemmhekk fejn kien jifhem, jisma’, jgħarbel u jiggwida lil dak li jkun mingħajr ma jkun frontline, mingħajr ma jkun il-protagonist. Qatt ma fittex il-glorja personali u naf diversi stanzi fejn il-bastiment kien idaħħlu hu fil-port imma l-mertu kien jagħtih lil ħaddieħor.
Semmejt lil Karmenu Mifsud Bonnici bħala l-avukat u bħala trejdjunjonista imma żgur li ma nistax inkun leali lejn l-istorja jekk b’xi mod nipprova nċekken ir-rwol li Karmenu Mifsud Bonnici kellu fil-politika. L-ewwel nett jien kburi ħafna li Dr Karmenu Mifsud Bonnici huwa wieħed mill-Mexxejja ta’ qabli tal-Partit Laburista. (Onor. Membri: Hear, hear) Bħala Prim Minsitru ħadem f’perjodu li ma kienx faċli għal dan il-pajjiż. Kien żmien ta’ sfidi partikolari u żgur li ma kenux sfidi li kienu ġejjin min-naħa waħda biss imma kienu sfidi li kienu ġejjin miż-żewġ naħat tal-ispettru politiku. M’għandix għalfejn nidħol jekk kenux ġejjin aktar min-naħa jew oħra f’dan il-forum u f’dan il-mument. Li huwa żgur huwa li anke l-mod li bih huwa daħal fil-Moviment Laburista kien wieħed sinifikattiv. Niftakar frażi li kienet ġiet ikkwotata bħala li qal li hu kien a nationalist by birth and a labourite by choice and conviction. Hawn naraw politiku li daħal ġewwa l-Moviment Laburista mhux b’mod naturali imma bl-għażla għaliex kien konxjament għażel li jimmilita f’dak il-moviment fejn ħass li jista’ jagħmel l-aktar bidla effettiva għad-drittijiet tal-ħaddiema. Nemmen li dak kien il-prinċipju ewlieni li daħal għalih fil-politika. Fil-politika ra għodda primarja li biha seta’ jimbotta ’l quddiem il-kawża tal-ħaddiem. Jien għalhekk inħossni kburi, onorat u privileġġat li Karmenu immilita fil-Partit Laburista.
Mexxa bejn l-1984 u l-1987 bħala Prim Ministru. Dawn kienu mumenti ta’ sfida iżda f’dawn il-mumenti partikolari kien il-bniedem li għaraf jimxi u għaraf jiggwida - kif semma tant tajjeb id-Deputat Prim Ministru qabli - lejn riformi importanti u kruċjali f’dan il-pajjiż u ta l-bidu tal-modernizzazzjoni ta’ ċerti aspetti anke fil-ħidma tal-Gvern. M’hemmx dubju li żera żerriegħa importanti kemm fil-Partit Laburista u anke fil-pajjiż li mbagħad ratna nimxu ’l quddiem għaliex daqskemm ħabb lill-ħaddiem ħabb lil pajjiżu.
Se nsemmi aspett wieħed; l-emendi importanti li saru fil-Kostituzzjoni li mbagħad ġew riflessi wkoll fil-liġi elettorali, li jitkellmu dwar il-prinċipju bażilari li min iġib il-maġġoranza tal-voti għandu jmexxi lill-pajjiż. Dawn diġà rrefera għalihom id-Deputat Prim Ministru. Forsi llum din ħafna jeħduha for granted iżda mhux dejjem kien hekk. Dawn l-emendi ma wasalx għalihom waħdu għax kien hemm ukoll min ta kontribut importanti. Fosthom insemmi lill-Perit Duminku Mintoff u lill-Eks President tar-Repubblika, il-mibkija Agatha Barbara, li wkoll kellha kontribut ewlieni biex il-pajjiż seta’ jasal għal dawk ir-riformi iżda fl-aħħar mill-aħħar kien taħt it-tmexxija tiegħu li dawn l-emendi u r-riformi kostituzzjonali immaterjalizzaw. Kienet riforma li ġabet stabilità politika u wara l-pajjiż ibbenefika għal ħafna u ħafna snin minn din l-istabilità politika li ġiet bis-saħħa ta’ dik l-emenda partikolari li kienet teħtieġ iż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Hawnhekk nixtieq nikkwota l-ewwel messaġġ tiegħu lin-nazzjon li kien ta f’Diċembru tal-1984 fejn kien esprima t-twemmin Soċjalista tiegħu iżda kien enfasizza li ried Soċjaliżmu li hu uman, Soċjaliżmu li huwa ħanin, Soċjaliżmu li huwa demokratiku. M’hemmx dubju li dik kienet il-kelma li ta lill-poplu Malti u Għawdxi u dan kien il-prinċipju li żamm kontinwament u għex tul ħajtu sal-aħħar nifs tiegħu. Nagħti mill-ġdid il-kondoljanzi sinċiera tagħna lill-familja kollha ta’ Dr Karmenu Mifsud Bonnici. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Nirringrazzjak. Jien ningħaqad ma’ dak kollu li ngħad matul din is-seduta. Jien l-ewwel darba li kelli kuntatt ma’ Dr Karmenu Mifsud Bonnici kien fl-1985 meta dakinhar kont spettur tal-pulizija imma kont trasferit għal xi perjodu biex nagħmel xi investigazzjonijiet il-Countertrade li dak iż-żmien kien imexxih l-Eks Prim Ministru Dom Mintoff. Niftakar li darba minnhom irċevejt telefonata mill-headquarters – dak iż-żmien kont duty officer għax meta tkun tal-għassa jċemplu lilek - li waqfet il-Volkswagen bajda ta’ Karmenu Mifsud Bonnici. Hu kien diġà Prim Ministru u jien kont tajt ordni biex il-karozza jeħduha l-garaxx tal-pulizija biex jaraw x’fiha u sadanittant jagħtuh trasport ieħor imma hu ried jimxi. Kellu lil xi ħadd miegħu imma kien jimxi. Il-karozza kellha affarijiet żgħar u ġiet imsewwija f’temp ta’ siegħa, sagħtejn. Xi sagħtejn wara rritornajt id-Depot mill-Countertrade, il-House of Four Winds fejn kien Mintoff , u rċevejt telefonata mingħand l-uffiċċju tal-Prim Ministru bħala duty officer. Kien hu li kellimni u qalli: Jien Karmenu Mifsud Bonnici. Għidtlu: Għidli Prim Ministru. Qalli: Issa ħu paċenzja, ara daqsxejn l-ispejjeż li saru fil-karozza tiegħi biex toħorġu kont. Jien għedtlu li affarijiet żgħar kien hemm imma hu qalli biex noħroġlu kont ħalli hu jibgħat ċekk. Għalhekk konna ħriġnielu kont u niftakar li xi sagħtejn wara ġie wieħed biċ-ċekk iffirmat personalment minn Karmenu Mifsud Bonnici u għaddejtu lill-Accounts. Dak kien Karmenu Mifsud Bonnici. Dik kienet l-ewwel darba.
Ovvjament it-tieni darba li kelli nkellmu kien fiż-żmien meta kont supretendent trasferit Għawdex fejn għamilt xi erba’ snin. Dak iż-żmien kont diġà avukat u ddeċidejt li ladarba kont qiegħed hemmhekk nagħmel xi ħaġa oħra. Niftakar li kellimtu bid-deċiżjoni tiegħi u pprova jipperswadini biex ma nitlaqx mill-Korp tal-Pulizija. Imbagħad meta rriżenjajt f’Jannar tal-1996 niftakar li ċempiltlu u għedtlu: Kif se nagħmel biex ikolli toga? Qalli: Tinkwieta xejn, ejja filgħodu, niltaqgħu l-qorti. Tani ċ-ċavetta tal-locker tal-kamra tal-avukati biex ikolli fejn inpoġġi n-noti u l-affarijiet u tani anke toga għal ftit jiem. Tani wkoll id-diary u qalli: Illum għandna xi kawżi tat-traffiku quddiem il-Maġistat Apap Bologna, mur agħmilhom inti ħalli jibdew jarawk.
Għamilt xi sitt xhur miegħu mbagħad kien staqsieni jekk nitħajjarx noħroġ għall-politika. Niftakar li kont għedtlu li kien diffiċli għaliex jekk il-mara tiegħi tgħidli le, m’iniex se noħroġ. Qalli: Imma allura hija daqshekk impossibbli l-mara tiegħek? Għedtlu li naħseb li kien impossibbli. Però mbagħad darba, wara li wasalt id-dar mill-qorti, inżilt mill-karozza u rajt Volkswagen ipparkjata ħdejn id-dar tiegħi. Mill-ewwel indunajt u għedt: Dan Karmenu. Dħalt u sibt lil Karmenu, kien ġab kaxxa Baċi, u kien qed jitkellem mal-mara. Għedtlu: Ma kontx naf li ġej hawn Karm. Qalli: Le, għax is-sitwazzjoni hija li aħna rranġajna kollox. Imbagħad dort fuq il-mara u meta staqsejtha jekk kienx kollox sew qaltli: Jekk trid tagħmel hekk, agħmel hekk, imma ħu paċenzja u lili toqgħodx iġorrni ’l hemm u ’l hawn. Dik kienet it-tieni darba li ltqajt miegħu. Ovvjament bqajna ħbieb u bqajna nirrispettaw lil xulxin. Jien nistqarr li l-ħajja tiegħi kienet ta’ twemmin xellugi u hu kien xellugi ta’ veru, principles at heart.
Niftakar inċident ieħor meta kont fil-Parlament fl-2005, fi żmien l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, u kellna t-trattat Kostituzzjonali tal-Ewropa. Niftakar li kien hemm ftehim li ma jersaqx għall-vot min-naħa tal-Prim Ministru sakemm jiġi diskuss internament fil-Partit Laburista. Jien ma kont naqbel xejn ma’ dan it-trattat għal ħafna raġunijiet u niftakar li kont għamilt rapport legali u rapport politiku. Li ma kontx naf kien li Karmenu kien għamel l-istess ħaġa u kien qed jagħmel xi xandir fuq wieħed mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni. Imbagħad kien ċempilli u qalli: Inti rajtu r-rapport tiegħi? Għedtlu: Rajtu Karm, imma fuq ċerti affarijiet ma naqbilx miegħek. Qalli: Ma jimpurtax, imma ejja ddiskutih. Niftakar mort fuq l-istazzjon tat-televiżjoni li kien jidher fuqu hu u għamilt il-preżentazzjoni tiegħi. Iddiskutejnih fil-Partit Laburista, id-deċiżjoni kienet li għandna nivvotaw favur imma jien ovvjament, kif jafu wħud li kienu preżenti, kont iddeċidejt li ma nivvotax u ovvjament ma kontx preżenti għall-votazzjoni fil-Parlament. Niftakar lil Karmenu jgħidli li fil-ħajja politika jkun hemm mumenti fejn tweġġa’ anke minħabba ċerti deċiżjonjiet li tibqa’ magħhom. Din niftakarha tajjeb ħafna. Jien nista’ ngħid li kellu moħħu ċar sal-aħħar, kif qalet l-Onor. Paula Mifsud Bonnici. Qed nara hawnhekk lil Mariella, it-tifla tal-mibki Mario, li jiġi ħuh.
Jien kif kien ikolli ċans kont immur narah il-Golden Care u l-aħħar li kellimtu kien ftit jiem qabel ma miet. Kont dejjem neħodlu xi ħaġa għax il-mara tiegħi dejjem tipprepara xi ħaġa tal-ħelu. Kien iħobb il-ħelu imma kien jaqsmu u mhux jieklu waħdu. Niftakar li dħakna flimkien. Tant kellu moħħu ċar li kont niddiskuti miegħu l-problemi ta’ barra, anke fuq il-gwerra tal-Ukrajna u r-Russja, u kien jagħtini ideat kemm huwa importanti li biex ikun hemm il-paċi jibqa’ jkun hemm id-diskussjoni miftuħa u kemm hija importanti d-diplomazija parlamentari. Tant hu hekk li meta mort imbagħad il-konferenza tal-IPU f’Marzu daħħalt emendi, wara li kont kellimt lil Karmenu, biex ikollna kuntatt kemm mad-Duma kif ukoll mar-Rada. Fil-fatt ġie hawnhekk anke d-Deputy Speaker Ukren u spjegajtlu dan kollu.
M’hemmx kliem xi ngħid ħlief li nirringrazzjah ta’ dak kollu li tgħallimt mingħandu u tal-valuri li għaddieli li jien ħaddant miegħi. Huwa verament persuna li ħabbejt u ħabbejt minn qalbi. Persuna li kulħadd għandu jħares lejh għall-valuri tiegħu. L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici semma li ma kienx jitħallas. Jien niftakar li kien hemm każ meta kienet tiġi waħda mill-Ħamrun biex ipoġġilha ċ-ċedoli tal-kera. Jien nifhem li kull meta kienet tiġi, kienet tagħtih il-karti. U darba minnhom għedtlu: Karm, il-flus fejn ikunu? Qalli: Dawk ikunu l-qorti meta npoġġihom. Imma jien ma rajtx flus għaddejjin. Meta mbagħad ftaħt l-uffiċċju l-Mosta din il-persuna ġiet għandi għax ma kenitx sabitu lil Karmenu u meta għedtilha biex tagħtina Lm70 taċ-ċedola, qaltli: Lm70 ta’ xiex? Meta għedtilha li dawn kienu tal-kera u li mbagħad mill-kera jitnaqqsu d-dritt tal-reġistru u tal-avukat, qaltli li Karmenu qatt ma ħadilha flus. Imbagħad jien għedtilha: Issa jien xi tridni nagħmel, noħroġhomlok jien ukoll?! Dak kien Karmenu Mifsud Bonnici. Jien din qed ngħidha għaliex joħroġ il-karattru kollu ta’ Karmenu Mifsud Bonnici u l-ġid li għamel ma’ kulħadd.
Xi ħaġa li rrid ngħid hija li meta kien ikun hemm xi argument jew konna niddiskutu xi ħaġa qatt ma daħħal distinzjoni bejn persuna u oħra, bejn Laburist u Nazzjonalist. Dak safejn nafu jien u hekk irrid nibqa’ niftakru.
Għalhekk jien ningħaqad magħkom ilkoll u nagħti l-kondoljanzi lilkom Paula, Antoine, Carmelo, Mariella u dawk kollha preżenti. Ovvjament qed nara wkoll lis-sindku ta’ Marsaxlokk. Nirringrazzjak ta’ kemm ħadt ħsiebu f’dawn l-aħħar snin. (Onor. Membri: hearhear) Nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex jibgħat it-traskrizzjoni ta’ din is-seduta lill-familjari ta’ Dr Karmenu Mifsud Bonnici.
Issa nipproponi minuta silenzju.
Il-Kamra qablet u l-Membri kollha preżenti qamu bil-wieqfa u osservaw minuta silenzju.
Oath of Allegiance: | 02.05.1983 |
Dissolution of Parliament: | 13.02.1987 |
Sworn in as Prime Minister and Minister of Home Affairs, Education and Communications - 22.12.1984 |
Sworn in as
Minister of Labour and Social Welfare
- 02.05.1983
Ceased: 01.09.1983 |
Sworn in as
Minister of Education
- 01.09.1983
Ceased: 01.07.1986 |
Dissolution of Parliament: 13.02.1987 |
Elected on: | 13.05.1987 |
Oath of Allegiance: | 09.07.1987 |
Dissolution of Parliament: | 20.01.1992 |
Sworn in as Leader of the Opposition - 13.05.1987 |
Dissolution of Parliament: 20.01.1992 |
Elected on: | 22.02.1992 |
Oath of Allegiance: | 04.04.1992 |
Dissolution of Parliament: | 23.09.1996 |