Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Fortunato Mizzi

Back to List

Condolences (22 Nov 1917 - 21 Jul 1997)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 104 tat-Tmien Leġislatura tat-22 ta’ Lulju 1997

KONDOLJANZI


ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Madam Speaker, il-bieraħ tħabbret il-mewt ta' l-Imħallef Fortunato Mizzi. L-Imħallef Mizzi għal ċertu żmien kien membru u anke ministru tal-Parlament u spiċċa l-karriera tiegħu bħala imħallef, jiġifieri mgħajjat għall-ogħla post fil-ġudikatura.

Ta' min ifakkar li Fortunato Mizzi kien membru ta' l-Assemblea Leġislattiva fl-interess tal-Partit Nazzjonalista bejn l-1950 u l-1951 u serva bħala ministru tal-ġustizzja bejn l-1951 u ministru ta' l-edukazzjoni bejn l-1951 u l-1952. Imbagħad fl-1957 sar maġistrat u baqa' sa l-1971 fejn kien imbagħad imlaħħaq imħallef u baqa' fis-servizz sa l-1980.

Jien lil Fortunato Mizzi ma kellix ix-xorti li nkun nafu personalment pero' bħalma nagħmlu dejjem, f'isem din in-naħa tal-Kamra, nies bħal dawn li jkunu taw parti kbira minn ħajjithom, ikunu anke forsi għamlu sagrifiċċju personali biex taw kontribut lil dan il-Parlament, dejjem għandna nfakkruhom f'din il-Kamra. Dawn kienu predeċessuri tagħna li minkejja li meta kienu attivi hawnhekk seta' kien hemm bla dubju nuqqas ta' qbil bejn iż-żewġ naħat - u forsi kienu anke differenzi kbar - xorta jibqa' l-fatt li wieħed jemmen li kull min ikun qed jagħti s-servizz tiegħu hawnhekk ikun qed jagħtih fl-aħjar interess ta' pajjiżu.

F'dan l-isfond u b'din l-intenzjoni din in-naħa ssellem il-memorja ta' ex-kollega, ex-ministru li kien qiegħed hawnhekk u anke bniedem ta' karriera li meta tispiċċa fuq il-bank ta' l-imħallfin hija xi ħaġa li m'hemmx dubju li tkun ta' prestiġju għall-individwu u anke ta' servizz għal pajjiżna.

Jien f'isem il-Gvern insellem lill-familja tiegħu u anke l-qraba tiegħu u nemmen li nies bħal dawn għandna dejjem nibqgħu niftakru fihom bħala li jkunu għamlu kontribut għas-sistema parlamentari li qed ingawdu llum.

MADAM SPEAKER (Onor. Miriam Spiteri Debono): Grazzi. L-Onor. Ċensu Galea.

ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, jien ukoll f'isem l-Oppożizzjoni ningħaqad mal-kliem li għadu kif qal il-Viċi Prim Ministru għaliex, kif qal hu, għalkemm Fortunato Mizzi għamel perijodu relattivament qasir bħala rappreżentant tal-poplu - sentejn biss - xorta waħda kien ta s-sehem tiegħu mhux biss bħala Membru ta' l-Assemblea Leġislattiva imma wkoll bħala ministru f'żewġ dikasteri differenti u mbagħad kien għadda biex jagħti s-sehem tiegħu lil pajjiżna fil-maġistratura u anke bħala imħallef.

Bħall-Onor. George Vella, jien ma nafux personalment, għax meta kien Membru hawnhekk lanqas biss kont twelidt, imma huwa naturali li għandna d-dover li nfakkru lil kull persuna li tkun tat is-sehem tagħha fil-Parlament u bħala uffiċjal pubbliku, speċjalment aħna l-politiċi li minn żmien għall-ieħor inkunu qed nirrappreżentaw lill-poplu.

Fl-okkażjoni tal-mewt ta' dan l-ex-membru parlamentari aħna wkoll min-naħa ta' l-Oppożizzjoni ningħaqdu mal-familjari ta' l-Imħallef Fortunato Mizzi biex nuru s-simpatiji tagħna fl-okkażjoni tal-mewt tiegħu.

MADAM SPEAKER: Grazzi. Jien ukoll naqsam is-sentimenti espressi miż-żewġ naħat u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari ta' l-Imħallef Fortunato Mizzi.