Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 116 tat-Tmien Leġislatura tas-6 ta’ Ottubru 1997
KONDOLJANZI
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nixtieq li qabel ma nkomplu bix-xogħol tagħna naqsam ċerti sentimenti mal-Kamra kollha billi nagħti l-kondoljanzi lill-familjari ta' xi persuni li ħallewna matul il-vaganzi tas-sajf, liema persuni ċertament jixirqilhom li jiġu mfakkra f'din il-Kamra.
Madam Speaker, matul dawn il-vaganzi kellna wkoll telfa ta' persuna magħrufa u ta' ċerta importanza. Qed nirriferi għall-Imħallef Anthony Montanaro Gauci. Dan l-Imħallef illustri - jiena nafu biss mill-bogħod għax m'iniex fil-professjoni legali - għal xi żmien kien Speaker ta' l-Assemblea Leġislattiva u fis-snin bikrin kien ħadem spalla ma' spalla ma' Lord Strickland u wara li laħaq avukat u wara li anke kkontesta l-elezzjoni ta' l-1927 u ma ġiex elett, sab ruħu membru ta' l-Assemblea Leġislattiva u eventwalment fl-1929 kien sar Speaker ta' din l-Assemblea.
Ta' min jgħid li qed nitkellmu fuq personaġġ li m'hemmx dubju li naqax niċċa għalih innifsu fl-istorja legali Maltija u dan mhux biss minħabba l-fatt li kien wieħed mill-iżgħar imħallfin li qatt ġew nominati u għamel karriera ta' iktar minn 33 sena bħala imħallef imma wkoll minħabba li fil-karriera twila u illustri tiegħu, kellu jieħu ovvjament deċiżjonijiet ebsin u li jridu bilfors jirriflettu dak li jagħmel imħallef, jiġifieri l-integrita', is-serjeta' u anke r-rispett lejn iċ-ċittadin.
Irrid infakkar ukoll lil din il-Kamra li l-Imħallef Montanaro Gauci kien għamel żmien fil-ġurnaliżmu u kien ukoll l-ewwel chairman tal-Malta Broadcasting Authority li twaqqfet fl-1963 u għal xi żmien kien qeda lill-pajjiż bħala Aġent President tar-Repubblika.
Madam Speaker, min-naħa tagħna aħna nagħtu l-kondoljanzi tagħna lil Mrs. Montanaro Gauci u lil uliedha, b'mod partikolari lil wieħed minn uliedha, Neville, li kien fil-kors miegħi u li llum huwa ginekologu magħruf.
Madam Speaker, lill-Imħallef Montanaro Gauci, minn hawnhekk insellimlu u nagħti l-kondoljanzi lill-familjari kollha tiegħu. Nirringrazzjak.
MADAM SPEAKER (Onor. Miriam Spiteri Debono): Grazzi. L-Onor. Guido de Marco.
ONOR. GUIDO de MARCO: Il-Viċi Prim Ministru semma lill-Imħallef Montanaro Gauci, li kien imħallef kif għandhom ikunu l-imħallfin - tajjeb, serju u ta' polz. Kien ukoll imħallef ta' kuraġġ li fi żmenijiet tant diffiċli ma beżax juri xi tfisser l-indipendenza tal-ġudikatura. Jiena għandi stima kbira lejn l-imħallfin, speċjalment lejn dawk l-imħallfin li fi żmenijiet diffiċli jagħrfu jżommu l-indipendenza tal-ġudikatura u s-sens kbir ta' ġustizzja.
Darba kien hemm dibattitu importanti f'ġurnal bejn tnejn min-nies li jibqgħu rinomati bħala żewġ imħallfin kbar - qed nirriferi għall-Imħallef Flores, anke hu għal xi żmien Speaker ta' din il-Kamra, u l-Imħallef Maurice Caruana Curran - dwar jekk il-ġustizzja tridx tkun skond il-liġi jew il-liġi tridx tkun skond il-ġustizzja. Jien niftakar li meta kont għadni avukat żgħir u rajt il-polemika serja li kienet għaddejja bejn dawn iż-żewġ persuni illustri tal-liġi, għidtilhom li fil-fehma tiegħi kienu qegħdin jiġġieldu ... Jien, fil-fehma tiegħi, hija l-ġustizzja li trid issir skond il-liġi imma huwa importanti wkoll li l-liġi ssir skond il-ġustizzja. Dawn huma żewġ konċetti - ġustizzja skond il-liġi u liġi skond il-ġustizzja - li l-Imħallef Montanaro Gauci għix fihom.
L-Imħallef Montanaro Gauci kien ukoll membru u anke President ta' din il-Kamra u ċertament li għamel unur kemm lill-ġudikatura u kemm lill-parlamentari. Dan il-bniedem jibqa' jissemma għal sentenza klassika fejn kien qal li ħadd m'għandu dritt jeżilja Malti minn artu. Il-fatt li dan il-bniedem kellu l-kuraġġ jgħid dan f'dawk iż-żmenijiet hekk diffiċli, ġegħelni li jkolli stima kbira lejh. Jien naħseb li l-Imħallef Montanaro Gauci għamel unur lill-ġudikatura u tibqa' ta' unur għal tant imħallfin li meta jsibu ruħhom f'pożizzjoni diffiċli jafu jħarsu lejn eżempju ta' imħallef li wera kif l-imħallfin għandhom ikunu rġiel - jew nisa, meta jkollna mħallfin nisa - billi jkunu jafu jżommu s-sens kbir ta' ġustizzja u ma jxellfux il-prinċipji fundamentali tal-liberta' u tad-dritt taċ-ċittadin.
Grazzi, Sinjura President.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Jiena wkoll naqsam is-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari tal-Imħallef Montanaro Gauci.