Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 301 tal-Ħdax-il Parlament tat-Tnejn 17 ta’ Jannar, 2011
KONDOLJANZI
ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin): Sur President, fil-vakanzi tal-Milied tħabbret il-mewt ta’ tliet ex deputati ta’ din il-Kamra, fil-31 ta’ Diċembru tħabbret il-mewt tal-ex Ministru Philip Muscat, proprju l-għada tħabbret il-mewt tal-ex deputat Mario Felice, u fit-8 ta’ Jannar tħabbret il-mewt tal-ex deputat Renato Agius Muscat. Lil dawn it-tliet deputati ħafna minna konna nafuhom sew u se nibda l-ewwel bl-ex deputat u ex Ministru Philip Muscat.
Mr Speaker, jien lil Philip Muscat ilħaqtu fl-aħħar erba’ snin li għamel f’dan il-parlament. Huwa ddedika ħajtu għall-politika, fil-fatt meta tħares lejn il-curriculum vitae tiegħu tara li fl-età ta’ 26 sena kien diġà President taż-Żgħażagħ Laburisti, dak iż-żmien il-Labour League of Youth. Però kieku kellek tagħsar il-ħajja politika ta’ Philip Muscat – kif qal ukoll l-Onor. Gavin Gulia meta tħabbret il-mewt tiegħu – bilfors li tassoċjah ma’ Ħaż-Żebbuġ, kemm bħala tabib li għal żmien twil qeda d-dmirijiet professjonali tiegħu f’dak ir-raħal, kemm bħala deputat għax dejjem irrappreżenta d-distrett ta’ Ħaż-Żebbuġ kif ukoll aktar tard bħala ministru.
Ir-record elettorali tiegħu huwa impressjonanti għax ikkontesta seba’ elezzjonijiet u kien deputat f’seba’ leġislaturi differenti mill-1962 sal-aħħar leġislatura ta’ bejn l-1992 u l-1996. Meta tgħoddhom kollha ssib li Philip Muscat għamel 34 sena membru f’dan il-parlament li minnhom 11-il sena għamilhom bħala ministru; l-ewwel bħala Ministru tal-Edukazzjoni – jien niftakru sew għax dak iż-żmien kont l-Università – imbagħad aktar tard bħala Ministru tal-Korpi Parastatali. Ħaġa li laqtitni ħafna u li jien ma kontx nafha u li sirt nafha proprju meta tħabbret il-mewt tiegħu hija li fl-età ta’ 79 sena, proprju sena qabel ma miet, daħal l-Università. Hu li fil-passat kien Ministru tal-Edukazzjoni rreġistra ruħu bħala student fl-Università sabiex jistudja proprju fuq l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-isptar.
Jien meta lħaqtu niftakru bħala bniedem kalm. Fil-fatt kont nammira kemm kien ikun kalm u seren u li minkejja li konna nkunu fuq naħat differenti ta’ din il-Kamra kien kapaċi wkoll jaqsam il-Kamra – f’sens metaforiku – biex jiġi u jifraħ lil xi ħadd li jkun għamel xi punt jew xi diskors tajjeb. Naħseb li dan huwa l-karattru ta’ Philip Muscat li baqa’ attiv anke wara li spiċċa minn dan il-parlament, fl-Assoċjazzjoni tal-ex Membri Parlamentari ta’ din il-Kamra. Jien naħseb li huwa xieraq li quddiem persuna bħal Philip Muscat, li ddedika ħafna mill-ħin tiegħu u minn ħajtu għal din il-Kamra u anke għas-servizz tan-nazzjon bħala ministru, din il-Kamra, bħalma dejjem tagħmel, tibgħat il-kondoljanzi lil martu Doris kif ukoll lit-tliet uliedu Alexander, Joseph u Marlene.
MR SPEAKER (Onor. Michael Frendo): Grazzi. L-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Sur President, l-ex deputat Philip Muscat kien baqa’ attiv sa ftit qabel miet. L-Onor. Tonio Borg semma li kien daħal l-Università. Fil-fatt dan kien attiv sal-aħħar anke mal-Għaqda tal-ex membri parlamentari min-naħa tal-Partit Laburista, fejn jekk ma kienx ewlieni, kien wieħed minn ta’ quddiem nett sabiex tiġi fformata l-Assoċjazzjoni tal-ex Membri Parlamentari. Tant kien jidħol fl-ispirtu tagħha l-ex deputat Philip Muscat, li kien jieħu pjaċir jiddibatti anke suġġetti kurrenti u jipprova jaqsam l-esperjenza ta’ sħabu fuq dak li jista’ jikkontribwixxi fil-politika tal-Partit Laburista. Imma Philip Muscat, kif qal il-Ministru Tonio Borg, kien bniedem li jitkellem b’ċerta kawtela u kien ukoll jipprova jiddjaloga anke ma’ min ma jaqbilx miegħu. Fil-fatt waħda mill-affarijiet li nnotajt fih hi dik li ma kienx aħrax għan-naħa tal-gvern. U meta rajt xi debates minn tiegħu - u int Sur President, għamilt sew li bdejt dawn il-booklets interessanti bl-ewwel speech li jkunu għamlu l-membri parlamentari li jkunu ħallewna – sibt li l-ex Ministru Philip Muscat, anke meta kien fl-oppożizzjoni, kien jagħmel diskorsi fejn attakka ċerti affarijiet sanitarji b’ċerta responsabilità mingħajr ma jipprova jattakka l-gvern tal-ġurnata.
Fil-fatt dak iż-żmien konna kolonja. Dawn huma affarijiet li wieħed irid jirrikonoxxihom għaliex juru li din il-persuna dejjem kienet tagħraf il-ġid nazzjonali. Peress li l-ex deputat Philip Muscat għamel, kif qal il-Ministru Tonio Borg, madwar 34 sena fil-parlament, tista’ tgħid li dan ra l-istorja kollha ta’ pajjiżna, minn meta Malta saret indipendenti, għal meta Malta saret Repubblika, kif ukoll Jum il-Ħelsien. Nista’ ngħid ukoll li sakemm marad baqa’ attiv bħala tabib. Jien ili nafu mill-qrib u naf li kien għadu jaħdem ta’ tabib b’mod volontarju f’Ħaż-Żebbuġ u f’postijiet oħrajn. Għaldaqstant ningħaqad mal-kondoljanzi tal-Ministru Tonio Borg u f’isem l-oppożizzjoni nagħti wkoll il-kondoljanzi lil martu u lit-tliet uliedu f’dan il-mument li qed niftakru fih. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad mal-kummenti li saru mill-Viċi Prim Ministru kif ukoll mill-Onor. Anġlu Farrugia. Il-fatt li jolqtok hu li l-ex deputat Philip Muscat kien għamel il-maiden speech tiegħu meta Malta kienet għadha kolonja. Dan juri kemm Philip Muscat kellu servizz twil f’dan il-parlament. Tant hu hekk li dan beda bħala Membru fl-Assemblea Leġislattiva. Għalhekk naħseb li huwa xieraq immens, bħala pajjiż u bħala Kamra, li nagħtu ġieħ lil min jagħti servizz lil pajjiżu b’dan il-mod. Jiena nitlob lill-iSkrivan tal-Kamra sabiex twassal il-kondoljanzi lill-familjari tal-ex deputat Philip Muscat.
Elected on: | 18.02.1962 |
Oath of Allegiance: | 26.04.1962 |
Dissolution of Parliament: | 15.02.1966 |
Elected on: | 31.03.1966 |
Oath of Allegiance: | 25.04.1966 |
Dissolution of Parliament: | 24.04.1971 |
Elected on: | 17.06.1971 |
Oath of Allegiance: | 16.08.1971 |
Dissolution of Parliament: | 13.08.1976 |
Elected on: | 25.09.1976 |
Oath of Allegiance: | 24.11.1976 |
Dissolution of Parliament: | 09.11.1981 |
Sworn in as Minister of Education - 14.10.1976 |
Dissolution of Parliament: 09.11.1981 |
Elected on: | 18.12.1981 |
Oath of Allegiance: | 15.02.1982 |
Dissolution of Parliament: | 13.02.1987 |
Sworn in as
Minister of Education
- 19.12.1981
Ceased: 01.09.1983 |
Sworn in as Minister of Parastatal and People's Investments - 02.09.1983 |
Dissolution of Parliament: 13.02.1987 |
Elected on: | 13.05.1987 |
Oath of Allegiance: | 09.07.1987 |
Dissolution of Parliament: | 20.01.1992 |
Elected on: | 16.03.1992 |
Oath of Allegiance: | 04.04.1992 |
Dissolution of Parliament: | 23.09.1996 |