Skip to main content
Parliament of Malta
Language: mt   |  Search  |  Contact Us

Language: mt   |  Search  |  Contact Us

Dr Robert Naudi

Back to List

Condolences (23 Nov 1936 - 2 Jan 2008)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 603 tas-7 ta' Jannar 2008

KONDOLJANZI

ONOR. TONIO BORG: Sur President, sfortunatament l-għada ta’ l-ewwel tas-sena tħabbret il-mewt tat-Tabib Robert Naudi. Lit-Tabib Naudi ma niftakrux fil-parlament, għax dħalt xi ħames snin wara li spiċċa hu, pero` niftakru fil-politika. In-Nazzjonalisti u forsi aktar il-Laburisti kienu jiftakruh l-aktar bħala deputat tad-distrett għax kien jieħu ħsieb il-ħteġijiet tal-kostitwenti tiegħu, mhux biss mil-lat politiku, imma minn kull lat possibbli. Kien tabib magħruf sew, partikolarment fiż-żona ta’ l-Imsida. It-Tabib Naudi kien ġie elett darbtejn fil-parlament, fl-1976 u fl-1981, dejjem mid-disa' distrett, u meta spiċċa minn deputat kien baqa’ attiv, l-aktar fil-qasam mediku, peress li dik kienet il-professjoni tiegħu, imma kien ukoll jinvolvi ruħu f'’affarijiet reliġjużi. Persuna bħat-Tabib Naudi, li ddedika mill-inqas għaxar snin f’dan il-parlament u snin itwal fil-politika, żgur li ħaqqu t-tislima tagħna. Ma mietx fuq il-kamp tal-battalja imma miet fl-eta` ta’ 71 sena, wara li ta l-kontribut tiegħu lis-soċjeta`, mhux biss mil-lat politiku imma anke lill-komunita` fejn kien joqgħod. Naf diversi nies li kienu pazjenti tiegħu u dawn jgħidulek li kien general practioner ta’ ċerta kwalita`. F’dan il-mument ta’ sobgħa għall-familja tiegħu, nitlob li jintbagħtu l-kondoljanzi lill-mara tiegħu Jane, kif ukoll liż-żewġ uliedu Tania u Marie Claire.

MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Joe Mizzi.

ONOR. JOE MIZZI: Sur President, f’isem l-oppożizzjoni ningħaqad mal-Viċi Prim Ministru. Jien ukoll dħalt f’dan il-parlament proprju fil-leġislatura ta’ wara, meta t-Tabib Naudi ma kienx għadu deputat f'dan il-parlament. Pero` minkejja li jien ma lħaqtux, kont sirt nafu qabel ma dħalt fil-politika permezz taz-ziju tal-mara tiegħi, li dak iż-żmien kienet għadha l-għarusa tiegħi. Jien kont nisma' ħafna fuqu u apparti li kien membru parlamentari, kien qalbu tajba, kien tajjeb ħafna fil-professjoni medika, u kien iħenn ħafna. Dawn l-affarijiet lili kienu laqtuni avolja dak iż-żmien ma kontx għadni involut direttament fil-politika. U llum, li għadda ħafna żmien, tajjeb li niġu f'dan il-parlament u nfakkru dawn l-affarijiet, li huma ta' ġid għall-poplu kif ukoll għalina l-membri parlamentari u nirrikonoxxu l-kontribut siewi li ta dan il-bniedem. Għalhekk, flimkien mal-Viċi Prim Ministru, ningħaqad biex nagħti l-kondoljanzi lill-mara u lit-tfal tiegħu. Jalla f’dan il-mument isibu l-kenn u l-wens li tant jeħtieġu. Grazzi.

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja wkoll tingħaqad ma’ dawn is-sentimenti hekk espressi. Jien niftakar lit-Tabib Naudi f’din il-Kamra, niftakru bħala bniedem serju li ta l-kontribut tiegħu bl-akbar serjeta` u jiddispjaċini li ma kontx hawn dakinhar tal-funeral tiegħu - meta kont inħossi fl-obbligu li nkun preżenti f'mument bħal dak - għax inzertajt kont imsiefer. Għalhekk, kif għedt diġa`, is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u nitlob lill-iSkrivan tal-Kamra sabiex iwassal il-kondoljanzi lill-familja ta’ Dr. Robert Naudi.

Electoral History

Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 25.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.12.1981
Oath of Allegiance: 15.02.1982
Dissolution of Parliament: 13.02.1987