Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 182 tat-Tieni Parlament tas-26 ta' Jannar 1970
KONDOLJANZI
ONOR DR P BORG OLIVIER (Ministru ta’ l- Edukazzjoni, Kultura u Turiżmu)): Naħseb il-Membri taż-żewġ naħat tal-Kamra jaqblu miegħi meta jien nitlob lil Mr Speaker biex iressaq il-kondoljanzi lill-familjari ta’ Dr Paris li ġie nieqes. Lil Dr Paris jien ilni nafu għal żmien twil. Kien surmast tiegħi kien District Medical Officer. Kien ukoll Ministru tal-Edukazzjoni. Il-Membri ta’ din il-Kamra jafuh mhux biss fil-qasam politiku imma wkoll jafuh għal kwalitajiet tiegħu. Huwa kien ġentlom ta’ stil antik, ġentlom perfett qed ngħid antik mhux għax qed ngħid m’hawnx min hu ġentlom, imma għax verament Dr Paris kien bniedem ta’ qalbu tajba, kien bniedem li jħobb il-pajjiż u meta jien naħseb li bniedem ikun qalbu tajba, ikun ġentlom u jkun iħobb lill-pajjiżu u raġel ta’ sentimenti reliġjużi mill-aħjar, li ma tistax tgħid aħjar minn hekk.
Jien ma rridx nieħu ż-żmien ta’din il-Kamra għax naf min hawn li rrid jagħmel xi statement warajja, imma naħseb li nkun qiegħed naqdi dmiri anzi inħoss sinċerament li għandi naqdi d-dmir u għalhekk jien nitlob, għan-nom tal-kollegi tiegħi anzi mhux għan-nom tal-kollegi tiegħi biss, imma anke tan-naħa l-oħra tal-Kamra nwasslu l-kondoljanzi tal-famija tal-mejjet - ta’ Dr Paris.
ONOR D MINTOFF (Kap tal-Oppożizzjoni) : Mr Speaker, aħna wkoll smajna illum b’dispjaċir kbir bil-mewt ta’ l-ex-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Dr Paris.
Qiegħed ngħid b’ dispjaċir kbir għax aħna lil Dr Paris dejjem sibnih avversarju leali. Veru li fil-politika ma konniex naqblu, imma Dr Paris kien bniedem ta’ natural tajjeb, qalbu tajba, kien jimxi kemm jista’ jkun tajjeb ma kulħadd u kien ukoll jirrispetta l-avversarji tiegħu, bħal ma aħna konna nirrispettaw lilu.
Aħna lil Dr Paris nafuh b’raġel ġentlom, raġel sewwa u kemm jiena u kemm sħabi nħossu dispjaċir li ħallina. Aħna wkoll irridu li ningħaqdu mal-Membri tal-Gvern u nibagħtu lill-familja tiegħu u lil qrabatu kollha, il-kondoljanzi u nuruhom id-dispjaċir tagħna. (Onor Membri: Hear hear )
Elected on: | 18.02.1962 |
Oath of Allegiance: | 26.04.1962 |
Dissolution of Parliament: | 15.02.1966 |
Sworn in as Minister of Education - 05.03.1962 |
Dissolution of Parliament: 15.02.1966 |