Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Silvio Parnis

Silvio Parnis  

Commemoration Booklet

 

TIFKIRA TAS-SUR SILVIO PARNIS

FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI

PARLAMENT TA' MALTA

 

19 ta’ Ottubru 1965 ‑ 3 ta’ Jannar 2023

 

Membru tal‑Kamra tad‑Deputati

bejn

l‑24 ta’ Ottubru 1998 u l‑20 ta’ Frar 2022

 

Silvio Parnis


Ġurament ta’ Lealtà

 


L‑Ewwel Diskors tas‑Sur Silvio Parnis fil‑Kamra tad‑Deputati

 

 

ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 12

tat‑Tlieta, 17 ta’ Novembru 1998

 

ID‑DISA’ LEĠIŻLATURA

 

RIŻOLUZZJONI DWAR ĦLASIJIET GĦAL ĦTEĠIJIET SPEĊJALI LILL‑KUNSILLI LOKALI (Kontinwazzjoni) 

 

 

ONOR. SILVIO PARNIS: Sur President, f’dan l‑ewwel diskors tiegħi se nieħu l‑opportunità biex inwiegħed li l‑ħidma tiegħi se tkun li niddefendi l‑interessi tal‑Maltin u l‑Għawdxin kollha. Jien ħdimt ħafna bħala sindku fil‑Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid. Għalija kien unur li naħdem f’dawn il‑kunsilli lokali u nwiegħed li se nibqa’ naħdem biex il‑kunsilli lokali jibqgħu jagħtu l‑kontribut li s’issa dejjem taw lis‑soċjetà Maltija. Jien ħdimt taħt iż‑żewġ amministrazzjonijiet, kemm taħt dik Nazzjonalista kif ukoll Laburista, u nemmen li fil‑kunsilli lokali m’għandux ikun hemm politika. Jien ma nixtieqx noqgħod insemmi x’għamel tajjeb jew x’għamel ħażin partit jew ieħor imma nixtieq ngħid kif dawn il‑kunsilli jistgħu jimxu ’l quddiem u b’dan il‑mod żgur li r‑rota ta’ Malta tiġġenera aktar ġid.  

Sur President, hawnhekk ġejna kkritikati li taħt Gvern Laburista l‑kunsilli lokali tnaqqsulhom il‑fondi b’Lm1.5 miljun. Meta konna nirċievu l‑fondi kulħadd kien iċempel minn kunsill għall‑ieħor biex jara kemm ħa u ma ħax. Tant ikollok aspirazzjonijiet u tant tkun tixtieq li l‑lokal tiegħek jimxi ’l quddiem li jagħtuk kemm jagħtuk qatt ma tista’ tkun kuntent. Però nemmen ‑ tajjeb li l‑Onor. Austin Gatt ikun jafha din ‑ li l‑Gvern Laburista kien għamel biċċa xogħol tajba meta billi għen lill‑kunsilli lokali fi proġetti kapitali għax kieku dawn ma kinux jaslu għalihom. Nistaqsi jien: Kienet deċiżjoni tajba li Triq Żabbar, fil‑Fgura, saret kif saret? Il‑kunsill żgur ma kellux il‑fondi biex seta’ jagħmilha din. Anke jekk nieħdu l‑proġett ta’ Buġibba, dik kienet biċċa xogħol oħra tajba u ma narax għalfejn għandna noqogħdu ngħidu li x‑xogħol sar mill‑gvern ċentrali u li l‑kunsilli tħallew barra. Jekk saru xi żbalji, ejjew niltaqgħu flimkien madwar mejda ħalli l‑affarijiet nirranġawhom imma mhux noqogħdu neqirdu.

Jien jiddispjaċini nisma’ lil min jgħid li l‑Partit Laburista qatt ma għamel konsultazzjonijiet mal‑kunsill lokali ‑ hawn qed nirriferi għal dawk ta’ Wied il‑Għajn u Marsaxlokk. Meta kont sindku tgħidx kemm kont ili nitlob biex isiru traffic lights fid‑daħla ta’ ħdejn iċ‑ċimiterju, f’Raħal Ġdid. Daqqa kienu jgħiduli li hemmhekk ġejja flyover, daqqa jgħiduli li ġejjin xi studjużi minn barra u dejjem b’xi skuża. Ara mal‑Onor. Charles Buhagiar imxejna ’l quddiem. Mhux talli hekk, talli ftit wara konna rranġajna t‑tieni roundabout ‑ ta’ ħdejn Saré ‑ u kien beħsiebna nagħmlu flyover. Nispera li issa dan ix‑xogħol jitkompla sabiex nimxu ’l quddiem, nagħmlu l‑kuraġġ lill‑kunsilli u nilqgħu l‑ilmenti minn fost in‑nies.

Sur President, jiddispjaċini jekk bir‑riforma jitneħħew il‑ħaddiema tal‑gvern mislufa lill‑kunsilli lokali. Dawn kien hemm min forsi użahom tajjeb, kien hemm min użahom ħażin u kien hemm minn qal li mhumiex tajbin.  Imma żgur li dawk iż‑żewġ ħaddiema li kull kunsill ingħata għenu ħafna biex seta’ sar ċertu xogħol li normalment biex tagħmlu trid tqabbad kuntrattur u bihom il‑kunsill kienu qed jiffrankaw il‑flus. Għalkemm ġieli kien ikun hemm xi problema ‑ għax dawn il‑ħaddiema ġieli ma kienx ikollhom l‑apparat neċessarju ‑ rajna kif nutilizzawhom billi jagħmlu xogħol li kienu attrezzati għalih.

Hawnhekk, Sur President, ta’ min wieħed isemmi l‑pjan ta’ żvilupp soċjo‑ekonomiku għan‑Nofsinhar ta’ Malta, bil‑parteċipazzjoni tal‑kunsilli lokali. Issa min jgħid li dawn l‑affarijiet mhumiex tajbin ikun qed jigdeb u jkun qed jidħaq bin‑nies. Ħalli biex nagħti eżempju nsemmi l‑faċilitajiet sportivi li għaddew mill‑gvern għal għand l‑għaqdiet. Jien mill‑bidu kienu jinteressawni l‑kunsilli lokali għax għalija kienet xi ħaġa ġdida. Kont inħossni apprendist, inħares lejn min kien aħjar minni u niltaqa’ mas‑sindki, kienu ta’ liema kulur kienu, għax dejjem emmint li l‑kunsilli qegħdin hemmhekk biex jaqdu l‑lokal u mhux biex iġibu l‑firda. Meta jkollok żewġ persuni jew tlieta ma jiftehmux ma jistax ikun li l‑mutur jimxi. Hawnhekk mhux se noqgħod insemmi kemm kien hemm kunsilli li ma ħadmux fejn iddeffset il‑politika għax ma nixtieqx nagħti riħa ta’ politika lill‑kunsilli. Waqt li nemmen li kulħadd għandu dritt joħroġ bit‑twemmin tiegħu ‑ u meta jiena ħriġt għall‑kunsill kelli t‑twemmin politiku tiegħi u kelli l‑prinċipji tiegħi ‑ b’kuxjenza l‑iktar safja nista’ ngħid li dejjem ħdimt u qatt ma ħarist lejn kulur jew ieħor.

Sur President, idea tajba kienet is‑sistema li biha nżebgħu xi flats mid‑dipartiment tal‑housing, għalkemm il‑lokal ta’ Raħal Ġdid ma bbenefikax minn din l‑iskema.  Jiena nagħmel il‑home visits bħalma jagħmel kulħadd u jiddispjaċini nara ċerti areas li lanqas temmen li jgħixu n‑nies fihom. Tajjeb li s‑Segretarju Parlamentari, kif ukoll min hu responsabbli mill‑kunsilli, iżomm din is‑sistema għax aħna konna nieħdu pjaċir biha u b’hekk il‑kunsilli jimxu ’l quddiem. B’din is‑sistema kont tara blocks ta’ flats fil‑Marsa kif ukoll fil‑Camerata l‑Belt, li bdew jieħdu xejra differenti. Il‑kunsilli ma kienx ikollhom fondi biżżejjed biex jagħmlu dan ix‑xogħol kieku ma kienx hemm l‑għajnuna tal‑gvern ċentrali, però jiena ċert li jekk il‑kunsilli jingħatawlhom fondi biżżejjed ikunu jistgħu jmexxu weħidhom.

Nafu li fl‑ewwel snin il‑gvern ċentrali ried jimbotta biex ineħħi l‑pjagi l‑kbar li kien hawn fil‑lokalitajiet kollha u biex il‑kunsilli jidħlu għall‑ħidma mingħajr problemi. Dawn il‑pjagi la ġabhom Gvern Laburista u lanqas Gvern Nazzjonalista imma ġew mal‑medda taż‑żmien u għalhekk jiddispjaċini meta nisma’ lill‑Onor. Membru tan‑naħa l‑oħra jgħid li fl‑aħħar sentejn konna waqafna. Li tgħid li hemm xi żball jista’ jkun imma jekk tgħid li konna waqafna ma tkunx qed tgħid il‑verità. Aħna rridu naraw x’se nagħmlu biex insolvu l‑problemi kbar li jiltaqgħu magħhom il‑kunsilli lokali. Pereżempju, il‑Gvern qiegħed jaħseb kif se jipprova jneħħi l‑martirju li jgħaddu minnu l‑kunsilli meta jkollhom bżonn il‑permess tal‑Awtorita’ tal‑Ippjanar? Anke familja tgħaddi minn martirju biex sempliċement tibdel gallarija.

Ikun hemm każi fejn wara li dak li jkun min jaf kemm ikun bata biex biddel il‑gallarija, għax ma jkunx jaf li ried josserva ċerti regolamenti jgħidulu li se jiġu jaqilgħuhielu. Anke sakemm joħroġ il‑permess mill‑Awtorità tal‑Ippjanar tgħidx kemm iddum tistenna biex imbagħad wara li jitlesta x‑xogħol jgħidulek li l‑fanal ried jiġi xi mkien ieħor u jkollok terġa’ tapplika mill‑ġdid. Tajjeb li dawn l‑affarijiet niddiskutuhom. Dawn huma l‑problemi li rridu naraw kif se nsolvu biex l‑kunsilli jimxu ’l quddiem. Din hija l‑irġulija li niġu nitkellmu hawnhekk biex nimxu ’l quddiem. L‑Awtorità tal‑Ippjanar se tibqa’ għaddejja kif inhi b’dik il‑burokrazija kollha?

Sur President, nieħdu l‑plots li mhumiex użati. Il‑poplu tagħna, li mhuwiex mgħallem biżżejjed fuq l‑ambjent u fuq l‑indafa, irid jieħu kważi riskju biex itella’ ħajt ta’ tliet filati jew erbgħa? Trid titlob il‑permess, ma tafx jekk l‑art hijiex tal‑Lands Department u l‑Awtorità tal‑Ippjanar daqqa tgħidlek li tista’ ttella’ tliet filati, daqqa tgħidlek erbgħa. Dawn huma affarijiet żgħar li konna nħabbtu wiċċna magħhom ta’ kuljum. In‑nies dejjem ġejjin u ma nafux x’se naqbdu ngħidulhom. Nixtieq li dawn l‑affarijiet jiġu ċċarati mal‑Awtorità tal‑Ippjanar ‑ il‑burokrazija li taqbad u tneħħi; jew fejn jitolbuk li ttella’ erba’ filati fuq plots mhux użati ‑ għax b’hekk il‑kunsilli jimxu u n‑nies tibda mbagħad tgħid li verament qed tingħata widen.

Sur President, ħadt pjaċir li l‑Onor. Austin Gatt semma’ l‑Korporazzjoni Enemalta. Illum m’għadhomx jiġu għandi biex inwaħħlilhom lampa għax fehmuha s‑sistema li jridu jmorru għand il‑kunsill lokali, imma jiena xorta rrid nuri s‑solidarjetà ma dawk li ħallejt warajja u li ħadu t‑tmun f’idejhom, speċjalment dawk tal‑lokalità tiegħi, ta’ Raħal Ġdid. Għal bozza ġieli taqla’ fwiedek. Ejja ma noqogħdux inwaħħlu fil‑ħaddiem meta nafu li m’hemmx inġenji biżżejjed biex ilaħħqu mad‑domanda kbira. Dawn huma affarijiet żgħar li ma jitolbux flus imma jitolbu widna ta’ xi ħadd li qiegħed jisma’ u li jgħinu lill‑kunsilli lokali jimxu ’l quddiem.

Waħda mill‑affarijiet li kont ili nħambaq fuqha hija l‑problema tal‑konfini, fejn ċerti toroq intefgħu f’lokalità oħra, u allura n‑nies m’għandhom l‑ebda ħeġġa li jaħdmu għal‑lokal tagħhom. F’Raħal Ġdid konna użajna ħafna mill‑ħin tagħna biex nippruvaw nerġgħu nġibu ċerti toroq lura. Kellna petizzjonijiet ta’ nies minn toroq sħaħ ‑ bħal St Francis u St Michael Street ‑ tlajna l‑qorti, tlifna l‑kawża u appellajnieha. Nixtieq li l‑gvern jintervjeni biex dawn l‑affarijiet jimxu u jimbuttaw lill‑kunsilli lokali ’l quddiem. Jien nemmen li jekk naħdmu flimkien ma tkunx problema daqshekk kbira daqskemm isibuha l‑kunsilli lokali. Sur President, jiena jiddispjaċini meta bin‑nuqqasijiet tal‑kunsilli jeħlu l‑ħaddiema u ma nħossx li għandu jiġri hekk. Jekk lill‑ħaddiem tgħinu ‑ minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill‑ħaddiema kollha li ħadmu miegħi fil‑Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ‑ jiena ċert li miegħu timxi ’l quddiem. Wieħed għandu japprezza l‑id tas‑sengħa li għandu l‑ħaddiem Malti, li minn biċċa ġebla kapaċi jagħmillek l‑isbaħ lavur. Hemm bżonn nagħtuh verament dak li jistħoqqlu lill‑ħaddiem Malti għax hu kapaċi jaħdem ħafna.

Sur President, fuq il‑fondi għal ħtiġijiet speċjali jiena ngħid dak li dejjem għidt, jiġifieri li tagħti kemm tagħti qatt mhuwa biżżejjed. Fix‑xhur li ġejjin inkunu nistgħu nqabblu l‑fondi speċjali li hemm bħalissa ma’ dawk li se jingħataw ’il quddiem u wieħed ikun jista’ jagħmel paragun u jitkellem aktar. Imma anke jekk dan ikun id‑doppju jew it‑tripplu, il‑gvern xorta waħda se jsib lil xi kunsill lokali li jgħidlu li ma tahx biżżejjed. Nittama li l‑kunsilli kollha jingħataw dak li ħaqqhom. Jiena kelli ċ‑ċans li ndur il‑lokalitajiet kollha tad‑distrett li jiena ġejt elett minnu u għalhekk se nsemmi xi problemi li għandhom ir‑residenti għax jiena nħoss li ladarba dawn huma n‑nies li eleġġewna għandna d‑dmir li niddefenduhom.

Pereżempju, ġewwa l‑Marsa, tmur fejn tmur, kulħadd jitkellem fuq il‑problema tan‑nugrufun li joħroġ mill‑power station.  Jiena naħseb li jekk l‑Onor. Austin Gatt iltaqa’ mal‑Kunsill Lokali tal‑Marsa din il‑problema diġà semmewhielu, u għandhom raġun. Imma jiena nerġa’ ngħid li nixtieq huwa li wieħed mhux biss jisma’ dawn l‑ilmenti iżda jagħmel xi ħaġa dwarhom.

Hemm flats li tant huma abbandunati li tistaqsi lilek innifsek: Dawn min joqgħod fihom? Jiena nixtieq li xi ħadd jintervjeni u jara li dawn il‑flats jiġu rranġati għax uħud minnhom għandhom il‑ġebel tal‑entratura kważi se jaqa’ u fil‑ħamrija saħansitra jintefa’ ż‑żibel.

Kelli wkoll l‑okkażjoni li ndur in‑naħa ta’ Albert Town, fejn hemm il‑Malta Shipbuilding, li hija area li ħadd qatt ma ta kas tagħha. Minn hawnhekk nixtieq nagħmel appell biex isir xi ħaġa biex jitjieb l‑ambjent tar‑residenti ta’ dawn l‑inħawi, liema residenti qatt ma ħadu xejn, għax b’hekk tista’ tinbena l‑fiduċja fil‑kunsilli lokali. Dan huwa baby li twieled ftit tas‑snin ilu u ma naħsibx li nagħmlu tajjeb jekk dan il‑baby noqtluh. Jiena naħseb li wara ħames snin, dan il‑baby telaq jimxi u issa qed nistennew li joħroġ l‑irġulija tiegħu.

Ġewwa l‑Gudja hemm area magħrufa bħala ‘‘Ta’ Xlejli’’ fejn it‑toroq jinsabu fi stat diżastruż. Jiena nifhem il‑problemi fejn jidħlu tiswijiet ta’ toroq, imma area bħal din jeħtieġ li tingħata prijorità.  Irridu verament nieħdu l‑kunsilli bis‑serjetà u nifhmu lis‑sindki u lill‑kunsilliera. Jiena ma rrid nikkritika lil ħadd imma nħoss li l‑laqgħat tal‑kunsilli għandhom isiru biex jittieħdu l‑azzjonijiet neċessarji u mhux biex ngħidu li saru.

Kelli ċ‑ċans ukoll li niltaqa’ man‑nies li joqogħdu fl‑area ta’ ħdejn l‑iskola ta’ Ħal Tarxien, liema area wkoll tinsab fi stat disatruż u meta tkun ix‑xita tara lit‑tfal tal‑iskola kollha jċafalsu fit‑tajn. Jiena nistieden lill‑Onor. Gatt jiġi miegħi ħalli mmorru naraw dawn il‑postijiet, għalkemm naħseb li l‑kunsill lokali ta’ din il‑lokalità diġà għaddewlu dawn l‑ilmenti. Ġewwa Raħal Ġdid għandek l‑area ta’ San Alwiġi li s’issa ħadd għadu ma ħa ħsiebha. Matul l‑amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ qabel konna wasalna għal ftehim mal‑eks ministru Michael Frendo, imbagħad saret l‑elezzjoni u ma sar xejn. Dan l‑aħħar ukoll konna wasalna mal‑Onor. Charles Buhagiar imma kellha ssir l‑elezzjoni ta’ malajr u reġa’ ma sar xejn. Kemm se ddum tidħak bihom in‑nies! Kemm se ddum tgħidilhom li dawn se nagħmluhom u ma nagħmluhomx! Bilfors li tintilef il‑fiduċja u għalhekk li ħafna min‑nies ma joħorġux jivvotaw għall‑kunsilli lokali. Jiena nieħu pjaċir meta nara li żdiedu l‑votanti fl‑elezzjonijiet tal‑kunsilli lokali għax ikun ifisser li mxejna ’l quddiem u jkun ifisser li l‑kunsilli kienu kapaċi jidħlu fil‑qlub tan‑nies u bnew il‑fiduċja.

F’Santa Luċija wkoll hemm ħafna flats li għandhom bżonn ta’ manutenzjoni. Ejjew nagħmlulhom ambjent pjaċevoli. Hemm Triq il‑Prinjoli u Wied Blandun, ġewwa Raħal Ġdid, li dejjem kienet ix‑xewqa tiegħi ‑ u l‑Onor. Noel Farrugia jista’ jgħidu dan ‑ li nagħmlu area li tkun mimlija bi ġmiel naturali. B’dan mhux se jgawdu biss in‑nies ta’ Raħal Ġdid imma jgawdu wkoll in‑nies tan‑naħa t’isfel ta’ Malta. U b’hekk nistgħu nibnu l‑fiduċja.

Jiena nixtieq ukoll li fil‑kunsilli lokali jidħol l‑aspett soċjali. Pereżempju, nieħu pjaċir nara l‑Kunsill Lokali taż‑Żurrieq jgħin lit‑tfal u żgħażagħ dijabetiċi fil‑bżonnjiet tagħhom. Nixtieq nara li l‑kunsilli lokali jkunu f’qagħda li jistgħu jgħinu aktar lil nies bi bżonnijiet speċjali. Jiena nemmen li lil dawn il‑persuni għandna nagħtuhom importanza iktar milli nagħtu lill‑oħrajn. Jiena nemmen ukoll li f’kull kunsill lokali għandu jkun hemm social worker li jagħti l‑għajnuna tiegħu fil‑problemi tan‑nies tal‑lokal. Għaliex il‑kunsilli m’għandhomx ikunu f’pożizzjoni li jgħinu familji li jkunu ntlaqtu minn xi traġedja bħal, pereżempju, nies li bil‑maltemp jaqgħalhom is‑saqaf? F’każijiet bħal dawn li verament ġraw ‑ għaddejt minnhom jien u ma nixtieqx li ta’ warajja jgħaddu minnhom ‑ il‑kunsill ma seta’ jagħmel xejn. Dawn huma l‑affarijiet li bihom nistgħu nibnu fiduċja fil‑kunsilli.

F’Marzu li ġej se jsiru l‑elezzjonijiet tal‑kunsilli lokali. Kien ikun ideali li dawn l‑elezzjonijiet ma jiġux kontestati f’isem il‑partiti politiċi u għalhekk fl‑intervent tiegħi llum ma qgħadtx nikkritika lill‑Gvern Nazzjonalista jew infaħħar lill‑Gvern Laburista għax xtaqt li l‑kunsilli lokali jkunu kif dejjem ħlomt li jkunu, kunsilli lokali mingħajr indħil politiku. Għandna nagħtu s‑solidarjetà lill‑kunsilliera u lis‑sindki ħalli ninkoraġġuhom aktar. Nista’ ngħid li mhijiex ħaġa ħafifa li tkun fil‑kunsilli lokali. Illum il‑ġurnata jiena minn sindku sibt ruħi hawnhekk u rajt id‑differenza. Meta tkun sindku minn filgħodu jibdew iħabbtulek il‑bieb u jċemplulek ‑ forsi għax m’aħniex fil‑gvern għax naħseb li meta tkun fil‑gvern l‑istess ħaġa jagħmlulek ‑ u nawgura  li l‑kunsilliera u s‑sindki jkollhom il‑paċenjza li jisimgħu lin‑nies għax b’hekk il‑kunsilli jistgħu jimxu ’l quddiem.

Jiena se nibqa’ naħdem u nagħti sehmi għall‑kunsilli lokali li dejjem ħabbejt. Jiena nemmen li aħna qegħdin hawnhekk għall‑ġid tal‑Maltin u l‑Għawdxin kollha u dan jirnexxi meta tiltaqa’ man‑nies li jgħidulek li hekk għandhom ikunu l‑politiċi. Meta tkun raġel u tmexxi l‑affarijiet ’il quddiem ir‑riżultati dejjem ikunu pożittivi. Grazzi.

 

 

Electoral History

Ninth Legislature (1998 - 2003)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 05.09.1998
Oath of Allegiance: 24.10.1998
Dissolution of Parliament: 10.03.2003

Electoral Districts

Tenth Legislature (2003 - 2008)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 12.04.2003
Oath of Allegiance: 24.05.2003
Dissolution of Parliament: 04.02.2008

Electoral Districts

Eleventh Legislature (2008 - 2013)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 12.03.2008
Oath of Allegiance: 10.05.2008
Dissolution of Parliament: 07.01.2013

Electoral Districts

Twelfth Legislature (2013 - 2017)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 11.03.2013
Oath of Allegiance: 06.04.2013
Dissolution of Parliament: 01.05.2017

Electoral Districts

Thirteenth Legislature (2017 - 2022)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 03.06.2017
Oath of Allegiance: 24.06.2017
Dissolution of Parliament: 20.02.2022
Positions
Parliamentary Secretary for Local Government and Communities - 09.06.2017
Ceased: 15.01.2020
Parliamentary Secretary for Active Ageing and Persons with Disability - 15.01.2020
Ceased: 23.11.2020
Dissolution of Parliament: 20.02.2022

Electoral Districts