Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Silvio Parnis

Back to List
Silvio Parnis  

Commemoration Booklet

 

TIFKIRA TAS-SUR SILVIO PARNIS

FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI

PARLAMENT TA' MALTA

 

19 ta’ Ottubru 1965 ‑ 3 ta’ Jannar 2023

 

Membru tal‑Kamra tad‑Deputati

bejn

l‑24 ta’ Ottubru 1998 u l‑20 ta’ Frar 2022

 

Silvio Parnis


Ġurament ta’ Lealtà

 


L‑Ewwel Diskors tas‑Sur Silvio Parnis fil‑Kamra tad‑Deputati

 

 

ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 12

tat‑Tlieta, 17 ta’ Novembru 1998

 

ID‑DISA’ LEĠIŻLATURA

 

RIŻOLUZZJONI DWAR ĦLASIJIET GĦAL ĦTEĠIJIET SPEĊJALI LILL‑KUNSILLI LOKALI (Kontinwazzjoni) 

 

 

ONOR. SILVIO PARNIS: Sur President, f’dan l‑ewwel diskors tiegħi se nieħu l‑opportunità biex inwiegħed li l‑ħidma tiegħi se tkun li niddefendi l‑interessi tal‑Maltin u l‑Għawdxin kollha. Jien ħdimt ħafna bħala sindku fil‑Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid. Għalija kien unur li naħdem f’dawn il‑kunsilli lokali u nwiegħed li se nibqa’ naħdem biex il‑kunsilli lokali jibqgħu jagħtu l‑kontribut li s’issa dejjem taw lis‑soċjetà Maltija. Jien ħdimt taħt iż‑żewġ amministrazzjonijiet, kemm taħt dik Nazzjonalista kif ukoll Laburista, u nemmen li fil‑kunsilli lokali m’għandux ikun hemm politika. Jien ma nixtieqx noqgħod insemmi x’għamel tajjeb jew x’għamel ħażin partit jew ieħor imma nixtieq ngħid kif dawn il‑kunsilli jistgħu jimxu ’l quddiem u b’dan il‑mod żgur li r‑rota ta’ Malta tiġġenera aktar ġid.  

Sur President, hawnhekk ġejna kkritikati li taħt Gvern Laburista l‑kunsilli lokali tnaqqsulhom il‑fondi b’Lm1.5 miljun. Meta konna nirċievu l‑fondi kulħadd kien iċempel minn kunsill għall‑ieħor biex jara kemm ħa u ma ħax. Tant ikollok aspirazzjonijiet u tant tkun tixtieq li l‑lokal tiegħek jimxi ’l quddiem li jagħtuk kemm jagħtuk qatt ma tista’ tkun kuntent. Però nemmen ‑ tajjeb li l‑Onor. Austin Gatt ikun jafha din ‑ li l‑Gvern Laburista kien għamel biċċa xogħol tajba meta billi għen lill‑kunsilli lokali fi proġetti kapitali għax kieku dawn ma kinux jaslu għalihom. Nistaqsi jien: Kienet deċiżjoni tajba li Triq Żabbar, fil‑Fgura, saret kif saret? Il‑kunsill żgur ma kellux il‑fondi biex seta’ jagħmilha din. Anke jekk nieħdu l‑proġett ta’ Buġibba, dik kienet biċċa xogħol oħra tajba u ma narax għalfejn għandna noqogħdu ngħidu li x‑xogħol sar mill‑gvern ċentrali u li l‑kunsilli tħallew barra. Jekk saru xi żbalji, ejjew niltaqgħu flimkien madwar mejda ħalli l‑affarijiet nirranġawhom imma mhux noqogħdu neqirdu.

Jien jiddispjaċini nisma’ lil min jgħid li l‑Partit Laburista qatt ma għamel konsultazzjonijiet mal‑kunsill lokali ‑ hawn qed nirriferi għal dawk ta’ Wied il‑Għajn u Marsaxlokk. Meta kont sindku tgħidx kemm kont ili nitlob biex isiru traffic lights fid‑daħla ta’ ħdejn iċ‑ċimiterju, f’Raħal Ġdid. Daqqa kienu jgħiduli li hemmhekk ġejja flyover, daqqa jgħiduli li ġejjin xi studjużi minn barra u dejjem b’xi skuża. Ara mal‑Onor. Charles Buhagiar imxejna ’l quddiem. Mhux talli hekk, talli ftit wara konna rranġajna t‑tieni roundabout ‑ ta’ ħdejn Saré ‑ u kien beħsiebna nagħmlu flyover. Nispera li issa dan ix‑xogħol jitkompla sabiex nimxu ’l quddiem, nagħmlu l‑kuraġġ lill‑kunsilli u nilqgħu l‑ilmenti minn fost in‑nies.

Sur President, jiddispjaċini jekk bir‑riforma jitneħħew il‑ħaddiema tal‑gvern mislufa lill‑kunsilli lokali. Dawn kien hemm min forsi użahom tajjeb, kien hemm min użahom ħażin u kien hemm minn qal li mhumiex tajbin.  Imma żgur li dawk iż‑żewġ ħaddiema li kull kunsill ingħata għenu ħafna biex seta’ sar ċertu xogħol li normalment biex tagħmlu trid tqabbad kuntrattur u bihom il‑kunsill kienu qed jiffrankaw il‑flus. Għalkemm ġieli kien ikun hemm xi problema ‑ għax dawn il‑ħaddiema ġieli ma kienx ikollhom l‑apparat neċessarju ‑ rajna kif nutilizzawhom billi jagħmlu xogħol li kienu attrezzati għalih.

Hawnhekk, Sur President, ta’ min wieħed isemmi l‑pjan ta’ żvilupp soċjo‑ekonomiku għan‑Nofsinhar ta’ Malta, bil‑parteċipazzjoni tal‑kunsilli lokali. Issa min jgħid li dawn l‑affarijiet mhumiex tajbin ikun qed jigdeb u jkun qed jidħaq bin‑nies. Ħalli biex nagħti eżempju nsemmi l‑faċilitajiet sportivi li għaddew mill‑gvern għal għand l‑għaqdiet. Jien mill‑bidu kienu jinteressawni l‑kunsilli lokali għax għalija kienet xi ħaġa ġdida. Kont inħossni apprendist, inħares lejn min kien aħjar minni u niltaqa’ mas‑sindki, kienu ta’ liema kulur kienu, għax dejjem emmint li l‑kunsilli qegħdin hemmhekk biex jaqdu l‑lokal u mhux biex iġibu l‑firda. Meta jkollok żewġ persuni jew tlieta ma jiftehmux ma jistax ikun li l‑mutur jimxi. Hawnhekk mhux se noqgħod insemmi kemm kien hemm kunsilli li ma ħadmux fejn iddeffset il‑politika għax ma nixtieqx nagħti riħa ta’ politika lill‑kunsilli. Waqt li nemmen li kulħadd għandu dritt joħroġ bit‑twemmin tiegħu ‑ u meta jiena ħriġt għall‑kunsill kelli t‑twemmin politiku tiegħi u kelli l‑prinċipji tiegħi ‑ b’kuxjenza l‑iktar safja nista’ ngħid li dejjem ħdimt u qatt ma ħarist lejn kulur jew ieħor.

Sur President, idea tajba kienet is‑sistema li biha nżebgħu xi flats mid‑dipartiment tal‑housing, għalkemm il‑lokal ta’ Raħal Ġdid ma bbenefikax minn din l‑iskema.  Jiena nagħmel il‑home visits bħalma jagħmel kulħadd u jiddispjaċini nara ċerti areas li lanqas temmen li jgħixu n‑nies fihom. Tajjeb li s‑Segretarju Parlamentari, kif ukoll min hu responsabbli mill‑kunsilli, iżomm din is‑sistema għax aħna konna nieħdu pjaċir biha u b’hekk il‑kunsilli jimxu ’l quddiem. B’din is‑sistema kont tara blocks ta’ flats fil‑Marsa kif ukoll fil‑Camerata l‑Belt, li bdew jieħdu xejra differenti. Il‑kunsilli ma kienx ikollhom fondi biżżejjed biex jagħmlu dan ix‑xogħol kieku ma kienx hemm l‑għajnuna tal‑gvern ċentrali, però jiena ċert li jekk il‑kunsilli jingħatawlhom fondi biżżejjed ikunu jistgħu jmexxu weħidhom.

Nafu li fl‑ewwel snin il‑gvern ċentrali ried jimbotta biex ineħħi l‑pjagi l‑kbar li kien hawn fil‑lokalitajiet kollha u biex il‑kunsilli jidħlu għall‑ħidma mingħajr problemi. Dawn il‑pjagi la ġabhom Gvern Laburista u lanqas Gvern Nazzjonalista imma ġew mal‑medda taż‑żmien u għalhekk jiddispjaċini meta nisma’ lill‑Onor. Membru tan‑naħa l‑oħra jgħid li fl‑aħħar sentejn konna waqafna. Li tgħid li hemm xi żball jista’ jkun imma jekk tgħid li konna waqafna ma tkunx qed tgħid il‑verità. Aħna rridu naraw x’se nagħmlu biex insolvu l‑problemi kbar li jiltaqgħu magħhom il‑kunsilli lokali. Pereżempju, il‑Gvern qiegħed jaħseb kif se jipprova jneħħi l‑martirju li jgħaddu minnu l‑kunsilli meta jkollhom bżonn il‑permess tal‑Awtorita’ tal‑Ippjanar? Anke familja tgħaddi minn martirju biex sempliċement tibdel gallarija.

Ikun hemm każi fejn wara li dak li jkun min jaf kemm ikun bata biex biddel il‑gallarija, għax ma jkunx jaf li ried josserva ċerti regolamenti jgħidulu li se jiġu jaqilgħuhielu. Anke sakemm joħroġ il‑permess mill‑Awtorità tal‑Ippjanar tgħidx kemm iddum tistenna biex imbagħad wara li jitlesta x‑xogħol jgħidulek li l‑fanal ried jiġi xi mkien ieħor u jkollok terġa’ tapplika mill‑ġdid. Tajjeb li dawn l‑affarijiet niddiskutuhom. Dawn huma l‑problemi li rridu naraw kif se nsolvu biex l‑kunsilli jimxu ’l quddiem. Din hija l‑irġulija li niġu nitkellmu hawnhekk biex nimxu ’l quddiem. L‑Awtorità tal‑Ippjanar se tibqa’ għaddejja kif inhi b’dik il‑burokrazija kollha?

Sur President, nieħdu l‑plots li mhumiex użati. Il‑poplu tagħna, li mhuwiex mgħallem biżżejjed fuq l‑ambjent u fuq l‑indafa, irid jieħu kważi riskju biex itella’ ħajt ta’ tliet filati jew erbgħa? Trid titlob il‑permess, ma tafx jekk l‑art hijiex tal‑Lands Department u l‑Awtorità tal‑Ippjanar daqqa tgħidlek li tista’ ttella’ tliet filati, daqqa tgħidlek erbgħa. Dawn huma affarijiet żgħar li konna nħabbtu wiċċna magħhom ta’ kuljum. In‑nies dejjem ġejjin u ma nafux x’se naqbdu ngħidulhom. Nixtieq li dawn l‑affarijiet jiġu ċċarati mal‑Awtorità tal‑Ippjanar ‑ il‑burokrazija li taqbad u tneħħi; jew fejn jitolbuk li ttella’ erba’ filati fuq plots mhux użati ‑ għax b’hekk il‑kunsilli jimxu u n‑nies tibda mbagħad tgħid li verament qed tingħata widen.

Sur President, ħadt pjaċir li l‑Onor. Austin Gatt semma’ l‑Korporazzjoni Enemalta. Illum m’għadhomx jiġu għandi biex inwaħħlilhom lampa għax fehmuha s‑sistema li jridu jmorru għand il‑kunsill lokali, imma jiena xorta rrid nuri s‑solidarjetà ma dawk li ħallejt warajja u li ħadu t‑tmun f’idejhom, speċjalment dawk tal‑lokalità tiegħi, ta’ Raħal Ġdid. Għal bozza ġieli taqla’ fwiedek. Ejja ma noqogħdux inwaħħlu fil‑ħaddiem meta nafu li m’hemmx inġenji biżżejjed biex ilaħħqu mad‑domanda kbira. Dawn huma affarijiet żgħar li ma jitolbux flus imma jitolbu widna ta’ xi ħadd li qiegħed jisma’ u li jgħinu lill‑kunsilli lokali jimxu ’l quddiem.

Waħda mill‑affarijiet li kont ili nħambaq fuqha hija l‑problema tal‑konfini, fejn ċerti toroq intefgħu f’lokalità oħra, u allura n‑nies m’għandhom l‑ebda ħeġġa li jaħdmu għal‑lokal tagħhom. F’Raħal Ġdid konna użajna ħafna mill‑ħin tagħna biex nippruvaw nerġgħu nġibu ċerti toroq lura. Kellna petizzjonijiet ta’ nies minn toroq sħaħ ‑ bħal St Francis u St Michael Street ‑ tlajna l‑qorti, tlifna l‑kawża u appellajnieha. Nixtieq li l‑gvern jintervjeni biex dawn l‑affarijiet jimxu u jimbuttaw lill‑kunsilli lokali ’l quddiem. Jien nemmen li jekk naħdmu flimkien ma tkunx problema daqshekk kbira daqskemm isibuha l‑kunsilli lokali. Sur President, jiena jiddispjaċini meta bin‑nuqqasijiet tal‑kunsilli jeħlu l‑ħaddiema u ma nħossx li għandu jiġri hekk. Jekk lill‑ħaddiem tgħinu ‑ minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill‑ħaddiema kollha li ħadmu miegħi fil‑Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ‑ jiena ċert li miegħu timxi ’l quddiem. Wieħed għandu japprezza l‑id tas‑sengħa li għandu l‑ħaddiem Malti, li minn biċċa ġebla kapaċi jagħmillek l‑isbaħ lavur. Hemm bżonn nagħtuh verament dak li jistħoqqlu lill‑ħaddiem Malti għax hu kapaċi jaħdem ħafna.

Sur President, fuq il‑fondi għal ħtiġijiet speċjali jiena ngħid dak li dejjem għidt, jiġifieri li tagħti kemm tagħti qatt mhuwa biżżejjed. Fix‑xhur li ġejjin inkunu nistgħu nqabblu l‑fondi speċjali li hemm bħalissa ma’ dawk li se jingħataw ’il quddiem u wieħed ikun jista’ jagħmel paragun u jitkellem aktar. Imma anke jekk dan ikun id‑doppju jew it‑tripplu, il‑gvern xorta waħda se jsib lil xi kunsill lokali li jgħidlu li ma tahx biżżejjed. Nittama li l‑kunsilli kollha jingħataw dak li ħaqqhom. Jiena kelli ċ‑ċans li ndur il‑lokalitajiet kollha tad‑distrett li jiena ġejt elett minnu u għalhekk se nsemmi xi problemi li għandhom ir‑residenti għax jiena nħoss li ladarba dawn huma n‑nies li eleġġewna għandna d‑dmir li niddefenduhom.

Pereżempju, ġewwa l‑Marsa, tmur fejn tmur, kulħadd jitkellem fuq il‑problema tan‑nugrufun li joħroġ mill‑power station.  Jiena naħseb li jekk l‑Onor. Austin Gatt iltaqa’ mal‑Kunsill Lokali tal‑Marsa din il‑problema diġà semmewhielu, u għandhom raġun. Imma jiena nerġa’ ngħid li nixtieq huwa li wieħed mhux biss jisma’ dawn l‑ilmenti iżda jagħmel xi ħaġa dwarhom.

Hemm flats li tant huma abbandunati li tistaqsi lilek innifsek: Dawn min joqgħod fihom? Jiena nixtieq li xi ħadd jintervjeni u jara li dawn il‑flats jiġu rranġati għax uħud minnhom għandhom il‑ġebel tal‑entratura kważi se jaqa’ u fil‑ħamrija saħansitra jintefa’ ż‑żibel.

Kelli wkoll l‑okkażjoni li ndur in‑naħa ta’ Albert Town, fejn hemm il‑Malta Shipbuilding, li hija area li ħadd qatt ma ta kas tagħha. Minn hawnhekk nixtieq nagħmel appell biex isir xi ħaġa biex jitjieb l‑ambjent tar‑residenti ta’ dawn l‑inħawi, liema residenti qatt ma ħadu xejn, għax b’hekk tista’ tinbena l‑fiduċja fil‑kunsilli lokali. Dan huwa baby li twieled ftit tas‑snin ilu u ma naħsibx li nagħmlu tajjeb jekk dan il‑baby noqtluh. Jiena naħseb li wara ħames snin, dan il‑baby telaq jimxi u issa qed nistennew li joħroġ l‑irġulija tiegħu.

Ġewwa l‑Gudja hemm area magħrufa bħala ‘‘Ta’ Xlejli’’ fejn it‑toroq jinsabu fi stat diżastruż. Jiena nifhem il‑problemi fejn jidħlu tiswijiet ta’ toroq, imma area bħal din jeħtieġ li tingħata prijorità.  Irridu verament nieħdu l‑kunsilli bis‑serjetà u nifhmu lis‑sindki u lill‑kunsilliera. Jiena ma rrid nikkritika lil ħadd imma nħoss li l‑laqgħat tal‑kunsilli għandhom isiru biex jittieħdu l‑azzjonijiet neċessarji u mhux biex ngħidu li saru.

Kelli ċ‑ċans ukoll li niltaqa’ man‑nies li joqogħdu fl‑area ta’ ħdejn l‑iskola ta’ Ħal Tarxien, liema area wkoll tinsab fi stat disatruż u meta tkun ix‑xita tara lit‑tfal tal‑iskola kollha jċafalsu fit‑tajn. Jiena nistieden lill‑Onor. Gatt jiġi miegħi ħalli mmorru naraw dawn il‑postijiet, għalkemm naħseb li l‑kunsill lokali ta’ din il‑lokalità diġà għaddewlu dawn l‑ilmenti. Ġewwa Raħal Ġdid għandek l‑area ta’ San Alwiġi li s’issa ħadd għadu ma ħa ħsiebha. Matul l‑amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ qabel konna wasalna għal ftehim mal‑eks ministru Michael Frendo, imbagħad saret l‑elezzjoni u ma sar xejn. Dan l‑aħħar ukoll konna wasalna mal‑Onor. Charles Buhagiar imma kellha ssir l‑elezzjoni ta’ malajr u reġa’ ma sar xejn. Kemm se ddum tidħak bihom in‑nies! Kemm se ddum tgħidilhom li dawn se nagħmluhom u ma nagħmluhomx! Bilfors li tintilef il‑fiduċja u għalhekk li ħafna min‑nies ma joħorġux jivvotaw għall‑kunsilli lokali. Jiena nieħu pjaċir meta nara li żdiedu l‑votanti fl‑elezzjonijiet tal‑kunsilli lokali għax ikun ifisser li mxejna ’l quddiem u jkun ifisser li l‑kunsilli kienu kapaċi jidħlu fil‑qlub tan‑nies u bnew il‑fiduċja.

F’Santa Luċija wkoll hemm ħafna flats li għandhom bżonn ta’ manutenzjoni. Ejjew nagħmlulhom ambjent pjaċevoli. Hemm Triq il‑Prinjoli u Wied Blandun, ġewwa Raħal Ġdid, li dejjem kienet ix‑xewqa tiegħi ‑ u l‑Onor. Noel Farrugia jista’ jgħidu dan ‑ li nagħmlu area li tkun mimlija bi ġmiel naturali. B’dan mhux se jgawdu biss in‑nies ta’ Raħal Ġdid imma jgawdu wkoll in‑nies tan‑naħa t’isfel ta’ Malta. U b’hekk nistgħu nibnu l‑fiduċja.

Jiena nixtieq ukoll li fil‑kunsilli lokali jidħol l‑aspett soċjali. Pereżempju, nieħu pjaċir nara l‑Kunsill Lokali taż‑Żurrieq jgħin lit‑tfal u żgħażagħ dijabetiċi fil‑bżonnjiet tagħhom. Nixtieq nara li l‑kunsilli lokali jkunu f’qagħda li jistgħu jgħinu aktar lil nies bi bżonnijiet speċjali. Jiena nemmen li lil dawn il‑persuni għandna nagħtuhom importanza iktar milli nagħtu lill‑oħrajn. Jiena nemmen ukoll li f’kull kunsill lokali għandu jkun hemm social worker li jagħti l‑għajnuna tiegħu fil‑problemi tan‑nies tal‑lokal. Għaliex il‑kunsilli m’għandhomx ikunu f’pożizzjoni li jgħinu familji li jkunu ntlaqtu minn xi traġedja bħal, pereżempju, nies li bil‑maltemp jaqgħalhom is‑saqaf? F’każijiet bħal dawn li verament ġraw ‑ għaddejt minnhom jien u ma nixtieqx li ta’ warajja jgħaddu minnhom ‑ il‑kunsill ma seta’ jagħmel xejn. Dawn huma l‑affarijiet li bihom nistgħu nibnu fiduċja fil‑kunsilli.

F’Marzu li ġej se jsiru l‑elezzjonijiet tal‑kunsilli lokali. Kien ikun ideali li dawn l‑elezzjonijiet ma jiġux kontestati f’isem il‑partiti politiċi u għalhekk fl‑intervent tiegħi llum ma qgħadtx nikkritika lill‑Gvern Nazzjonalista jew infaħħar lill‑Gvern Laburista għax xtaqt li l‑kunsilli lokali jkunu kif dejjem ħlomt li jkunu, kunsilli lokali mingħajr indħil politiku. Għandna nagħtu s‑solidarjetà lill‑kunsilliera u lis‑sindki ħalli ninkoraġġuhom aktar. Nista’ ngħid li mhijiex ħaġa ħafifa li tkun fil‑kunsilli lokali. Illum il‑ġurnata jiena minn sindku sibt ruħi hawnhekk u rajt id‑differenza. Meta tkun sindku minn filgħodu jibdew iħabbtulek il‑bieb u jċemplulek ‑ forsi għax m’aħniex fil‑gvern għax naħseb li meta tkun fil‑gvern l‑istess ħaġa jagħmlulek ‑ u nawgura  li l‑kunsilliera u s‑sindki jkollhom il‑paċenjza li jisimgħu lin‑nies għax b’hekk il‑kunsilli jistgħu jimxu ’l quddiem.

Jiena se nibqa’ naħdem u nagħti sehmi għall‑kunsilli lokali li dejjem ħabbejt. Jiena nemmen li aħna qegħdin hawnhekk għall‑ġid tal‑Maltin u l‑Għawdxin kollha u dan jirnexxi meta tiltaqa’ man‑nies li jgħidulek li hekk għandhom ikunu l‑politiċi. Meta tkun raġel u tmexxi l‑affarijiet ’il quddiem ir‑riżultati dejjem ikunu pożittivi. Grazzi.

 

 

Condolences (19 Oct 1965 - 3 Jan 2023)

Estratt mis-Seduta 72 tal-Erbatax-il Parlament tat-Tnejn 9 ta' Jannar 2023


KONDOLJANZI

ONOR. ROBERT ABELA (Prim Ministru): Sur President, jien ukoll f’isem din in-naħa tal-Kamra nestendi s-sogħba tagħna għat-telfa tal-mamà tal-Onor. Bernard Grech. Mhux mument faċli li titlef iż-żewġ ġenituri tiegħek f’medda ta’ erba’ xhur u għalhekk nibgħat il-kondoljanzi sinċiera tagħna lill-familja Grech kollha.

Hija sfortuna li f’dawn l-aħħar ġimgħat kellna diversi seduti li fihom tajna l-kondoljanzi wara t-telfa ta’ numru ta’ persuni. Illum qed infakkru l-memorja ta’ Silvio Parnis. Dwar Silvio nista’ ngħid dak li huwa pubblikament magħruf, kemm iddedika ħajtu biex jagħmel il-ġid lil ħaddieħor. Il-karattru altruwista tiegħu wasslu biex dejjem kien disponibbli għal kulħadd, ma ngħidx biss f’kull ħin tal-ġurnata imma anke matul il-lejl.

Ftit jiem ilu kelli l-okkażjoni li nara clip ħelwa ta’ meta Silvio kien intervistat fuq it-televiżjoni u rrakkonta episodju ħelu ta’ meta f’nofs ta’ lejl ċemplitlu mara li waqgħet u talbitu biex imur jgħinha tqum. Bil-mod inimitabbli tiegħu għamel dan ir-rakkont ta’ kif mar għand din il-mara, ma kellux iċ-ċavetta biex jidħol u għaddithielu mil-letter box, imbagħad daħal ġewwa u minħabba l-piż tagħha ma setax jerfagħha u fl-aħħar, wara li rnexxielu jerfagħha, qaltlu grazzi għax kieku ma marx hu kien ikollha tqajjem lit-tifel tagħha li l-għada kellu jmur għax-xogħol! Dak huwa Silvio Parnis kif nafuh aħna lkoll.

Insemmi l-filantropija li kien jagħmel. Insemmi l-awareness li qajjem bil-programmi televiżivi tiegħu favur il-batut u l-fqir u kemm kellu fidi soda li konna narawha partikolarment meta l-mard beda jagħfas fuqu. Però lil hinn minn din il-karatterisitka unika li kellu Silvio ta’ politika qrib in-nies u viċin in-nies, li kollha kemm aħna f’din il-Kamra nagħmlu tajjeb li nibqgħu nżommuha f’moħħna u nimitawha billi nżommu lin-nies fil-qalba tal-ħidma tagħna, nixtieq nitkellem ukoll dwar dak li Silvio kien jemmen fih fuq livell politiku.

Ilni naf lil Silvio s-snin, qabel l-2017 meta ġejt elett għall-ewwel darba f’din il-Kamra. L-ewwel esperjenzi verament qrib tiegħu kienu fl-2008 meta dakinhar kien hemm tibdiliet fi ħdan il-Partit Laburista. Silvio kien jesprimi l-fehma tiegħu u ma kien jiddejjaq xejn jesprimi dak li kien jemmen fih. Kien jagħmel dan b’mod kawt u b’mod li jirrispetta lil ħaddieħor, iżda kellu fehma li kienet tabilħaqq waħda soda. Niftakar ukoll episodju f’dan il-Parlament ftit xhur qabel l-elezzjoni tal-2017, fejn Silvio reġa’ wera li minkejja l-karattru kwiet tiegħu u l-umiltà li kien kontinwament juri, meta kellu fehma fuq suġġetti partikolari ma kienx jiddejjaq jesprimiha. Dakinhar f’Aġġornament li kien għamel f’din il-Kamra ma ddejjaq xejn jesprimi l-fehma tiegħu għax emmen li dak il-messaġġ li kien qed jgħaddi kellu mis-sewwa. Kien qal ukoll li kien jaf li seta’ jħallas prezz politiku, imma kien iddikjara li dak il-prezz kien lest li jħallsu biex jesprimi dak li kien jemmen fih.

Imbagħad, fl-2019, meta kien reġa’ wasal il-mument għal bidliet oħra fil-Partit Laburista, niftakar li mingħand Silvio tgħallimt valur ieħor daqstant importanti. Silvio dejjem kien jgħidli taqtax qalbek, aħdem man-nies, imbagħad ħalli f’idejhom. Dak il-valur li tgħallimt mingħandu, li ma tridx taqta’ qalbek anke f’ċirkostanzi diffiċli, nistqarr li kien wieħed li bqajt inġorru u narah fih sal-aħħar mumenti. Nista’ ngħid li sa ftit tal-jiem ilu, minkejja d-diffikultajiet kbar meta l-mard beda jagħfsu, Silvio baqa’ dejjem pożittiv. F’kull messaġġ li kien jibgħatli u f’kull konverżazzjoni li kien ikollna dejjem ħareġ kemm baqa’ jemmen u kemm kien pożittiv li seta’ jegħleb l-aktar ċirkostanzi diffiċli.

Karatteristika daqstant ieħor ewlenija fih hija l-lealtà assoluta tiegħu. Din esperjenzajtha fil-kampanja elettorali li għaddiet fejn, minkejja li kellu diżappunt fuq livell personali, meta ġejna għall-kampanja elettorali xammar il-kmiem, ħadem qatigħ fid-distretti li qabel kien jikkontesta, iffoka fuq dawk il-persuni li kien għad kellhom dubju jekk joħorġux jivvotaw jew le minħabba xettiċiżmu li kellhom u ta kontribut b’saħħtu għar-riżultat sabiħ li ġab il-Partit Laburista f’Marzu li għadda.

Niftakar, u għad għandi l-messaġi kollha tiegħu, li fl-aħħar tal-kampanja elettorali kien ta’ kuljum jibgħat jgħidli kemm irnexxielu jikkonvinċi aktar nies li kienu dubjużi jekk jivvotawx jew le li jibdlu fehemthom u joħorġu jivvotaw. Kien wegħedni wkoll li l-każijiet tagħhom kien se jibqa’ jsegwihom personalment hu, anke wara li tgħaddi l-elezzjoni ġenerali. Dak li kien verament jolqotni waqt dik il-kampanja kien li kien jgħidli kważi kuljum kemm qed jitlob għalija, għalkemm kont naf li t-talb kellu bżonnu hu wkoll. (Onor. Membri: Hear, hear)

Kull meta kont nerġa’ nistaqsih, anke wara li għadda dak il-perjodu, dwar kif kien, bl-istess mod pożittiv dejjem kien jgħidli li qed jaqleb għall-aħjar u dejjem kien ottimist li seta’ jvinċi l-mard. Niftakar darba - żgur ma ninsieha qatt - kien ġie ħdejja meta kien ċar li l-mard kien qed ikiddu sew, imma kellu inkwiet wieħed li kien qed ikiddu aktar mit-tbatija li kien għaddej minnha. Kien tkellem dwar dan l-inkwiet miegħi waħdu. L-ewwel inkwiet tiegħu kien li ma kellux saħħa biex jaħdem u li ma setax isuq minħabba l-kura li kien qed jieħu. Iżda l-ikbar biċċa inkwiet li kellu kienet x’se jiġri minn Dorianne u minn Jacob jekk il-marda tegħlbu. Niftakar li dakinhar kont għedtlu biex jiffoka fuq il-kura tiegħu u fuq saħħtu u l-bqija huwa responsabilità tiegħi. Dik il-kelma li tajtu dakinhar sal-lum żammejtha u se nibqa’ nżommha mal-għeżież tiegħu. (Onor. Membri: Hear,hear)

L-ISPEAKER: Ippermettili, Prim Ministru. Jekk jogħġobkom, il-persuni li qegħdin fl-Istrangers Gallery ma tistgħux iċapċpu. Tista’ tkompli, Prim Ministru.

ONOR. ROBERT ABELA: Sur President, f’isem din il-Kamra nagħti l-kondoljanzi sinċiera tagħna lil Dorianne, lil Jacob, lill-mamà ta’ Silvio, kif ukoll lill-familja kollha tiegħu. Nirringrazzjak.

L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Grazzi. L-Onor. Robert Cutajar.

ONOR. ROBERT CUTAJAR: Sur President, nibda biex f’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni, li fuq raġunijiet li tkellimna aktar qabel dwarhom, mhux preżenti magħna llejla, u f’isem l-Oppożizzjoni nestendi l-kondoljanzi lill-familjari kollha preżenti ta’ Silvio Parnis.

Matul dawn l-aħħar ġranet ħafna tkellmu dwar is-sehem ta’ Silvio fil-qasam soċjali, però jien, bħala Membru ta’ din il-Kamra, kelli l-opportunità li naħdem fil-viċin ma’ Silvio fuq settur li kien daqstant għal qalbu. Qed nirreferi għall-kunsilli lokali. Silvio Parnis beda l-mixja politika tiegħu b’tant kburija mill-kunsilli lokali bħala sindku ta’ Raħal Ġdid.

Ma niddejjaqx niġi hawnhekk f’din l-okkażjoni u ngħid li Silvio kien il-politiku ideali biex tpoġġi bilqiegħda miegħu, jisma’ l-proposti - qed nagħmel referenza għall-proċess li kien għaddej fir-riforma tal-kunsilli lokali - u aktar milli jisimgħek u nieqfu hemmhekk, kien jipprova jifhem x’kienet qed tgħid dakinhar l-Oppożizzjoni. Hawnhekk hawn nies li kienu jkunu madwar dik il-mejda tad-diskussjoni, fosthom l-Onor. Jonathan Attard li kien ikun preżenti għal kull laqgħa li konna nagħmlu. Dan huwa s-sodisfazzjon. Ma niddejjaqx li llum niġi hawnhekk u f’isem l-Oppożizzjoni ngħid li dakinhar imxejna ’l quddiem grazzi għall-fatt li Silvio fehem, sema’ u attwa wkoll il-proposti li konna qed nagħmlu. Jien nixtieq nagħmel appell. Kif qal il-Prim Ministru, dan l-aħħar donnu ma nistgħux nieqfu minn ċerimonji bħal din tal-lum, fejn niġu hawn u nsellmu l-memorja ta’ Eks Membri ta’ din il-Kamra. Tajjeb li nagħmlu dawn l-okkażjonijiet, imma tajjeb ukoll li nieħdu t-tajjeb tal-politiku li jkun ħalla l-impronta tiegħu u nattwawh.

Fil-proċess ta’ konsultazzjoni daqshekk importanti bħalma hija r-riforma tal-kunsilli lokali, Silvio ma kienx jgħid: Din il-proposta ġiet mill-Oppożizzjoni, mela narmuha u nagħtux kasha. Nixtieq sinċerament li f’din il-Kamra nibdew minn xi mkien u nneħħu din il-menalità u l-kultura li tagħna kollox tajjeb u tagħhom kollox ħażin jew viċi versa. Ejja nuru ċerta maturità. Ma niddejjaqx ngħid li Silvio, f’dik id-diskussjoni, wera maturità u għalhekk, f’isem l-Oppożizzjoni, irrid insellem ġenwinament lil Silvio għall-fatt li dakinhar flimkien irnexxielna mmexxu ’l quddiem il-konċett tal-kunsilli lokali.

Silvio ħbatt miegħu wkoll f’diversi okkażjonijiet oħra u allura komdu nitkellem dwaru. Kif qal l-Arċipriet fl-omelija tal-funeral, Silvio trabba man-nanna tiegħu u għal numru ta’ snin għex fi Guardamangia. Ironikament, kien joqgħod bieb ma’ bieb mal-familja tal-mara tiegħi u allura hu kien jaf il-mara tiegħi u l-familja tagħha qabel ma kont nafhom jien. Ngħid ukoll li esperjenzajt l-imħabba li Silvio kellu għat-tim tal-Hibernians. F’diversi okkażjonijiet meta l-Hibernians kienu jilagħbu barra minn xtutna f’kompetizzjonijiet Ewropej – dak iż-żmien jien kont inkopri l-midja sportiva ta’ NET Television - Silvio kien ikun dak il-karattru ferrieħi mal-players u d-diriġenti tal-Hibernians. Hemmhekk kienet toħroġ kwalità partikolari oħra ta’ Silvio, dik li kien kapaċi joħloq atmosfera ferriħija.

Kelli opportunità wkoll li nsiefer ma’ Silvio f’diversi okkażjonijiet fuq xogħol. Naħseb li s-safar li jkollna d-Deputati taż-żewġ naħat tal-Kamra jgħinna nsiru nafu ftit aktar lil xulxin. F’safra minnhom konna għamilna madwar 19-il ġurnata flimkien, u hemmhekk stajt nara lil Silvio bħala missier u raġel tal-familja li kien iħobb u jirrispetta lil martu li qiegħda preżenti magħna u nsellmilha minn hawnhek. Fil-fatt, jumejn qabel ma ħalla din id-dinja, kelli l-possibilità li mmur insellimlu l-isptar u hemmhekk qsamt żewġ esperjenzi mal-mara tiegħu, li nixtieq naqsamhom ukoll ma’ din il-Kamra.

Filwaqt li kollha jiddispjaċina li Silvio m’għadux magħna, żgur li apparti l-ġid li għamel, il-memorji ħelwin li għandna tiegħu se jibqgħu magħna. F’okkażjoni minnhom kont ma’ Silvio f’post ’il bogħod mhux ħażin minn pajjiżna, fejn it-temperatura kienet niżlet -4°C, -5C° u anke aktar. Ovvjament kif jiġri f’ħafna konferenzi, qabel tidħol fis-sala ewlenija tħalli l-kowt mal-persuna responsabbli fil-cloakroom. Ġara li meta spiċċat il-konferenza - din kienet l-ewwel ġurnata minn madwar sebat ijiem – u ħriġna biex immorru lura, Silvio mar bil-biljett biex jagħtuh il-kowt lura, imma dan l-imbierek kowt ma sabuhx. Tista’ timmaġina f’post b’dik il-kesħa tremenda, kemm beda jinkwieta u bdejna nduru biex naraw min seta’ kien li ħa dan il-kowt, biex Silvio jwassal il-messaġġ li dak il-kowt huwa tiegħu u ħaduhulu bi żball. Spiċċajna biex l-għada filgħodu Silvio, f’kesħa tremenda, kien bil-ġlekk biss mingħajr il-kowt u kellu jmur ifittex biex jixtri kowt ieħor. Domna nduru ftit mhux ħażin infittxu ħanut minn fejn seta’ jixtri kowt biex itaffi l-kesħa li kien hemm. Allura kull meta Silvio kien jidħol minn dak il-bieb ta’ din il-Kamra u jkun liebes dan il-kowt, li kien baqa’ għal qalbu, kont ngħidlu li dak il-kowt għandu storja ħelwa.

Fl-aħħar nixtieq infakkar lil Silvio bħala l-missier u l-persuna tal-familja. F’okkażjoni oħra kelli esperjenza ħelwa meta, wara numru ta’ ġranet ta’ xogħol barra minn pajjiżna, ftit sigħat qabel kellna nitilqu lejn l-ajruport, Silvio kien qalli: Ilna dawn il-ġranet hawnhekk, mhux tajjeb immorru nixtru xi ħaġa lin-nisa tagħna? Niftakar li, u din semmithieli wkoll il-mara tiegħu l-isptar ftit tal-ġranet ilu, Silvio u jien bdejna nieħdu ritratti lil xulxin biex jibgħathom lill-mara tiegħu, ħalli naraw jekk basket li kien tefa’ għajnejh fuqu kienx jogħġob jew le lill-mara. Fil-fatt kien spiċċa biex niżżel dan il-basket għall-mara tiegħu. Hemmhekk tara wkoll li minkejja li konna impenjati fuq xogħol, ma nesiex il-familja.

Nagħlaq bil-punt li semmejt fil-bidu: jalla nimxu fuq it-tajjeb u l-eżempji tajbin li tana Silvio. Huwa importanti li prinċipalment f’din il-Kamra, nuru maturità u rispett lejn xulxin meta npoġġu bilqiegħda biex nikkonsultaw fuq issues diversi. Silvio kien persuna ideali biex tpoġġi bilqiegħda miegħu, jisimgħek u nimxu ’l qudiem fl-ineress ta’ pajjiżna. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

ONOR. JULIA FARRUGIA PORTELLI (Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur): Sur President, meta tiġi nieqes kulħadd jgħid kemm kont bniedem sew, inkluż dawk li fil-midja soċjali jipprovaw ibiċċruk. Lil Silvio n-nies ħabbitu. Tfittex kemm tfittex, f’24 sena karriera fil-politika, ma ssibx nitfa ħmieġ dwaru. L-unika burraxka li kien issemma fiha kienet l-imbierka roly poly. Ngħid dan bi tbissima, għax meta nqalgħet din l-istorja u fil-midja soċjali kien hemm min ġibidlu saqajh fuqha, hu stess kien qalli: Din ir-roly poly x’biċċa inkwiet qalgħetli!

Silvio kien il-bniedem li l-anzjani għalih ġenwinament kienu l-mimmi ta’ għajnejh. Dawk li jafuh mill-qrib, inkluż il-ħaddiema li ħadmu miegħu għal 24 sena sħaħ, jafu li wieħed mill-fatturi li kienu jkidduh ħafna kien li meta wieħed jispiċċa fi stat avvanzat f’ħajtu u jidħol għall-fażi tal-anzjanità, jispiċċa b’waqtiet ta’ solitudni. Il-kwestjoni tar-roly poly kienet ġrat f’ċirkostanzi meta pajjiżna kien qed jillimita l-kuntatti ma’ persuni, inkluż l-anzjani biex nipproteġuhom, u Silvio kien ried jara li mqar għal dak il-mument il-persuna li tirċievi dak il-ġest ma tħossx dik is-solitudni.

Hemm ħafna telefonati u mesaġġi li bagħatli Silvio u nammetti li fl-aħħar sentejn kien hemm ħafna element ta’ toqol u piż fil-kitba tiegħu. Però llum nixtieq naqsam magħkom mesaġġ wieħed partikolari. Jum fost l-oħrajn, fl-14 ta’ Ottubru 2021, ma kienx hemm konverżazzjoni għaddejja, imma dakinhar bagħatli żewġ sentenzi profondi u għamilhom fi quotes, li nixtieq naqsamhom magħkom. Kien qal:

“Inħeġġiġkom sabiex tindirizzaw l-isforzi tagħkom lejn dawk li jitolbukom l-għajnuna. Agħtuhom vuċi. Isimgħu l-istorja tagħhom. Tgħallmu mill-esperejnzi tagħhom u pprovaw ifhmu l-ħteġijiet tagħhom. Araw fihom ħuk u oħtok, iben u bint, omm u missier. Fost il-ħafna sfidi fil-ħajja tal-lum araw il-wiċċ uman ta’ dawk li b’insistenza qed jitolbu l-għajnuna.”

Dan hu Silvio, il-bniedem li din il-kwotazzjoni kien jgħixha kuljum bla waqfien, mit-Tnejn sal-Ħadd. Dan hu l-bniedem li għex u ta ħidmietu kompletament għan-nies. Għalih il-politika kienet verament u ġenwinament kif se jgħin lil ħaddieħor. Il-valuri fil-ħajja jitkejlu bl-uman u mhux bil-frilli materjali li xi kultant iddaħħalna fihom il-politika, bħal ta’ kemm se ġġib aktar likes u kemm se tidher tajjeb quddiem il-camera. Silvio kien bniedem tan-nies u man-nies, speċjalment iż-żgħir u l-batut. Il-politiku hu bniedem bħall-oħrajn, li jfisser li hu wkoll jgħaddi minn żmenijiet li jkunu diffiċli u ta’ tbatija. Dak li għadda minnu Silvio fl-aħħar sentejn ġab toqol li kultant kien sproporzjonat ukoll. Min jaf kemm fil-politika trid tilbes maskra u tkompli għaddej meta jkun hemm l-elementi u l-burraxki għaddejjin minn wara l-kwinti.

Insemmi l-bidla ħabta u sabta li ġabet f’ħajtu meta kien hemm reshuffle fil-Kabinett. Però n-nies, anke jekk ma baqax fil-politika, xorta baqgħet tfittxu sal-aħħar. Dan nista’ nixhdu jien, għax kull meta kien jiltaqa’ ma’ xi każ ġenwin, kien baqa’ jgħidli: Julia, daħal dan il-każ u verament jimmerita għajnuna. Kont ngħidlu biex ma jinkwetax, kont nitolbu biex iġib id-dettalji ħalli nindirizzaw il-każ. Kien jgħidli li se jmur issa stess biex ikellem lill-persuni involuti u jġib id-dettalji ħalli naraw kif nistgħu ngħinu. Dan huwa Silvio, mhux il-politiku li jaħrab min-nies, imma l-bniedem li jrid jsma’ l-problemi, anke meta ma kellux għalfejn jidħol għal dan it-toqol.

Kont naqbel miegħu għax qatt u qatt, fl-ebda ġurnata, ma semma l-aħmar jew il-blu. Kien politiku ta’ kulħadd. Anke fil-funeral nhar il-Ġimgħa kien hemm nies li qaluli li huma dejjem ivvotaw band’oħra, imma hu qatt ma ra kuluri. Għalhekk il-bniedem kien maħbub. Mhux lip service meta jgħidu li Silvio kien bniedem tan-nies, għax ir-rakkonti li smajna tul dawn l-aħħar jiem jixhdu dan il-kuntatt profond man-nies.

Imbagħad kien hemm il-bidla li ġiet meta reġgħet feġġgħet il-marda misħuta. Li laqatni kien l-ispirtu qawwi ta’ paċi u d-devozzjoni li kellu. Kien jibgħatli ritratti sejjer għand il-ħbieb tiegħu sorijiet jew fil-kappella u kien jgħidli li hemm isib il-paċi profonda. Kbira kemm hi kbira t-tbatija, il-paċi profonda li kien jittrasmetti b’mod uniku hija xi ħaġa straordinarja; li tinsa t-toqol tiegħek u titkellem b’serenità.

Jacob, nixtieq naqsam miegħek diskursata li kelli mal-papà fil-11 ta’ Ottubru 2021 waqt li kont qed nistenna l-van tal-iskola tat-tifla. Kemm kien ferħan dakinhar. Kien bagħatli ritratt tiegħek meta ġurnata qabel għamilt il-griżma. Kien ferħan se jtir u qalli li għamel minn kollox biex jara li l-ħajja tkompli u jgawdi miegħek dak il-mument. Jacob, għandek tassew għaliex tkun kburi li, tħares fejn tħares madwarek, tara missier li ħalla biss ġid madwaru. Ħalla marka profonda bl-empatija u bil-mod tiegħu li kien dejjem qrib in-nies u l-batut. Dan huwa l-akbar legat ta’ ħuna Silvio u dan huwa l-akbar legat ta’ missierek. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. L-Onor. Ivan Bartolo.

ONOR. IVAN BARTOLO: Sur President, 25 sena ilu jien spiċċajt minn komunità u meta tispiċċa minn komunità, prattikament tispiċċa waħdek. Tidħol f’ritmu fejn tibda tgħid: Xi jmissni nagħmel? X’inhu l-pass li jmiss? Addio komunità, għax kulħadd jinsik, min forsi għax ma tkunx importanti għalih u min għax jibża’ għal ġildu. Fil-veru sens tal-kelma tispiċċa f’Ort tal-Ġetsemani!

Imbagħad, kont bdejt programm ta’ billejl fuq ir-radju fejn kont nitkellem mas-semmiegħa, liema programm dam sejjer ħames snin. Dak il-programm ġabni f’kuntatt ma’ Silvio Parnis. Kelli telefonata fost il-ħafna li kien ikolli u ltqajt ma’ Silvio. Hemm indunajt li għandna prinċipji u valuri li huma simili, dawk tal-preferenza liż-żgħir, lill-batut u lill-vulnerabbli. Tista’ tgħid li dawn il-prinċipji għaqqduna u ħdimna flimkien f’diversi setturi, inkluż fuq ir-radju u fi programm televiżiv.

Prinċipju ieħor għal qalbu u li konna naqsmu flimkien u konna naħsbuha l-istess fuqu kien dak li tipprova tagħmel ħiltek biex tkun kattoliku full-time. Fost l-oħrajn, insemmi wkoll il-valur tal-ħajja mill-konċepiment sal-mewt li Silvio kien jemmen assolutament fih. Nista’ ngħid li kienu 25 sena ta’ ħbiberija li kulma tmur dejjem tjiebet. Dawn it-tip ta’ ħbieb u esperjenzi llum sar rari li ssibhom u tista’ tgħoddhom fuq id waħda. Fil-każ tiegħi, Silviio kien wieħed mis-swaba’ ta’ idi. Meta spiċċa minn Deputat, żidt aktar il-ħbiberija ma’ Silvio. Mit-telefonati fit-tul li kien ikollna, nista’ ngħid li kien jidher li Silvio għadda minn dak li għaddejt jien 25 sena ilu. Fil-komunità fejn kont konna nitolbu bis-salmi. Ma nafx jekk dak li konna nitolbu konniex nifhmuh dejjem, però Salm 30 ifakkarni ħafna f’Silvio. Fl-abbandun Silvio għarafni. Fl-abbandun Silvio tani ħbiberija. Din id-dinja daret bil-maqlub 25 sena wara. Salm 30 jgħid hekk:

“Dawk li jarawni barra jaħarbu minni. Irmewni bħal wieħed mejjet. Irmewni bħal ġarra mkissra.”

Filli dawk it-telefonati kollha u filli l-mobile jiskot. Illejla Silvio qed ikellimna. Ċert li qed ikellem lil kull wieħed u waħda minna f’din i-Kamra u qed jgħidilna: Ibżgħu għal xulxin, għax se jiġi l-mument meta l-mobile tagħkom ukoll se jiskot. Ejja nibżgħu għal xulxin, speċjalment meta l-kelma “Onorevoli” ddub. Ejja nibżgħu għal xulxin u ma nwarrbux minn ħajjitna lill-eks deputati, bħalma hu t-Tabib Silvio Grixti li kien ukoll Deputat ta’ din il-Kamra u ħa ħsieb Silvio sal-mewt.

Insellem lil martu Dorianne, lil ibnu Jacob, lill-għażiża ommu u lill-familja kollha tiegħu li l-aħħar li ltqajt magħhom kien proprju sigħat qabel ħalliena, inċidentalment fl-istess kamra fejn kienet ommi. Ismu, Silvio, twaħħad mad-dgħajfa. Qadef kemm felaħ biex il-politika għamilha kelma u għamilha ħajtu. Ħaddan politika ta’ servizz għall-poplu, speċjalment dawk l-iżgħar fostna.

Kellu wkoll battalji kontra s-sikrana tal-inġustizzji. Parnis, kif jafuh f’Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u l-inħawi, huwa sinonimu mal-ġustizzja soċjali. Kemm jien kuntent li fl-20 ta’ Frar 2023 għandi kampanja fuq il-ġustizzja soċjali li se niddedikaha għal Silvio u għal sieħbi Robert Arrigo li t-tnejn tant ħadmu favur il-ġustizzja soċjali. Silvio Parnis baqa’ hekk sal-aħħar. Ninsab ċert li l-Assolut qed ipattilu għal dak li ħadem għalih fuq din l-art. Nirringrazzjak. (Onor Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Jonathan Attard.

ONOR. JONATHAN ATTARD (Ministru għall-Ġustizzja): Sur President, mumenti bħal dawn qatt mhuma faċli biex wieħed jesprimi s-sentimenti tiegħu. Però ma stajtx f’okkażjoni bħal din tal-lum ma nsellimx il-memorja ta’ ħabib kbir tiegħi, li matul is-snin bnejna relazzjoni tant li spiċċajna parti minn familja. Nistqarr li, għalkemm bħali hemm diversi persuni li fl-aħħar żmien raw saħħtu sejra lura, xorta waħda għalina l-mument meta ġie nieqes kien ta’ xokk. Bħal donnu qatt ma stajna nifhmu kif persuna f’dak il-mument tal-ħajja jista’ jiġi nieqes darba għal dejjem imma, sfortunatament, dik hija l-ħajja.

F’dawn iż-żmenijiet mhux se ngħid tħassart, imma ċertament ammirajt il-kuraġġ ta’ martu Dorianne li kienet qed tassisti u tgħix dan kollu, l-istess kif kien qed jgħix dan kollu ibnu Jacob, ommu Doris u ħutu li kienu qrib tiegħu f’dawn il-mumenti daqstant diffiċli.

Però, lil hinn mis-sentiment ta’ diqa, it-telfa ta’ Silvio tibgħat diversi messaġġi b’saħħithom, fosthom messaġġ, kif intqal mill-kelliema ta’ qabli, favur il-ħajja, favur il-familja, favur il-kompassjoni u favur politika li tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Silvio, ċertament, li se jibqa’ mfakkar bħala politiku li b’mod mill-aktar eżemplari u konsistenti baqa’ tan-nies. Dan minnu nnifsu jibgħat messaġġ b’saħħtu favur il-klassi politika u s-sistema politika ta’ pajjiżna. Tieħu gost tisma’ persuni li jfaħħru l-istil ta’ politika li kien jaddotta Silvio Parnis. Dan għax, sfortunatament, ħafna drabi l-kritika f’pajjiżna tkun li l-politiċi li jżommu viċin in-nies jiġu ttimbrati b’parrokkjaliżmu, u dan huwa difett fis-sistema politika tagħna. Għalhekk il-politika sempliċi imma effettiva ta’ Silvio Parnis se tkun qed tikkontribwixxi għad-diskussjoni ferm aktar komplessa dwar is-sistema politika tagħna.

Lil Silvio ilni nafu. Nista’ ngħid li kemm ilu għandi d-dritt tal-vot, taqta’ l-aħħar elezzjoni, dejjem ivvotajt lil Silvio fl-elezzjonijiet ġenerali. Niftakar li ftit ġranet wara l-elezzjoni tal-2008, kien ċempilli għax xtaq ikellimni u qalli li xtaq jorganizza ruħu b’mod aħjar fil-politika. Kont għedtlu li qed iħalli impatt fid-distrett, imma hu ried ikun aktar organizzat. Niftakar li l-ewwel biċċa xogħol li konna għamilna kien li rajna li l-uffiċċju politiku li kellu nagħtuh bixra aktar professjonali. Fil-fatt konna organizzajnieh b’mod aktar sistematiku. Qed nirreferi mhux għall-uffiċċju li kien juża fl-aħħar snin, imma għall-uffiċċju li kellu qabel fi Triq Nazzarenu, quddiem id-dar ta’ ommu u missieru. Minn dak iż-żmien bqajt naħdem viċin ta’ Silvio Parnis, nista’ ngħid f’kull rwol li Silvio serva, kemm mill-Oppożizzjoni f’diversi rwoli bħala kelliem tal-Oppożizzjoni, imbagħad sussegwentement wara l-2013 mill-Gvern, l-ewwel bħala Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta, imbagħad aktar tard bħala Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u l-Komunitajiet u l-aħħar rwol tiegħu bħala Segretarju Parlamentari għal-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabilità.

B’mod inevitabbli, meta tkun qed taħdem viċin persuna tispiċċa bi ħbieb komuni, bil-familjarji jsiru ħbieb ta’ xulxin u tiġi litteralment familja estiża. Tgħix mumenti wkoll fil-ħajjiet rispettivi tagħna. Niftakar il-ferħ li kellhom Silvio u Dorianne meta saru ġenituri ta’ Jacob. Imbagħad ikun hemm mumenti oħra, fosthom meta żżewwiġt jien u Jacob kien proprju page boy fit-tieġ tiegħi. Tista’ tgħid li tispiċċa verament familja.

Tgħix ukoll mumenti ebsin. Niftakar madwar 15-il sena ilu kellu mumenti ebsin ħafna fil-politika, meta kien spiċċa soġġett għal attakk fuq ir-reputazzjoni tiegħu mal-anzjani. Bħal kif jiġri lil ħafna politiċi oħrajn, l-ewwel ħsieb ma kienx għalih innifsu imma fuq x’effett dan se jħalli fuq in-nies ta’ madwaru. Niftakar li dak iż-żmien kont għadni ġurnalist u kien iċempilli kmieni filgħodu, għax kont inkun fil-kamra tal-aħbarijiet u jkolli l-ġurnali, biex jara x’qed jgħidu l-ġurnali fuqu, mhux biex jara x’effett din se tħalli fuq il-karriera politika tiegħu, imma biex jassigura ruħu li għall-inqas ikun jaf x’qed jgħidu qabel ommu tmur tixtri. Imbagħad ikollok is-sodisfazzjon meta f’dan il-kontest kien fetaħ libell u rebħu bl-aktar danni possibbli. Niftakar li hekk kif ingħatat is-sentenza kien ċempilli biex nabbozzalu stqarrija li fiha kien iddikjara pubblikament, u effettivament hekk għamel, li r-rikavat kollu kien se jagħtih lill-benefiċenza.

Dak kien Silvio Parnis, persuna li mingħajr ħafna daqq tat-trombi ried jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies. Kien ipoġġi lill-batut dejjem qablu. Għalih il-politika kienet għodda ulterjuri ta’ kif jista’ jilħaq dan l-iskop ewlieni li kellu f’ħajtu. In-nies kienu, għadhom, kif rajna fit-tislima li ngħata l-ġimgħa li għaddiet, u se jibqgħu jħobbuh għax kien bniedem ġenwin, karitattiv u b’qalb tad-deheb. Kien jaf jisma’ u kont taf li se jagħmel minn kollox biex itaffi mit-tbatijiet ta’ dak li jkun.

Dan baqa’ jurih fl-aktar mumenti diffiċli, anke wara li temm il-karriera politika tiegħu. Fl-aħħar ġranet qabel daħal għall-aħħar darba l-isptar kont qed inżuru flimkien ma’ xi ħbieb tiegħi u kien qalilna li ladarba jirkupra saħħtu jibda jiġi jara n-nies u jerġa’ jibda jinvolvi ruħu b’mod attiv fil-Fondazzjoni M’intix Waħdek li kien waqqaf, bl-iskop li jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn fis-soċjetà tagħna. Nista’ ngħid li għalkemm ħajtu kienet relattivament qasira, il-ġid li rnexxielu jagħmel huwa bla qies.

Personalment, jien rikonoxxenti ħafna lejh. Bnejna ħbiberija fuq il-premessa li jien kont se ngħinu, però nista’ nassigura lil kulħadd li kont aktar jien li rċevejt għajnuna min-naħa tiegħu. Kien spalla għalija f’diversi stadji ta’ ħajti. Niftakar li meta temmejt l-istudji tiegħi u dħalt fil-professjoni legali, kien offrieli l-uffiċċju tiegħu fi Triq Nazzarenu li serva bħala l-ewwel uffiċċju fejn stajt nara n-nies. Sussegwentement, beda jħeġġiġni biex noħroġ għall-politika, u mhux biss irrakkomandani mal-Partit Laburista, imma għal darb’oħra offrieli l-uffiċċju politiku tiegħu fi Triq il-Knisja biex iservi bħala l-uffiċċju politiku tiegħi li għadni nuża sal-lum. Nista’ ngħid li sal-aħħar baqa’ jkun ta’ sostenn għalija.

Kif semma l-Prim Ministru, fil-kampanja elettorali, partikolarment meta jidħol l-eċitament politiku, Silvio ta’ kuljum kien jibgħatli biex inkellem lil dak jew lil ieħor, nibgħat hekk u nagħmel hekk u li qed jitlob għalija għax, kif wieħed jista’ japprezza, kien persuna devota ħafna. Ħalla ħafna memorji, ħafna esperjenzi u ħafna tagħlimiet li ċertament se jibqgħu miegħi. Silvio se jħalli vojt kbir u dan il-vojt se nħossuha aktar meta nkunu flimkien ma’ ħbieb u familjari tiegħu, forsi f’xi ikla mimlija rakkonti, u nirrealizzaw li Silvio mhuwiex magħna.

Nagħlaq billi nagħti l-kondoljanzi profondi lill-mara tiegħu Dorianne, lil ibnu Jacob, lil ommu u lill-familjari hawnhekk ilkoll preżenti, kif ukoll lil ħafna ħbieb tagħna komuni, b’uħud minnhom jgħinuni ta’ kuljum fil-ħidma tiegħi. Nagħti l-kondoljanzi wkoll lill-elettorat, partikolarment dak tar-raba’ distrett. Jien u sħabi hawnhekk ilkoll preżenti se nagħmlu dak kollu possibbli biex inżommu l-memorja ta’ Silvio Parnis ħajja billi bħalu nipprovaw inservu bl-istess passjoni, umiltà, ġentilezza u mħabba. Is-sliem, sieħbi l-għażiż, grazzi ta’ kollox. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. L-Onor Charles Azzopardi.

ONOR. CHARLES AZZOPARDI: Sur President, żewġ aġġettivi li għadu kif semma l-Ministru Jonathan Attard huma ġentilezza u mħabba. Fil-politika tista’ tkun imbottat u elett, imma tkun elett b’mod ġenwin jekk temmen fin-nies, jekk tħobb in-nies u jekk in-nies huma speċjali għalik.

Silvio Parnis kien bniedem ta’ identità, bniedem ta’ karattru u bniedem ta’ missjoni. Kien politiku ta’ veru. Silvio Parnis twieled politiku. Silvio Parnis mhux ħabb il-politika, imma l-politika kienet parti minnu.

Lil Silvio Parnis ilni nafu 24 sena. Naf li ħadem kemm felaħ għaż-żgħir, ħabb liż-żgħir u għaraf il-batut. F’kull ċirkostanza m’għażilx lilu nnifsu, imma għażel dak li tah identità. Kulħadd hawn fostna għandu identità. Silvio Parnis għaraf verament il-bżonn tal-altruwiżmu. Għaraf dak li għandu bżonn il-vulnerabbli. Għaraf dak li għandu bżonn ħaddieħor. Għaraf lil dak u lil dik, li ma nafuhomx b’ismhom, imma għandhom is-saħħa demokratika biex iżommuna f’din il-Karma. Dawn huma dawk li nħabbtulhom il-bibien. Għadni niftakar fil-kitba tal-Eks Ministru Laburista Lino Spiteri li jirreferi għalih bħala “dak il-bieb”.

Niftakar f’nies li m’għadhomx fil-politika bħal Silvio Parnis. Niftakar f’nies li verament taw ħajjithom għall-politika, għax kienu politiċi. Bħal artist; artist jitwieled. Tkun tixtieq taf tpinġi, imma ma tkunx tkapaċi ħlief tagħmel ċrieki. Tkun tixtieq tkun skultur, imma ma tkunx kapaċi li taqbad it-tafal u toħloq xi ħaġa minnu. Silvio Parnis kien karattru speċjali. Silvio Parnis fil-politika bata. Silvio Parnis kien ħabib ta’ kulħadd. Silvio Parnis kien il-bniedem li kien jitkellem spiss fuq dik il-qalb minsija. Illum inħoss li kien fil-missjoni. X’inhi l-missjoni fil-politika? Li ma tħarisx lejk innifsek imma tħares ’il barra. Fil-Parlament ma nistgħux inkunu bħal torri tal-avorju. Ma nistgħux infaħħru lil xi ħadd wara l-mewt u ninsew li jkun hemm madmad ieħor differenti għalina bħala nies normali li nħabbtu l-bibien u nittalbu għall-voti.

Ma nistgħux inħarsu fil-passat u nfaħħru t-tajjeb ta’ kulħadd. Kien hemm żmien li jien ikkritikajt lill-Partit Nazzjonalista, imma llum mill-ppożizzjoni ngħid li nistgħu nħarsu ’l quddiem u nemmnu f’dak li emmen Silvio Parnis. Silvio emmen fil-batut u fiż-żgħir. Ejja ma ninsewx liż-żgħir u lill-batut. Ejja nemmnu fil-vulnerabbli.

Insellem lil martu Dorianne, lil ibnu Jacob, lil ommu Doris u lil ħutu. Silvio Parnis kien politiku ta’ veru. Silvio Parnis ma kienx dilettant fil-politika, imma l-politika għexha u ħaddanha. Sal-aħħar, anke fi żmien diffiċli għalih, baqa’ l-politiku ta’ kulħadd. Ejja naraw li l-poter ma jitla’ qatt għal rasna. Fl-2017 Silvio Parnis kien tkellem ċar meta qal li ma riedx monumenti, ma riedx bustijiet u ma riedx toroq imsemmijin għalih. Silvio Parnis tnaqqax fil-qalb tan-nies. Silvio Parnis jafu kulħadd u għalhekk illum nitkellem fuqu b’mod emozzjonali. Silvio Parnis kellu karattru sod, wettaq missjoni u kien uman. Silvio Parnis kien soċjalist ta’ veru. Silvio Parnis kien bniedem li vera ħabb lill-pajjiż. Silvio Parnis kien il-politiku, il-maħbub u l-umli. Kemm hu sabiħ li jibqgħalna l-umiltà. Kemm hu sabiħ li niftakru minn fejn tlaqna u meta naslu ma ninsewx li aħna midjunin man-nies hemm barra. Nerġa’ ngħid, din il-Kamra mhijiex torri tal-avorju. Bħalma għedt fl-ewwel diskors tiegħi fil-Parlament, Oliver Friggieri kien jgħidli li jekk tħobb il-politika m’għandekx bżonn tkun fil-Parlament, fil-kunsill lokali jew sindku, għax in-nies hemm barra qegħdin. Mela kun man-nies, ibqa’ man-nies u ħobb in-nies.

Dak huwa Silvio Parnis, soċjalist li ħabb lill-ħaddiem u l-ħaddiem ħabbu lura. Malta qed tagħtih unur mhux illum, imma ħabbitu diġà u tibqa’ tħobbu, mhux fil-monumenti u l-grafitti, imma f’qalbna. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad mal-ħsebijiet kollha li ġew espressi mill-Prim Ministru, mill-Onor. Robert Cutajar f’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni u mill-kelliemz miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Meta ħadt l-aħbar tal-mewt ta’ Silvio Parnis kont l-Awstralja qed nattendi konferenza tal-Ispeakers tal-Commonwealth. Ixxokkjajt ruħi. Kont naf li Silvio qed jiġġieled battalja kiefra mal-kanċer, però ma bsartx li kien se jtemm il-ħajja tiegħu daqshekk malajr. Ngħid il-verità xxokkjajt ruħi u dak il-ħin ħriġt mill-kamra, għamilt xi telefonati u komplejt bil-konferenza imma l-ħin kollu l-ħsibijiet tiegħi kienu fuq Silvio.

L-ewwel darba li ltqajt ma’ Silvio, kien għadu mhux fil-Parlament għax ġie elett fil-Parlament fl-1998. Fil-fatt fil-ktejjeb maħruġ apposta, kif nagħmlu s-soltu f’okkażjonijiet bħal dawn, hawn l-ewwel diskors tiegħu, li meta taqrah tinduna li dan huwa bniedem li verament emmen fil-ġustizzja soċjali mill-bidu sal-aħħar. Niftakar li l-ewwel darba li kellimtu kien meta ċempilli fl-1997, meta kont għadni fil-bidu tiegħi fil-Parlament. Dak iż-żmien id-Deputy Leader tal-Gvern Laburista kien l-Avukat George Abela u konna ħdimna fuq l-ewwel liġi li saret dwar it-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji. Jien kont ivvolontarjajt bħala avukat li nagħmel ħafna minn dawn il-kawżi. Niftakar li Silvio kie ċempilli u qalli: Isma’ għandi xi nies mid-distrett tiegħi li jixtiequ jagħmlu kawża, imma dawn m’għandhomx flus. Kien staqsieni wkoll kif se nagħmlu biex ngħinuhom. Għedtlu biex ma jinkwieta xejn u fil-fatt għamilna dawn il-kawżi. Imma mbagħad din li għedtlu biex ma jinkwieta xejn baqgħet għaddejja mhux biss fit-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji imma anke għal kawżi oħra. Xħin sema’ li kont qed nagħmel xi kawżi pro bono, anke ġurijiet, bqajna bil-kuntatt. Niftakar li kont ngħidlu: Silvio, arahom sew il-każijiet. Hu kien staqsieni: Inti qed tgħid hekk, għax forsi mhumiex magħna, jiġifieri nara jekk persuna hux Laburist jew Nazzjonalist? Għedtlu: Le, mhux fuq hekk. Qalli: Mela serraħtli moħħi. Hemmhekk tinduna x’kien il-karattru ta’ Silvio.

Imbagħad kien hemm okkażjonijiet oħra fejn dħakt ma’ Silvio. Darba konna delegazzjoni ta’ 12-il membru fi Brussel, fejn konna qed niltaqgħu mal-European Institutions. Niftakar li kien hemm il-Kummissarju Spanjol Miguel Arias Cañete li kien responasabbli mill-financial budget, Dr George Vella, illum l-Eċċelenza tiegħu President ta’ Malta, Dr Jason Azzopardi u oħrajn. Konna grupp kollha madwar il-mejda nistaqsu l-mistoqsijiet lill-Kummissarju. Dakinhar Silvio kien qalilna li jekk iċempel il-mobile, ma noqogħdux ninkwetaw għax se jwieġeb hu. Ovvjament jien aċċettajt li jwieġeb il-mobile, anke f’każ li jċempel xi ħadd tal-familja. Niftakar li lil Dr Jason Azzopardi, li llum mhux hawn magħna u nsellimlu, kien ċempillu t-telefon u wieġeb Silvio kif konna ftehemna. Ovvjament Jason Azzopardi kien staqsieh min ċempel u dan Silvio, li ħdejh kien hemm l-Onor. Anton Refalo hemmhekk, Dr Gavin Gulia u s-Sur Joseph Cuschieri, kien qallu li ċempillu dakinhar il-Prim Ministru Lawrence Gonzi li qallu biex ma jċempillux lura, però jekk jista’ jċempel lill-Ambaxxatur Richard Cachia Caruana. Niftakar lil Jason Azzopardi jċempel lill-Ambaxxata, fejn fl-aħħar kellmu Richard Cachia Caruana u qallu: Tista’ tgħidli xi trid? Jason wieġbu: Xi rrid? Xi ħadd qalli li qed iċċempilli. Niftakar li kien mument interessanti. Imbagħad kien ċempel xi ħadd lili u reġa’ wieġeb it-telefon u lil min ċempel qallu: Ħu paċenzja, bħalissa għandu ħafna x’jagħmel, importanti li ċċempel aktar tard. Dak kien Silvio.

Okkażjoni oħra interessanti kienet waqt delegazzjoni f’Iżrael għal laqgħa fil-Parlament ma’ diversi mexxejja ta’ diversi partiti, inkluż l-ispeaker. Magħna kien hemm l-Onor. Michael Falzon u anke Silvio Parnis. Dakinhar Benjamin Netanyahu kellu x’jagħmel u ma ltaqax magħna. Imbagħad morna l-Palestina fejn f’Ramallah iltqajna mal-President Mahmoud Abbas u personalitajiet oħra. Wara li lestejna x-xogħol konna skortati għax biex tgħaddi mill-Palestina għal Iżreal trid tiġi skortat meta tiġi biex tgħaddi miċ-check points. Niftakar li xħin wasalna fiċ-check point ta’ Betlehem kelli nieħu lil Silvio jixtri Bambin ta’ Betlehem. Kellna problema biex nixtru wieħed għax ried bambin kbir, imma fl-aħħar sibna. Imbagħad xħin wasalna fiċ-check point, Silvio induna li kien nesa l-passaport fis-safe tal-kamra tal-lukanda. Min jaf il-karattru tiegħi mill-viċin jista’ jimmaġina kif spiċċajna fiċ-check point. B’xi mod irranġajna li noħorġu miċ-check point, wara li rranġajt biex xi ħadd min-naħa tal-Palestina jmur iġib il-passaport minn Tel Aviv u jgħaddihulna.

Silvio baqa’ sal-aħħar dejjem jinkwieta fuq in-nies. Ma rridx nirrepeti dak li smajna diġà fuq Silvio, imma rrid ngħid li kien jemozzjona ruħu b’kull problema. Dejjem irid ikollu r-riżultati. Dejjem jistaqsi: Lil din se naqduha? Niftakar li meta kont attiv fil-politika, kont għamilt perjodu nara n-nies f’Raħal Ġdid għax kont se nikkontesta fuq dak id-distrett. Ma kellix uffiċju, imma kont nara n-nies fil-każin tal-Partit Laburista s-Sibt jew il-Ħadd. Silvio kien jiġi hemm ukoll u jekk kien jara lil xi ħadd li diġà kellmu fuq xi każ, kien dlonk jistaqsi jekk hux se naqdu lill-persuna. Kont ngħidlu: Toqgħod tinkwieta xejn, inti se titla’ għax in-nies iħobbuk. Lil Silvio ħabbu kulħadd.

Is-Sedja tingħaqad ma’ dawk kollha li tkellmu llejla u twassal il-kondoljanzi lil ommu, lil martu Dorianne - niftakar li fil-festa ta’ San Pawl kont iltqajt mal-familja tagħha li talbitni biex ngħinuh fl-elezzjoni ta’ dak iż-żmien - lil ibnu Jacob, lil ħuh il-pulizija li ħdimna flimkien u lill-familja kollha. Magħna hawn grupp numeruż ta’ persuni li kienu jafu lil Silvio, inkluż il-President Emeritu Marie Louis Coleiro Preca. Ngħaddi l-kondoljanzi u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra jwassal il-kondoljanzi lill-familja tas-Sur Silvio Parnis. Grazzi.

Electoral History

Ninth Legislature (1998 - 2003)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 05.09.1998
Oath of Allegiance: 24.10.1998
Dissolution of Parliament: 10.03.2003

Electoral Districts

Tenth Legislature (2003 - 2008)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 12.04.2003
Oath of Allegiance: 24.05.2003
Dissolution of Parliament: 04.02.2008

Electoral Districts

Eleventh Legislature (2008 - 2013)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 12.03.2008
Oath of Allegiance: 10.05.2008
Dissolution of Parliament: 07.01.2013

Electoral Districts

Twelfth Legislature (2013 - 2017)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 11.03.2013
Oath of Allegiance: 06.04.2013
Dissolution of Parliament: 01.05.2017

Electoral Districts

Thirteenth Legislature (2017 - 2022)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 03.06.2017
Oath of Allegiance: 24.06.2017
Dissolution of Parliament: 20.02.2022
Positions
Parliamentary Secretary for Local Government and Communities - 09.06.2017
Ceased: 15.01.2020
Parliamentary Secretary for Active Ageing and Persons with Disability - 15.01.2020
Ceased: 23.11.2020
Dissolution of Parliament: 20.02.2022

Electoral Districts