Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Vincenzo Maria Pellegrini

Back to List

Condolences (12 Apr 1911 - 1 Oct 1997)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 116 tat-Tmien Leġislatura tas-6 ta’ Ottubru 1997

KONDOLJANZI

ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nixtieq li qabel ma nkomplu bix-xogħol tagħna naqsam ċerti sentimenti mal-Kamra kollha billi nagħti l-kondoljanzi lill-familjari ta' xi persuni li ħallewna matul il-vaganzi tas-sajf, liema persuni ċertament jixirqilhom li jiġu mfakkra f'din il-Kamra.

Il-Kamra tfakkar in-Nutar Vincenzo Maria Pellegrini li wara t-Tieni Gwerra kien membru ta' l-Assemblea Nazzjonali. Dan kien bniedem tal-professjoni legali u għalkemm wieħed ma jistax jgħid li laħaq xi quċċati bħalma laħaq l-Imħallef Montanaro Gauci fil-kamp legali xorta waħda kien bniedem rispettat u kapaċi ħafna. Wieħed iktar jista’ jiftakar f’dan il-bniedem fil-kamp letterarju għaliex kien wieħed minn ta' l-ewwel li ħadem għat-twaqqif ta' l-Għaqda tal-Malti fl-Universita' u dan meta kien ferm diffiċli li wieħed jippromwovi l-lingwa Maltija. Wieħed ma jridx jinsa d-diffikultajiet li kienu jiffaċċaw dak iż-żmien dawk li kienu jemmnu li l-Malti għandu jingħata ċerta importanza. In-Nutar Pellegrini kien bniedem li fil-karriera letterarja tiegħu kompla jipproduċi xogħlijiet letterarji b'lingwi differenti u kien jinteressa ruħu ħafna f'dak kollu li kellu x'jaqsam mat-tixrid ta' l-għerf.

Lin-Nutar Vincenzo Maria Pellegrini li għandu konnessjoni ma' din il-Kamra, minn hawnhekk insellimlu u nagħti l-kondoljanzi lill-familjari kollha tiegħu. Nirringrazzjak.

MADAM SPEAKER (Onor. Miriam Spiteri Debono): Grazzi. L-Onor. Guido de Marco.

ONOR. GUIDO de MARCO: Il-kollega tiegħi l-Onor. George Vella semma lin-Nutar Vincenzo Maria Pellegrini. Jien lil dan il-bniedem kont nafu ħafna u nista' ngħid li huwa bniedem ta' kultura kbira, bniedem li ċertament ikkontribwixxa għal-literattura. Kien iħobb ħafna l-litteratura Taljana u l-kontribut li huwa ta għal-litteratura Taljana f'Malta kienet ċertament waħda mill-kontribuzzjonijet l-aktar interessanti. Kien anke jippubblika "La Brigata" u kien anke fil-"Malta Letterarja". Kien ċertament bniedem li ta kontribut letterarju siewi f'pajjiżna.

In-Nutar Vincenzo Maria Pellegrini kien anke fl-Assemblea Kostitwenti, liema assemblea dalwaqt se niċċelebraw il-50 sena mill-bidu tagħha. Grazzi, Sinjura President.

MADAM SPEAKER: Grazzi. Jiena wkoll naqsam is-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari tan-Nutar Vincenzo Maria Pellegrini.