Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Daniel Piscopo

Back to List

Condolences (14 Dec 2009)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 177 tal-14 ta' Diċembru 2009

KONDOLJANZI

ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin): Sur President, għadha kemm tħabbret il-mewt tal-ex Deputat Parlamentari Laburista, Dr Daniel Piscopo, li għal madwar tmien snin kien ministru b’portafolji differenti taħt Gvernijiet Laburisti.

Jien lil Dr Daniel Piscopo niftakru ftit fis-sens li għalkemm miet fl-età sabiħa ta’ kważi 90 sena, ma kontx deputat f’dan il-parlament meta kien deputat hu imma niftakru mill-gazzetti. Niftakru wkoll fiż-żmien meta kont reporter parlamentari u kont nosservah. Dr Daniel Piscopo kien veteran fil-Partit Laburista. Tista’ tgħid li mill-bidu tal-politika, wara l-gwerra, ikkontesta l-ewwel elezzjoni tal-1947 meta kien tela’ l-ewwel Gvern Laburista u serva lil dan il-parlament u wara r-rebħa Laburista tal-1971 kien inħatar Ministru tas-Saħħa, kariga li baqa’ jokkupa sal-1974 meta ġie maħtur Ministru responsabbli mill-Posta, Enerġija u Komunikazzjoni. Wara l-elezzjoni tal-1976 kien inħatar ukoll Ministru tat-Turiżmu.

Minn dak li smajt, kemm mill-ħbieb tiegħi Laburisti kif ukoll minn dawk Nazzjonalisti, it-Tabib Piscopo kien igawdi rispett kbir, mhux biss fil-kostitwenza tat-Tieni Distrett minn fejn tela’ diversi drabi imma wkoll mill-poplu inġenerali. Kien bniedem mingħajr ħafna pretensjoni imma fl-istess ħin ix-xogħol li kien ġie fdat lilu kien jagħmlu u jagħmlu sew. Naħseb li huwa importanti li fil-memorji ta’ politiċi bħal dan li jkunu għaddew wieħed jgħid li kien tal-affari tiegħu. Naħseb li dik hija reputazzjoni sabiħa li wieħed ikollu. Ħafna drabi dawn l-affarijiet sbieħ ngħiduhom biss wara l-mewt ta’ xi ħadd, imma xorta waħda aħna obbligati li ngħiduhom.

Ġejt informat ukoll li minkejja li Dr Daniel Piscopo ma baqax attiv fil-politika kif kien bħala deputat, xorta waħda baqa’ jsegwi dak li jiġri fil-parlament u dak li jiġri fil-Partit tiegħu stess. Għalhekk kif nagħmlu s-soltu, filwaqt li nikkommemoraw il-memorja tat-Tabib Piscopo, nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra tibgħat il-kondoljanzi lill-membri tal-familja tiegħu, jiġifieri lill-mara tiegħu Mary kif ukoll lit-tfal tiegħu, Peter, Ivan u Vince. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER (Onor. Louis Galea): Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. JOSEPH MUSCAT (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, ningħaqad mas-sentimenti espressi mill-Viċi Prim Ministru u b’sogħba kbira minn din in-naħa nwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-familja Piscopo. Ilbieraħ filgħaxija tkellimt ma’ Mary Piscopo, eżatt ftit tas-sigħat qabel ma miet Dr Daniel Piscopo u informatni - fil-fatt ċemplitli u ċempiltilha lura - li kienu tawh il-griżma u kien f’kondizzjoni ħażina ħafna.

Tul is-snin jien kelli kuntatt regolari ma’ Dr Daniel Piscopo għal diversi raġunijiet. L-aħħar li ltqajt miegħu kont żortu fir-residenza tiegħu f’Wied il-Għajn fejn kien imdawwar bil-familjari u għamilnielu ċelebrazzjoni żgħira biex nagħmlulu l-kuraġġ biex jibqa’ miexi ‘l quddiem tul ħajtu. Dakinhar kien laqatni ħafna l-mod ta’ kif il-familja tiegħu kienet imdawra totalment miegħu biex tagħmillu kuraġġ. Dr Daniel Piscopo kien wieħed min-nies li ħadem bis-sħiħ għall-ġid tal-pajjiż u għall-ġid, kif kien jarah hu, tal-Partit Laburista. Il-karriera tiegħu kienet waħda illustri u dan jixhdu t-tip ta’ karigi li kellu fil-kabinett ta’ Dom Mintoff, l-ewwel bħala ministru tas-saħħa, imbagħad bħala ministru tal-posta, enerġija u komunikazzjoni, imbagħad finalment bħala ministru tat-turiżmu.

Waħda mill-affarijiet li tolqtok kienet li l-Bormliżi dejjem sabuh magħhom u hu qatt ma nsiehom. Bla dubju ta’ xejn fost l-akbar kontribut li ta kien bejn l-1971 u l-1974 meta ħadem u stinka ħafna sabiex jiġu modernizzati s-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna. Għalhekk minn din in-naħa tal-Kamra ningħaqdu mas-sentimenti espressi minnek, Mr Speaker, u min-naħa tal-Viċi Prim Ministru. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. F’isimkom ilkoll nissekonda dawn is-sentimenti ta’ sogħba u issa nikkomunikaw mas-sinjura tiegħu u ma’ wliedu biex infissrulhom is-solidarjetà u s-sogħba tagħna f’dan il-mument ta’ niket għal din il-familja.

Electoral History

First Legislature (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.02.1962
Oath of Allegiance: 26.04.1962
Dissolution of Parliament: 15.02.1966
Second Legislature (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Dissolution of Parliament: 24.04.1971
Third Legislature (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 17.06.1971
Oath of Allegiance: 16.08.1971
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Positions
Sworn in as Minister of Health - 21.06.1971
Ceased: 31.08.1974
Sworn in as Minister of Posts and Electricity - 01.10.1974
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 24.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Positions
Sworn in as Minister of Tourism - 24.09.1976
Ceased: 17.10.1978
Dissolution of Parliament: 09.11.1981