Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Salvu Privitera

Back to List

Condolences (23 Mar 1985)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 239 tal-25 ta' Marzu 1985

KONDOLJANZI

ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, kif taf is-Sinjorija Tiegħek u taf il-Kamra, nhar is-Sibt tħabbret il-mewt tal-Perit Salvino Privitera. Kif jafu l-Membri ta' din il Kamra li kienu fil-Parlament ta' qabel il-leġislatura preżenti, il-Perit Salvino Privitera kien ukoll Membru ta' dan il-Parlament. Sfortunatament meta bdiet il-leġislatura l-oħra huwa kien marid gravament u dam xi xahrejn u nofs ma jistax jattendi dan il-Parlament. Pero' meta appena kien jista' jattendi hu mal-ewwel daħal fil-Parlament u kien jattendi assidjament kull seduta li kien ikollna, u kważi kważi kien joqgħod hawn il-Parlament avolja b'ċertu sforz fiżiku għax ikollu bżonn l-għajnuna ta' ħaddieħor biex ikun jista' jattendi dan il-Parlament. Imma kien jattendi xorta waħda u kien ukoll jieħu parti attiva fid-diskussjoni, fid-domandi u anke speċalment f'dak li huwa Committee stage kien jieħu anke parti attiva fih.

Il-Perit Privitera kien attiv ħafna mhux biss bħala Membru tal-Parlament, imma wkoll kemm professjonalment bħala perit u kemm soċjalment f'ħafna organizzazzjonijiet oħra privati, f'każini ta' baned assoċjazzjonijiet kulturali u filantropiċi oħra. Kien bniedem li jħoss li għandu jagħti l-kontribut tiegħu għas-suċċess ta' kull bord, ta' kull assoċjazzjoni li kien membru tagħha. Kien bniedem, f'kelma waħda, attivissimu; u fuq kollox kien raġel umli ħafna u assidwu fix-xogħol tiegħu.

Ħalla jibku t-telfa tiegħu lill-ħames uliedu: tlieta bniet u żewġ subien, u naturalment il-familjari tagħhom u ħafna ħbieb oħra, fosthom jien stess li kont nafu tajjeb ħafna sa minn qabel ma daħal f'dan il-Parlament.

Barra minn fil-Parlament, ħa parti attiva wkoll fil-Partit Laburista li kien jirrappreżenta f'dan il-Parlament, u kien anke jokkupa karigi importanti, bħal Viċi-President ta' l-Eżekuttiv għal ċertu żmien. Għamel żmien ukoll Acting President tal-Partit Laburista. F'kelma waħda, Mr Speaker, dan għalkemm kellu 69 sena, miet fi żmien meta seta' jkompli jagħti l-kontribut tiegħu f'aktar fit-tul; imma dawn l-affarijiet mhux aħna niddeċiduhom; jiddeċidihom id-destin.

Jien naħseb li hawn ħafna li jafuh sew lill-Perit Privitera, anke jekk ma kenux Membri fil-leġiżlatura l-oħra u allura setgħu jarawh mill-viċin bħala membru tal-kamra. Naħseb li kważi kważi kulħadd ħass sogħba kbira għat-telfa tiegħu.

Jien, Mr Speaker, f'isem in-naħa tal-Gvern nipproponi li s-Sinjorija Tiegħek - għalkemm nafu li Mr Speaker diġa' attenda għall-funeral flimkien mal-Prim Ministru u Ministri u Membri tal-Kamra - uffiċjalment twassal il-kondoljanzi tagħna lill-familja tal-mibki Perit Salvino Privitera. (Onor.Membri: Hear,hear)

ONOR. EDWARD FENECH ADAMI: Mr Speaker, f'isem din in-naħa wkoll, u f'ismi personalment, nixtieq li nassoċja ruħi ma' dak li qal il-Ministru issa, u nesprimi l-kondoljanzi tagħna għat-telfa tal-Perit Privitera.

Il-Perit Privitera nafuh fil-leġiżlatura l-oħra, nafuh ukoll għal ħafna snin. Kien ilu attiv fil-politka għalkemm ma kienx Deputat qabel fl-aħħar Parlament; pero' kkontesta diversi elezzjonijiet sa mill-1962. Ċertament kien bniedem li ta l-kontribut tiegħu mill-aħjar li seta' biex jara kif - skond ma kien jifhem huwa - il-pajjiż jimxi 'l quddiem.

Jiena kelli okkażjoni nkun nafu personalment ukoll, anke barra mill-Parlament, u ngħid li kien ġentlom, kien bniedem li jispira l-fiduċja reċiproka, u ċertament huwa kellu l-kwalitajiet li jiġbduk lejh, ċertament kwalitajiet li lkoll nixtiequ nimitaw. Mr Speaker, għalhekk jien nassoċja ruħi kif diġa' gġidt, mal-kondoljanzi tan-naħa tal-Gvern. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER (Onor. Daniel Micallef): Is-Sedja wkoll tassoċja ruħha mal-kondoljanzi kif imfissra mid-Deputat Prim Ministru Anzjan Ġuże' Cassar u mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni. Il-Perit Privitera kien ħabib meta dħalt f'dan il-Parlament. Niftakru bħala bniedem onest, bniedem li dejjem kien pajjiżu. Għalhekk nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi tagħna lill-familja tal-mibki ħabibna, il-Perit Privitera.

Electoral History

Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 04.10.1976
Oath of Allegiance: 08.02.1977
Dissolution of Parliament: 09.11.1981