Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Louis Refalo

Back to List

Commemoration Booklet

TIFKIRA TA’ LOUIS REFALO FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI 

PARLAMENT TA’ MALTA


20 TA' NOVEMBRU 1949 - 28 TA’ ĠUNJU 2019

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn

id-9 ta’ Marzu 1983 u t-23 ta’ Settembru 2003

Louis Refalo

Ġurament ta' Lealtà

 

L-EWWEL MISTOQSIJIET U L-EWWEL DISKORS TA’ LOUIS REFALO
FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI
PARLAMENT TA’ MALTA

 


L-EWWEL MISTOQSIJIET PARLAMENTARI MAGĦMULA
MILL-ONOR. LOUIS REFALO

SEDUTA NUMRU 242 - 15 TA’ APRIL 1985 TAL-ĦAMES LEĠIŻLATURA


SPTAR SAN LUQA - UŻU MILL-APPARAT ULTRASOUND

2358. L-ONOR. LOUIS REFALO staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: Kemm nisa għamlu użu mill-apparat tal-ultrasound li hemm l-Isptar San Luqa matul it-tqala tagħhom f'dawn l-aħħar sentejn? Kemm minn dawn l-istess nisa kienu Għawdxin residenti Għawdex? Kemm minnhom ġew mibgħuta għal dan l-eżami mill-Isptar Craig u kemm minnhom minn kliniċi privati? Kemm minnhom għamlu użu mit-trasport provdut mid-Dipartiment tas-Saħħa? Jidhirlu l-Ministru li jekk jiġi installat apparat tal-ultrasound fl-Isptar Craig, barra li jneħħi ħafna pressure minn fuq dak ta' St Luke’s ikun ferm aktar komdu għan-nisa Għawdxin li jkunu fl-aħħar ġranet tat-tqala u li ma jkunux fi stat li jivvjaġġaw fit-tul?

ONOR. VINCENT C. MORAN (Ministru tas-Saħħa): In-numru ta’ nisa tqal li għamlu użu mill-ultrasound fl-Isptar San Luqa kien:

1983 - 7,822
1984 - 7,131

In-numru ta' nisa tqal Għawdxin li joqogħdu Għawdex li għamlu użu mill-ultrasound fl-Isptar San Luqa kien:

1983 - 91 (1.2%)
1984 - 130 (1. 8%)

Dan ma jfissirx li ma kienx hemm aktar nisa Għawdxin li taw l- indirizz tagħhom f'Malta li wkoll għamlu użu mill-ultrasound.

Il-pazjenti kollha kienu mibgħuta mill-kliniċi speċjalizzati jiġifieri:

(a) mill-out-patient clinics tal-Isptar San Luqa jew l-Isptar Craig;

(b) mis-swali tal-istess sptarijiet;

(c) mill-Polikliniċi tal-Gvern.

Irrid ngħid li l-ultrasound mhux xi eżami ta' rutina u għalhekk ma nistgħux naċċettaw talbiet għall-ultrasound minn kliniċi privati. Jekk tabib ikollu problema b'xi pazjenta, il-pazjenta trid tintbagħat l-isptar jew isirilha appuntament bħala out-patient sabiex l-ispeċjalisti tal-isptar jiddeċiedu x'investigazzjonijiet hemm bżonn isiru.

Dawn il-pazjenti ma jkollhomx bżonn ta' trasport li jipprovdi l-isptar. Iżda ambulanza tintbagħat jekk xi ħadd ikollu bżonnha jew minħabba xi emerġenza jew minħabba xi indikazzjoni medika serja.

Għalissa ma nħassx il-bżonn li jiġi installat l-apparat tal-ultrasound f'Għawdex. Però, is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant jiġi attwat meta tinħass il-ħtieġa.


GĦAWDEX - L-ISKOLA TAŻ-ŻEBBUĠ

2359. L-ONOR. LOUIS REFALO staqsa lill-Prim Ministru, Ministru tal-Intern u tal-Edukazzjoni: Jaf il-Prim Ministru li l- klassi ta' Year 5 fl-Iskola taż-Żebbuġ ilha għal dan l-aħħar xahar mingħajr teacher? Jista’ l-Prim Ministru jara li jibgħat teacher ieħor mill-aktar fis possibbli?

ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI (Prim Ministru, Ministru tal-Intern u tal-Edukazzjoni): Diġà ttieħdu passi biex il-vakanza msemmija fl-iskola taż-Żebbuġ, Għawdex, timtela. Fil-fatt hemm għalliem li qiegħed jieħu ħsieb il-klassi Year 5.

 

ĊIRKEWWA/SAN PAWL IL-BAĦAR - TISWIJA TAL-MOLL

2360. L-ONOR. LOUIS REFALO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet u Djar: Jista’ l-Ministru jibgħat biex jirranġaw il-moll taċ-Ċirkewwa l-antik fejn jittrakkaw il-vapuri ta' Għawdex, u dak ta' San Pawl il-Baħar, peress li jinsabu fi stat ħażin, bil-ħofor u periklu għall-passiġġieri?

ONOR. LORRY SANT (Ministru tax-Xogħlijiet u Djar): Jien informat li fuq talba tal-Gozo Channel Co. Ltd. diġà qed isiru xogħlijiet ta' manutenzjoni fuq il-moll taċ-Ċirkewwa il-Ġdid mill-ħaddiema tax-Xogħlijiet.

Appena dawn jitlestew, ikun jista' jinbeda x-xogħol meħtieġ fuq il-mollijiet taċ-Ċirkewwa l-antika u ta' San Pawl il-Baħar.


GĦAWDEX - QTUGĦ TA' DAWL

2526. L-ONOR. LOUIS REFALO staqsa lill-Ministru tal-Investimenti Parastatali u tal-Poplu: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siegħa dam maqtugħ id-dawl ġo Għawdex mill-ewwel tas-sena 'l hawn u x'kienu l-kawżi għal dan il-qtugħ?

X'inhi r-raġuni li l-aktar żewġt irħula li jmur id-dawl spiss huma n-Nadur u x-Xagħra?

ONOR. PHILIP MUSCAT (Ministru tal-Investimenti Parastatali u tal-Poplu): Minn statistika miġbura fuq l-interruzzjoni tal-provvista tal-elettriku f'Għawdex mill-1 ta' Jannar 1985, jirriżulta li kien hemm total ta' disa' sigħat u tliet kwarti qtugħ f'partijiet minn Għawdex.

Ma jirriżultax li kemm in-Nadur kif ukoll ix-Xagħra huma milquta aktar minn irħula oħra.

Il-biċċa l-kbira tal-ħsarat li żviluppaw kienu kkaġunati mill-maltemp jew irjieħ qawwija.


GĦAWDEX - TOROQ ASFALTATI

2527. L-ONOR. LOUIS REFALO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet u Djar: Kemm-il triq ġdida ngħatat l-asfalt ġo Għawdex mill-1981 'l hawn? Kemm-il tank tal-45 gallun tarmac inġarr minn Għawdex għal Malta meta waqaf l-impjant? Hemm xi ħsieb li ġo Għawdex jerġa' jibda jingħata t-tarmac?

ONOR. LORRY SANT: Mill-1981 'l hawn ġew asfaltati 24 triq ġdida. Barra dawn, ġew asfaltati wkoll car park quddiem l-Iskola Sekondarja Victoria, car park il-Flora Victorja u car park fl-eks Isolation Hospital. Ġew asfaltati wkoll toroq li saritilhom twessigħ tagħhom li ħafna minnhom jammontaw daqs toroq sħaħ.

Meta waqaf l-impjant, minn Għawdex għal Malta nġarrew 2,868 tank.

Dwar l-aħħar domanda tal-Onor. Membru, ir-risposta hija fl-affermattiv.


GĦAWDEX: HOME OWNERSHIP SCHEME - ARTIJIET RIFJUTATI

2528. L-ONOR. LOUIS REFALO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet u Djar: Kemm-il biċċa art fil-Home Ownership Scheme ġo Għawdex ġiet rifjutata u ma nbnietx mill-1976 'il hawn?

Kemm kienu dawk il-biċċiet art li kienu diġà allokati u wara ftit ġew irrifjutati u x'raġunijiet kien hemm?

ONOR. LORRY SANT: Lill-Onor. Membru mhux se ngħidlu kemm ġew rifjutati iżda se ngħidlu għaliex qed jiġu rifjutati u wkoll x'sar fil-qasam tad-djar.

Tajjeb li ngħid lill-Onor. Membru li taħt l-Amministrazzjoni Nazzjonalista ta' bejn l-1962 u 1971 l-ebda plot ma nħarġet taħt il-Home Ownership Scheme. Dan minkejja li l-istess Gvern Nazzjonalista kellu bejn tlieta jew erba’ Deputati Għawdxin u jiftaħru li għandhom il-maġġoranza f'dan id-Distrett.

Bejn l-1971 u l-1985 ġew allokati f'Għawdex 693 plots li minnhom, 426 ġew allokati mill-Awtorità.

Barra dawn il-plots, nbnew 112-il dar/flat f'Għawdex u minn hawn u ftit ieħor, se jiġu ppubblikati madwar 300 plot taħt l-Iskema tal-BDA.

Biex l-Onor. Membru jkollu idea aħjar tad-differenza li hemm bejn dak li sar taħt l-Amministrazzjoni Nazzjonalista u dak li twettaq taħt Gvern Soċjalista fil-qasam tad-djar, biżżejjed wieħed jgħid li n-nefqa bejn 1962/1971 kienet ta' Lm46,811 u bejn l-1971/1984 Lm670,200.

Lill-Onor. Membru nżid ngħidlu li tant mhux qed jieħdu pjaċir in-Nazzjonalisti b'dak li qed nagħmlu li issa ħarġu jipprotestaw u jxewxu lin-nies kontrina talli aħna ħriġna l-plots.

Ir-raġunijiet li għalih jirrifjutaw il-plots wara li jkunu allokati jvarjaw.

Aħna nafu li n-Nazzjonalisti ġew imħeġġa biex japplikaw f'numru kbir għall-plots li joħroġ il-Gvern bl-isperanza li l-plots jintrebħu minnhom. L-iskop malinn wara din kien biex huma mbagħad ixewxu lil-Laburisti u joħolqu ferment fosthom billi jgħidulhom li n-Nazzjonalisti ħadu plot u l-Laburisti le.

Billi din il-kategorija ta' nies ma kellhiex interess li tieħu plot iżda l-iskop biss li tagħmel ħsara lill-Partit Soċjalista, waħdek tifhem li ħafna minn dawn jirrifjutawhom.

Kategorija oħra li mingħandhom nirċievu rifjut għal plot huwa ta' dawk l-għarajjes li jħassru l-għerusija, waqt li oħrajn minħabba kwestjoni ta' finanzi.


GĦAWDEX: QALA – WIRE NETTING MADWAR PLAYING FIELD

2529. L-ONOR. LOUIS REFALO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet u Djar: Jaf il-Ministru li l-wire netting li jdawwar il-playing field tal-Qala Għawdex ilu maqlub għal ġo l-istess ground mill-maltempata tal-11 ta' Ottubru 1982?

Jista’ l-Ministru jara li dan il-wire netting jiġi rranġat mill-iktar fis possibbli għaliex minħabba fih il-ground ma jistax jiġi utilizzat u qiegħed iservi ta' periklu kontinwu għal kull min qed jagħmel użu mill-istess playing field?

ONOR. LORRY SANT: Jien informat li mill-maltempata tal-11 ta' Ottubru 1982 il-wire netting tal-football pitch tal-Qala, Għawdex ġie rranġat darbtejn, imma rriżulta li kull darba xi vandali qegħdin jaqtgħu s-support tal-kanen il-wieqfa u b'hekk malli jagħmlu riħ qawwi l-wire netting jinqaleb.


TRASFERIMENT TA' ĦADDIEMA FID-DIPARTIMENT TAL-BIEDJA

2530. L-ONOR. LOUIS REFALO staqsa lill-Ministru tal- Agrikoltura u Sajd: Kemm-il ħaddiem Għawdxi ġie trasferit għal Malta u viċi versa mill-Ministeru tiegħek mill-1981 'il hawn?

X'kien il-grad tagħhom?

Kemm attwalment għad baqa' minn dawn il-ħaddiema Malta?

Peress li qed tinħoloq ħafna tbatija u spejjeż żejda, hemm xi ħsieb li dawn jerġgħu jieħdu posthom?

ONOR. JOE DEBONO GRECH (Ministru tal-Agrikoltura u Sajd): Risposta tingħata f'seduta oħra.


GĦAJNUNA LIL BDIEWA GĦAWDXIN

2531. L-ONOR. LOUIS REFALO staqsa lill-Ministru tal- Agrikoltura u Sajd: Jista’ l-Ministru jgħid jekk tax xi għajnuna lil sajjieda Għawdxin mill-1981 'il hawn u jekk ta, fiex kienet tikkonsisti din l-għajnuna u kemm mill-imsemmija sajjieda bbenefikaw minnha?

ONOR. JOE DEBONO GRECH: Mill-1981 'il hawn ingħataw Lm8,565 lil erba’ sajjieda Għawdxin bħala għajnuna għax-xiri ta' tliet bastimenti tas-sajd u apparat tar-radio telephone.


L-EWWEL DISKORS TAL-ONOR. LOUIS REFALO
FIL-PARLAMENT

ESTIMI ĠENERALI 1988
ABBOZZ TA' LIĠI DWAR L-APPROPRJAZZJONI

IS-SITT LEĠIŻLATURA SEDUTA NUMRU 56 - 18 TA’ DIĊEMBRU 1987


ONOR. LOUIS REFALO: Mr Speaker, wara li smajna l-kritika min-naħa tal-Oppożizzjoni fuq il-Budget, l-ewwel budget proprju ta' Gvern Nazzjonalista, tajjeb li wieħed jiġbed l-attenzjoni għal ċertu diskorsi u niċċarawhom. Illejla stess qalu li meta tela' l-Gvern Nazzjonalista l-milleżmi spiċċaw. Dan mhu veru xejn għaliex is-Central Bank għamilha ċara li coins ġodda tal-milleżmi mhux se joħorġu u l-milleżmi li hawn se jibqgħu jissarrfu xorta waħda. Mr Speaker, proprju jien illejla ġejt hawn nitkellem biex nirribatti dak li qalu sħabi tal-Oppożizzjoni. X'ħin qgħadt nifli sew il-ħbieb tagħna l-Għawdxin tan-naħa l-oħra rajt li dawn qagħdu jikkritikaw il-Gvern ġdid Nazzjonalista u għidt bejni u bejn ruħi: Kif tista' tikkritika l-Gvern la dan għadu l-ewwel Budget tiegħu? U hawnhekk proprju rrid insemmi l-wegħda li kien għamel Gvern Nazzjonalista li ħa joħloq il-Ministeru għal Għawdex. Il-Gvern Nazzjonalista ħoloq Ministeru għal Għawdex biex ma jiġrix bħalma ġara tul dawn l-aħħar 16-il sena u ma jkunx hemm għalfejn li jekk trid xi pjaċir tmur fejn xi kandidat jew fejn xi Deputat. Mr Speaker, jiena nixtieq, minn hawnhekk stess ngħid li kull ċittadin Malti u Għawdxi għandu dritt għall-opinjonijiet tiegħu. Dan ma jfissirx għaliex ma jaqbilx miegħek politikament hu għadu tiegħek. Proprju minn hawn stess, minn dan il-Parlament, li hu l-ogħla istituzzjoni ta' pajjiżna, għandna nedukaw il-poplu li dak li jkun għandu joqgħod għall-kritika u m'hemmx għalfejn iqum u jagħmel storbju. Dik hija ħażina għall-poplu tagħna ta' Malta u Għawdex. Hemm bżonn nedukaw lill-poplu tagħna minn dan il-Parlament. Proprju bħalma għidt qabel dwar il-wegħda li seħħet ta' Ministeru għal Għawdex, jien niftakarna fiż-żmenijiet meta kien hemm il-Gvern Nazzjonalista tas-sittinijiet li kien ħoloq bħal speċi ta' kunsill ċiviku ġewwa Għawdex, bħalma semma l-Onor. Anton Tabone. Dak iż-żmien, meta kien hemm dan il-kunsill, ebda persuna, hu min hu, ma kien imur fejn xi Deputat jew kandidat. Dak li jkun kien imur quddiem dan il-kunsill u kien jinqeda. Illum il-poplu tagħna rridu nderruh li jekk għandu bżonn xi pjaċir dan ma jridx jitkarrab fejn xi ħadd. Illum il-poplu tagħna jekk għandu dritt irid jieħdu mhux bħalma għamlu tul dawn l-aħħar 16-il sena. Mr Speaker, l-Oppożizzjoni ħasbu li fis-seba' xhur li għaddew aħna se nwettqu dak li wegħedna fil-programm elettorali. Hawnhekk tajjeb infakkar li tul dawn is-seba' xhur il-poplu llum jinsab ferħan u kuntent. Se nsemmi wkoll x'wiegħed dan il-Gvern il-ġdid tagħna. Nitkellem illejla fuq l-industrija ġewwa Għawdex. Infakkar li kien Gvern Nazzjonalista ta' żmien is-sittinijiet li tant jikkritikaw dawk tan-naħa l-oħra, li proprju ħoloq l-ewwel żona industrijali ġewwa Għawdex. Inħarsu daqsxejn lura mhux 'il bogħod wisq u nistaqsu n-naħa l-oħra: Kemm inbnew fabbriki ġewwa Għawdex tul is-16-il sena tagħkom? Minflok ma komplew fuq dak li kien għamel il-Gvern Nazzjonalista ta' dak iż-żmien, fl-1968, anke wara li telgħu, huma gawdew ukoll mill-frott li kien ħallielhom il-Gvern Nazzjonalista taħt - Alla jaħfirlu - l-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier. Dak iż-żmien, fiż-żona industrijali ġewwa Għawdex kien hemm 'il fuq minn 1,800 ruħ jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Sfortunatament, minflok ma żdiedet, l-industrija ġewwa Għawdex taħt Gvern Soċjalista, spiċċat fix-xejn u minn 1,800 persuna issa hemm 500 persuna jaħdmu hemmhekk. U nistaqsi: Dan għaliex? U r-risposta tiġi. Għaliex ħadd mill-investituri barranin ma afda Gvern Soċjalista. Mr Speaker, irridu li ż-żgħażagħ Għawdxin jaħdmu xogħol produttiv li jkun jixirqilhom u mhux bħalma għamlu l-Oppożizzjoni dak iż-żmien meta kienu fil-gvern, kienu jħaddmuhom taħt dixxiplina militari. Aħna rridu, jekk il-Bambin irid, li kull żagħżugħ Għawdxi jaħdem ġewwa Għawdex stess. M'hemmx għalfejn jiġi jaħdem ġewwa Malta u nfakkruhom ukoll lill-Oppożizzjoni kemm kienu jiddiskriminaw mal-Għawdxin. Meta kienu joħolqu xi korp, dejjem kien ikun bil-patt li żagħżugħ Għawdxi ma jistax jaħdem Għawdex u Kemmuna u hawn inħossni daqsxejn muġugħ. Kif Għawdxi ma jistax jaħdem ġewwa l-gżira tiegħu ta' Għawdex? Mr Speaker, tajjeb hawn infakkruh ukoll lill-poplu Għawdxi x'għamel il-Gvern ta' qabilna. Dan wiegħed ħafna u m'għamel xejn. Għamel xi ħaġa, mhux m'għamel xejn biex jinganna l-poplu Għawdxi proprju lejliet l-elezzjoni u fil-fatt irnexxielu. Però llum, il-poplu Għawdxi fehem li dak kien Gvern li ma kienx jixraq għal pajjiżna.

Nhar il-Ħamis smajt il-kritika fuq Għawdex, fuq il-portijiet u anke proprju dalgħodu stess fuq il-Port ta' Kemmuna mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Tajjeb infakkru hawn li Gvern Nazzjonalista kien ħaseb bis-serjetà għal Port ta' Għawdex - qed nirreferi għall-Imġarr - il-Port tal-Imġarr, Għawdex. Issa x'ħin deher fil-Budget li se nirranġaw il-Port taċ-Ċirkewwa dawn qalu: "Aħna konna se nagħmluh". U hawn nistaqsi, Mr Speaker: Għaddew 16-il sena, kif qatt ma għamlu xejn għall-benefiċċju tal-Għawdxin? Bħalma qal il-ħabib tiegħi l-Ministru Anton Tabone, dak hu benefiċċju soċjali, mela le, għaliex bejn il-gżejjer ta' Malta u Għawdex hemm dak il-baħar jaqsam. Hemm bżonn li lill-Għawdxin inġibulhom rispett u ma nagħmlux bħalma għamlu tan-naħa l-oħra qisna ċittadini tas-sekonda klassi. Fil-Budget li ħareġ il-Gvern Nazzjonalista hemm allokata somma ta' madwar Lm150,000 biex jintnefqu fuq il-Port taċ-Ċirkewwa. Mr Speaker, hawn tajjeb infakkar meta bnew dan il-port taħt Gvern Soċjalista. Dawn kienu qalulna li dan il-port huwa all weather harbour. Trid tkun Għawdxi qed taqsam f'xi maltempata u taf li m'għandekx ċans tidħol f'dan il-port! Hemm ukoll ivvotati diversi eluf fuq dawn il-proġetti. Tajjeb infakkar ukoll li kien hemm rampa li kien għamilha Gvern Nazzjonalista, li dejjem kien għaqli u kien jippjana sew. Dawn qalgħuha minn hemmhekk u llum qiegħda tinsab fl-ex-MMU ġewwa Għawdex. Ma nafx kemm-il elf lira swiet dak iż-żmien - qed insemmi qabel l-1971 - u dawn qabdu u remgħuha. Dawn ħasbu illi l-poplu Malti u Għawdxi ma fehemx il-kritika li qegħdin jgħidu huma. Il-Gvern il-ġdid ħaseb għal Għawdex fuq diversi affarijiet. Pereżempju, insemmi t-toroq. Qabel, f'Għawdex it-toroq kienu fi stat ħażin ħafna. Proprju lejliet l-elezzjoni, wara 16-il sena jiggvernaw, il-Gvern ta’ qabel ipprova u għamel ċertu affarijiet. Però ma nippretendix li wara 16-il sena Gvern iqum u jistenbaħ. Aħna kif tlajna fil-gvern bdejna t-tarmac. Bħalma qalet l-Onor. Giovanna Debono, bdejna t-triq prinċipali tan-Nadur mir-Rabat għan-Nadur u li jsejħulha tax-Xħajma. Huwa fl-interess tagħna l-Għawdxin li Għawdex kollu jsir bit-tarmac. Ma rridux nagħmlu bħalma għamlu huma li ż-żewġ Deputati li kien hemm kienu jaħsbu għall-irħula tagħhom biss. Għalhekk sar il-Ministeru għal Għawdex, biex jaħseb għall-Għawdxin kollha. Mr Speaker, ma rridux ninsew li l-Gvern Soċjalista kien wiret il-pjan tat-tarmac għaliex kien il-Gvern Nazzjonalista li beda proprju t-tarmac ġewwa Għawdex. X'ħin tisma' dawn l-affarijiet u tqabbilhom mal-kritika min-naħa l-oħra ... Għalhekk qgħadt noqgħod naħseb bejni u bejn ruħi. Dawn ħasbu li l-poplu għadu fidil. Mr Speaker, jien ma rridx intawwal ħafna però tajjeb li nitkellem issa fuq il-housing estates. Qalu li huma bdew il-housing estates. Taħt il-Gvern Nazzjonalista, fl-ewwel Budget proprju, hemm 'il fuq minn Lm200,000 għal housing. Mr Speaker, niftakru proprju Gvern Nazzjonalista li beda l-ewwel housing estate ġewwa Għawdex f'Taċ-Ċawla, jekk m'iniex sejjer żball, u ieħor proprju ġewwa x-Xgħajra, Għawdex. Qalu li tax-Xgħajra Għawdex għamluh huma. Fil-ftt kien il-Gvern Nazzjonalista li kien ippjanah.

Mr Speaker, semmew ukoll li aħna liż-żgħażagħ ma ħsibniex fihom biex ikollhom fejn jiddevertu. Aħna, għal Għawdex se jkun hemm 'il fuq minn Lm500,000 ivvotati għall-isports. Ikkritikawna ħafna min-naħa l-oħra li ż-żgħażagħ ... Fejn naf jien, id-dilettanti tat-tiġrijiet qalu li waqqafna x-xogħol fuq ir-race track. Mr Speaker, jiena nixtieq li kellek l-opportunità li titla' Għawdex u tara din il-korsa taż-żwiemel. Jekk taraha tgħid: "Dan il-ħajt ta' Berlin bil-ħitan kbar u esaġerati?" U hawn tajjeb ukoll infakkar li dawn qagħdu jistennew sa lejliet l-elezzjoni biex jagħmlu din il-korsa! Jekk m'iniex sejjer żball, nefqu 'l fuq minn Lm250,000 fuqha. Dawn kienu bdewha madwar 13-il sena ilu. Allura noqgħod naħseb jiena, tieħu daqshekk żmien, 13-il sena biex tinbena korsa taż-żwiemel?! Mr Speaker, dan huwa nuqqas serju ta' ippjanar. Il-ħbieb tagħna tan-naħa l-oħra forsi qed inweġġagħhom xi ftit. Però tajjeb li joqogħdu jisimgħu dawn il-kritiki.

Mr Speaker, ħalli nsemmi daqsxejn fuq is-saħħa. Kien Gvern Nazzjonalista li ħaseb bis-serjetà fuq is-saħħa ġewwa Għawdex. Kien bena sptar kbir u modern. Però meta appena ħadu l-poter huma bdew iżarmaw ftit ftit dan l-Isptar Craig u skont l-informazzjoni li għandi anke riedu jieħdu l-Kamra Mortwarja ġewwa Malta. Mr Speaker, nikkonkludi għaliex ħadt ftit ħin minn ta' sħabi. Ma tistax, Mr Speaker, tikkritika proprju fl-ewwel Budget ta' Gvern Nazzjonalista għaliex proprju bħalma jgħid il-proverbju Ingliż: Don't count the chickens before they hatch.

Jien nieħu din l-opportunità biex nawgura ż-żewġ naħat, in-naħa tagħna, in-naħa tal-Gvern u n-naħa tal-Oppożizzjoni, Milied ħieni. L-istess ukoll lill-poplu Malti u Għawdxi, nixtieqilhom il-Milied it-tajjeb u s-sena t-tajba. Grazzi, Mr Speaker.

 

Condolences (20 Nov 1949 - 28 Jun 2019)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 248 tat-Tlettax-il Leġislatura tal-Erbgħa 10 ta' Lulju 2019

KONDOLJANZI

L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Grazzi. Bħalma tafu, hija l-konswetudni ta’ dan il-Parlament li meta jmut xi ħadd li kien iservi f’din il-Kamra, jinħareġ ktejjeb. Illum dan sar b’tifkira tas-Sur Louis Refalo li kien Membru Parlamentari bejn l-1983 u l-1996. Nagħti merħba lill-membri tal-familja tiegħu li qegħdin hawnhekk magħna għal dan il-mument biex inwasslu l-kondoljanzi tagħna. Nistieden lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne biex jagħmel l-osservazzjoni tiegħu dwar il-mibki Louis Refalo.

ONOR. CHRIS FEARNE (Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Grazzi mill-ġdid, Sur President. Se nkun onest, lil Louis Refalo jien ma kontx nafu personalment. Ma kontx nafu u naħseb li qatt ma ltqajt miegħu però smajt ħafna dwaru. Smajt ħafna dwaru mhux biss wara mewtu, għax wara mewtek ħafna drabi kulħadd jitkellem fuqek, imma anke matul l-aħħar snin ta’ ħajtu. Forsi paradossalment, niftakar sew meta xi għaxar snin ilu, wara li kien diġà telaq mill-Parlament, hu kien attenda attività ta’ partit meta kien għadu membru ta’ partit ieħor, u dak iż-żmien dan kien qajjem xi ftit tal-kontroversja. Naħseb li dik kienet waħda mill-ftit, jekk mhux l-unika, kontroversja li kien involut fiha l-mibki Louis Refalo. F’dawn l-aħħar ġranet jien staqsejt dwaru u kulħadd jgħid l-istess kliem: kemm kien raġel ġentlom, kemm kien raġel li jirrispetta l-opinjoni ta’ nies differenti u kemm kien raġel li kien iżomm ’il bogħod mill-kontroversja.

Louis Refalo kien elett f’dan il-Parlament għal tliet leġiżlaturi wara xulxin. Kien Membru tal-Ħames, is-Sitt u s-Seba’ Leġiżlatura tal-Parlament, jiġifieri mill-1981 sal-1996. Irrid ngħid ukoll li l-Ħames Leġiżlatura li bdiet fl-aħħar tal-1981 ma kenitx leġiżlatura mingħajr kontroversja u fil-fatt Louis Refalo kien ħa l-ħatra sena u ftit xhur wara l-elezzjoni.

Ħafna nies jgħidu li Louis Refalo kien ix-xempju tal-laqam tal-familja tiegħu li jgħidulhom “Tal-Qaddis” għax veru kien qaddis jimxi fl-art. Kien jagħmel ħafna xogħol mal-kostitwenza Għawdxija. Fil-fatt hija karatteristika tal-membri parlamentari Għawdxin li jkunu viċin ħafna tal-kostitwenti tagħhom. Il-membri parlamentari u kandidati Għawdxin li naf jien kollha jkollhom affinità kbira mal-kostitwenza u Louis Refalo xejn inqas minn hekk tant li, kif diġà għedt, ġie elett tliet darbiet wara xulxin.

Louis Refalo ma kienx stranġier għall-ħajja politika u għall-ħajja parlamentari għax il-papà tiegħu Carmelo wkoll għamel kważi għaxar snin, mill-1962 sal-1971 membru ta’ din il-Kamra u allura din kienet bħal tradizzjoni fil-familja tiegħu. Louis Refalo, apparti li kien membru parlamentari, kien ukoll direttur fuq il-bord tas-Sea Malta u direttur fuq il-bord tal-Freeport, fejn ta l-kontribut tiegħu. Però naħseb li l-aktar se li jibqa’ mfakkar Louis Refalo huwa għall-mod ġeneruż u dinjituż li hu kien jaħdem viċin il-kostitwenza ġranet sħaħ mingħajr Sibt u Ħadd. Jiena ċert li l-poplu Għawdxi, u anke l-poplu Malti, se jibqgħu grati lejh, bħalma jien ċert li din il-Kamra flimkien mal-poplu kollu, imma speċjalment dak Għawdxi, se jingħaqdu miegħi biex f’ismi, f’isem il-familja tiegħi, f’isem il-Gvern u f’isem il-Parlament nagħti l-kondoljanzi lill-familjari u l-qraba ta’ Louis Refalo.

L-ISPEAKER: Grazzi. F’isem l-Oppożizzjoni nsejjaħ lill-Onor. Kevin Cutajar.

ONOR. KEVIN CUTAJAR: Sur President, dan huwa mument ieħor emozzjonanti għalija; ikolli ngħid li hu mument emozzjonanti daqs l-ewwel darba li dħalt ġo din l-awla. Dan għaliex jiena kont ko-ċittadin tal-mibki iżda qatt minsi Louis Refalo. It-tnejn li aħna niġu mix-Xagħra Għawdex u, għalija, meta ssemmi lil Louis Refalo, Louis tal-Qaddis kif ilkoll konna nsibuh ġewwa Għawdex, kont tkun qed tgħid xi tfisser il-politika. Jien nista’ ngħid li fi tfuliti u fl-adolexxenza tiegħi Louis kien wieħed mill-punti ta’ riferiment f’dik li hija politika ġewwa Għawdex u partikolarment ġewwa x-Xagħra. Għalija dan il-mument, fejn qegħdin infakkru l-memorja ta’ Louis Refalo u qegħdin niltaqgħu hawn biex nagħtu l-kondoljanzi lill-familjari tiegħu, huwa mument ta’ diqa.

Lil Louis kont nafu personalment u mingħajr retorika ngħid li naħseb li t-telfa tiegħu hija telfa għall-familjari tiegħu, telfa għax-Xagħra u telfa anke għad-dinja tal-politika. Ngħid ukoll li għalija personali huwa unur li minn din in-naħa tal-Kamra ngħatajt il-possibbiltà li nkun jien li nfakkar lil Louis Refalo.

L-Onor. Fearne ta dettalji tal-biografija tiegħu. Nimmaġina li ftit huma dawk li qegħdin f’din il-Kamra li kienu diġà Membri qabel l-1996 meta spiċċa Louis, imma issa kulħadd għandu ftit informazzjoni dwar Louis anke permezz ta’ dan il-ktejjeb li qed jitqassam. Karattaristika waħda partikolari li dejjem laqtitni f’Louis kienet l-umiltà u l-ħidma tiegħu fis-skiet. Louis qatt ma qagħad idoqq it-trombi dwar dak li kien jagħmel. Din jgħiduha anke n-nies hemm barra u hija l-verità. Louis kien jaħdem dejjem fis-skiet u jipprova mill-aħjar li jista’ jgħin lill-pubbliku. Kieku kelli nissottolinja punt ewlieni mill-karattru ta’ Louis kien ikun proprju dan. Dan kien virtù li kien jikkaratterizzah kemm fil-ħajja kif ukoll fl-attività politika tiegħu.

Sfortunatament, Louis marad ta’ età żgħira. Minkejja l-mard tiegħu, jiena xorta dejjem sibt lil Louis jagħmilli kuraġġ u jagħtini l-appoġġ biex inkompli miexi ’l quddiem fil-ħajja politika. Qabel ma dħalt f’dan il-Parlament jiena għamilt 12-il sena fil-Kunsill Lokali tax-Xagħra u hawn nixtieq naqsam esperjenza ma’ din il-Kamra li ftit jafuha; naħseb lanqas il-familjari tiegħu stess ma jafuha.

Meta tlift il-vista fl-1991, kont rikoverat fl-Isptar San Luqa, u esperjenza ħelwa li kelli kienet żjara li għamilli Louis Refalo bla mistenni. Louis Refalo kellu l-abitudni - sirt naf wara - li minn żmien għal żmien imur idur il-pazjenti Għawdxin partikolarment dawk li jkunu f’Malta. Forsi din hija xi ħaġa li min hu Malti ma japprezzahiex daqshekk imma għalina l-Għawdxin, meta tkun qiegħed Malta, maqtugħ minn Għawdex u ’l bogħod mid-dar bħalma kont jien rikoverat għal żmien twil f’Malta, in-nuqqas tal-ambjent tiegħek tħossu, u allura tieħu r-ruħ meta jiġi jżurek u jagħtik ftit kliem ta’ konfort xi ħadd mir-raħal tiegħek bħalma kien Louis, li kien membru parlamentari. Naħseb li kienet xi ħaġa sabiħa ħafna li kien jagħmel mal-pazjenti Għawdxin. Kienet xi ħaġa li bqajt ngħożżha u bqajt niftakarha. Tkun ħaġa sabiħa kieku min hu membru parlamentari jadotta abitudnijiet bħal dawn. Tkun ħaġa tajba ħafna jekk rappreżentant tal-poplu jżur u anke jgħid ftit kliem ta’ konfort lil min ikun qed ibati. Tkun xi ħaġa li forsi lil dak li jkun dak il-ħin ittellgħu l-ġenna.

Dawn kienu ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam dwar Louis. Nerġa’ nissottolinja l-fatt li t-telfa ta’ Louis, bla ebda dubju, hija telfa kbira però żgur li Louis se jibqa’ fil-memorja tagħna. Dawk kollha li jiftakruh u dawk li kienu jafuh mill-qrib żgur li jafu li Louis kellu kwalitajiet li tajjeb li nsegwu mhux biss fid-dinja tal-politika imma wkoll fil-ħajja ta’ kuljum. Nagħlaq dan l-intervent billi nsellem lill-familjari tiegħu li naf li qegħdin magħna hawnhekk, lill-mara tiegħu Marija u lit-tfal tiegħu Marita u Tanja li nzertajt ta’ mpar tagħhom. Nagħtihom il-kondoljanzi f’isem l-Oppożizzjoni. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Lil Louis niftakru sew għax meta kont l-ewwel darba fil-Pulizija, fl-1981, kont spettur tal-pulizija f’Għawdex. Dik kienet l-ewwel elezzjoni ta’ Louis Refalo l-Qaddis. Qed nara lill-Onor. Frederick Azzopardi li jiftakarni tajjeb. Ovvjament dik ma kenitx elezzjoni bħall-oħrajn, kienet elezzjoni b’ħafna avventuri u niftakar li kemm-il darba tlajt ix-Xagħra mill-għassa ta’ Victoria. Louis il-Qaddis kien bniedem li kien iħobbu kulħadd. Niftakar li meta marad, jidhirli fl-1992 – niftakar li kienet is-sena tal-World Cup - kont immur narah l-isptar f’Londra u niftakar lill-mara tiegħu. Louis kien għamel operazzjoni maġġuri, imma dejjem kellu kuraġġ kbir u kien jagħmel l-almu tiegħu.

Louis kien bniedem li dejjem kien isemmi l-familja tiegħu. Qed nieħu pjaċir nara lit-tfal tiegħu hawnhekk fil-Parlament. Kien bniedem maħbub minn kulħadd, tant li għamel 13-il sena fil-Parlament, mill-1983 sal-1996. Meta tela’ Gvern Laburista fl-1996, immexxi mill-Onor. Alfred Sant, dan irrikonoxxa li Louis għandu jkompli x-xogħol tiegħu bħala direttur f’kumpanija parastatali għax kien persuna li dejjem kienet affidabbli u onesta.

Jien insellem lill-membri kollha tal-familja tiegħu li huma preżenti hawnhekk u nitlobhom biex dan il-ktejjeb jgħożżuh għax fih hemm l-ewwel diskors ta’ Louis u anke xi interventi li kellu fil-Parlament. Din hija xi ħaġa li tagħmlilna ġieħ bħala Parlament, Forsi jkun hemm mumenti ta’ nuqqas ta’ qbil, imma s-sentiment hu li hawnhekk kulħadd jiġi biex jagħti servizz fl-interess tan-nazzjon Malti u fl-interess tal-gżira Għawdxija, kien kien jagħmel Louis.

Jiena ningħaqad mal-kumplament tal-Kamra biex nagħti l-kondoljanzi lill-familjari u ħbieb tal-mibki Louis Refalo u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familja tiegħu.

 

Electoral History

Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.12.1981
Oath of Allegiance: 29.03.1983
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Sixth Legislature (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 13.05.1987
Oath of Allegiance: 09.07.1987
Dissolution of Parliament: 20.01.1992
Seventh Legislature (1992 - 1996)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 22.02.1992
Oath of Allegiance: 04.04.1992
Dissolution of Parliament: 23.09.1996