Estratt mis-Seduta Nru 121 tal-Ħames Parlament tat-Tnejn 19 ta’ Settembru, 1983
KONDOLJANZI
ONOR. JOSEPH CASSAR(Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, kif diġa’ jafu l-Onor. Membri, il-ġimgħa l-oħra, proprju l-Ġimgħa stess, miet l-Imħallef Ċensu Scerri fl-eta’ ta’ 67 sena, u llum xtaqt li l-Kamra tikkommemorah il-għaliex għalkemm għal perijodu qasir ħafna, kien ukoll Membru ta’ din il-Kamra fl-1950 fl-interess tal-Partit Kostituzzjonali.
L-Imħallef Ċensu Scerri, Mr Speaker, kellu karriera legali brillanti ħafna u l-aktar li ddistingwa ruħu kien fil-Qorti Kriminali fejn kien difensur ta’ diversi akkużati f’ġurijiet importanti ħafna. Barra milli kien avukat, hu laħaq ukoll, fil-karriera tiegħu, imħallef għal diversi snin, infatti mill-1973 ‘l hawn. Anke wara li rtira kien ġie innominat għal diversi snin, di fatti għal sentejn, u kien qiegħed fit-tielet sena bħala aġent imħallef.
L-Imħallef Scerri okkupa wkoll, apparti dawn il-pożizzjonijiet ta’ natura legali u ġudizzjarja, diversi pożizzjonijiet soċjali. Infatti nsibuh President - u kien għadu President - tal-Kings Own Band Club, u President tal-Banda Stella Maris. Kien ukoll Viċi President għal diversi snin tal-Kamra ta’ l-Avukati u kien ukoll President ta’ l-Overseas League. Barra minn hekk l-Imħallef Scerri dam għal ċertu żmien - qasir ukoll - bħala Aġent President tar-Repubblika.
L-Imħallef Scerri ħalla warajh lil martu u l-unika bintu li hija miżżewġa lil Dr Soler.
Jien nixtieq, għan-nom ta’ din in-naħa, illi l-Kamra permezz ta’ l-Iskrivan tagħha tibgħat il-kondoljanzi lil martu u lill-familja tiegħu għal din it-telfa li huma ġarrbu.
MR SPEAKER: Dr Guido DeMarco
ONOR. GUIDO DEMARCO: Sur President, l-Imħallef Ċensu Xerri, ukoll ex-kollega tagħna f’din il-Kamra, għalkemm qabel żmieni imma fi żmien xi ftit Onor. Membri li għadhom hawnhekk jonorawna bil-preżenza u l-kapacita’ tagħhom bħala rappreżentanti tal-poplu, għamel żmien, naħseb, jaħseb fil-politika, għalkemm iż-żmien li dam jaħseb fil-politika ma jikkorrispondix maż-żmien li effettivament kien ukoll fil-Parlament.
Naf ħafna kif kien jaħsibha l-Imħallef Scerri għax kont viċin tiegħu fil-kamp tal-Liġi Kriminali, kemm bħala avukati difensuri u kemm iktar bħala imħallef fl-Awla Kriminali li hu ppresjeda b’tant dinjita’, b’tant dedikazzjoni mill-aħjar kapaċita; li l-Bambin żejnu biha. Ħdimna ħafna flimkien u forsi kien sintomatiku li l-aħħar trattazzjoni li sema’ kienet proprju mingħandi f’appell importanti dwar omiċidju. Domt nittratta, dak inhar, għal żmien sostanzjali quddiemu, u meta wasalna biex niddiferixxu d-data għal meta jitkompla s-smiegħ ta’ dan l-appell, l-Imħallef Scerri wera ċerta permura biex jiġi diferit għal kemm jista’ jkun żmien qasir, peress li l-persuni konċernati jinsabu mingħajr il-liberta’ tagħhom, minħabba l-proċeduri kif inhuma. Wieħed mill-akkużati ma fehemx dak il-ħin l-interessament ta’ l-Imħallef Scerri biex issir it-trattazzjoni ta’ l-appell malajr kemm jista’ jkun u pprova jgħid: “Imma jien qiegħed hemm ġew”, u bil-ħlewwa tiegħu, li hija karatteristika ta’ l-Imħallef Ċensu Scerri, qallu: “Ibni, jien anzi li qiegħed nipprova ngħid hu li rrid dan l-appell jinstema u li jiġi deċiż malajr kemm jista’ jkun”. Ma kellux ikollu hu l-opportunita’ li jagħti l-opinjoni tiegħu u d-deċiżjoni tiegħu f’dan l-appell li għandu ċertu portata. Id-deċiżjoni tiegħu refagħha għal post ieħor, u naturalment aħna bħal dejjem nirrispettaw il-memorja tiegħu u l-kontribut tiegħu li ta, kif tajjeb qal id-Deputat Prim Ministru Anzjan, f’diversi oqsma tal-ħajja, kemm fil-qasam politiku, kemm fil-qasam soċjali, u anke in partikolari l-qasam legali.
MR SPEAKER (Onor. Daniel Micallef): Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi fid-diskors li saru min-naħa tal-Gvern u min-naħa ta’ l-Oppożizzjoni; u tordna lill-Iskrivan iwassal il-kondoljanzi tal-Kamra lill-familja ta’ l-Imħallef Ċensu Scerri.