Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Carmelo Schembri

Back to List

Condolences (8 Oct 1997)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 118 tat-Tmien Leġislatura tat-8 ta’ Ottubru 1997

KONDOLJANZI

ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, b'dispjaċir se jkolli nerġa' nqum illum sabiex nagħti l-kondoljanzi lill-familja u t-tfal ta' l-ex-Prim Imħallef Carmelo Schembri li miet illum. L-istess bħal fil-każ ta' l-Imħallef Montanaro Gauci nista' ngħid li dan ukoll kien bniedem ta' rispett kbir li kien jifforma parti importanti ħafna mill-bank tal-ġudikatura u rrid ngħid illi b'din it-telfa f'tant żmien qasir il-professjoni legali, bla dubju ta' xejn, tilfet bniedem ieħor ta' ċertu kalibru, ta' ċertu rispett u ta' ċerta integrita'.

Ir-rabta tal-mibki Imħallef Carmelo Schembri ma' dan il-Parlament huwa l-fatt li fl-1950 huwa kien elett bħala membru ta' l-Assemblea Leġislattiva fl-interessi tal-Partit Nazzjonalista u aktar tard kien anke okkupa l-pożizzjoni ta' deputy speaker fl-istess Assemblea Leġislattiva.

Madam Speaker, bħal f'okkażjonijiet oħra aħna nixtiequ nwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-mara tiegħu, lit-tfal tiegħu u lill-qraba kollha. Grazzi.

MADAM SPEAKER (Onor. Miriam Spiteri Debono): L-Onor. Guido de Marco.

ONOR. GUIDO DE MARCO: Madam Speaker, wara l-kommemorazzjoni li kellna l-bieraħ, illum għandna kommemorazzjoni oħra. Qed nitkellem dwar l-ex-Prim Imħallef Schembri.

Nhar il-Ħadd jiena mort narah meta kien qiegħed fl-ITU u ovvjament kien qiegħed f'pożizzjoni fejn il-mewt kienet qed tidher qrib. Pero' f'għajnejh kellu xorta dik il-ħarsa tant ġentili. Għalija l-mewt tal-Prim Imħallef Carmelo Schembri, li ili nafu mill-1952, hija mewta li tolqotni għax tlift bniedem li kont naf, kien ħabib tiegħi u qattajt ħafna mill-avukatura tiegħi nitratta l-kawżi quddiemu.

Sinjura President, jien niftakar li meta hu kien ministru ta' l-edukazzjoni jien kont il-president tal-kunsill rappreżentattiv ta' l-istudenti u għalhekk kelli l-ogħla abbokkamenti miegħu, liema abbokkamenti kienu jsiru taħt ċirkostanzi differenti, kif wara kollox baqgħu jsiru llum. Meta Dr. Carmelo Schembri laħaq maġistrat kien jagħti ħafna attenzjoni lix-xogħol tiegħu u l-istess nistgħu ngħidu għal meta laħaq imħallef. Kien bniedem rett u bniedem dedikat li jaf ix-xogħol tiegħu sew. Fil-fatt Dr. Carmelo Schembri kien jagħmel ix-xogħol tiegħu b'reqqa kbira. Jien niftakar dak iż-żmien li fih dan il-bniedem laħaq prim imħallef. Dakinhar jien inzertajt kelli ġuri quddiemu u waqt li kont qed niddefendi lill-akkużat ħadt l-aħbar li Dr Carmelo Schembri kien ġie nnominat bħala president tal-qrati u għalhekk kien il-kompitu tiegħi li nifraħlu għal din in-nomina.

Sinjura President, kien għalhekk li għidt li Dr Carmelo Schembro kien viċin tiegħi ħafna matul ħajtu. Hu kien iservi ta' mudell għal ħafna nies u kien missier li rabba lil uliedu b'għożża u b'dedikazzjoni kbira. GĦalhekk f'isem din in-naħa tal-Kamra, nixtieq nagħti l-kondoljanzi tiegħi lis-Sinjura Schembri u lil uliedu. GĦadni ma nistax ninsa l-ħarsa li tani l-Ħadd li għadda għaliex biha hu wrieni li għarafni, li nduna bija u li qed jgħidli saħansitra addio. Jien ċert li Alla se jagħtih il-glorja tas-sema għax din hija xi ħaġa li huwa jimmerita ħafna. Grazzi, Madam Speaker.

MADAM SPEAKER: Nirringrazzjak. Jien ukoll nixtieq naqsam is-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal il-kondoljanzi tagħna lill-familjari tiegħu.